Bejn il-Ħadd 1 ta’ Novembru u l-Ħadd 8 ta’ Novembru fil-Knisja tal-Baħrija limiti tar-Rabat, ġiet iċċelebrata l-festa ta’ San Martin. Matul il-ġimgħa saru diversi ċelebrazzjonijiet, fosthom ċelebrazzjoni sabiħa għat-tfal tal-lokal, preżentazzjoni tat-trabi u jiem oħra ta’ preparazzjoni. Il-Festa liturġika laħqet il-qofol tagħha nhar is-Sibt permezz ta’ quddiesa Solenni preseduta mil-Pirjol Provinċjali P. Leslie Gatt O.S.A. flimkien mal-Komunità Agostinjana tar-Rabat li sservi f’din il-Knisja. Wara l-quddiesa ħarġet il-purċissjoni bl-istatwa tal-qaddis li daret mat-toroq taċ-ċentru tar-raħal. L-għada l-Ħadd 10 ta’ Novembru imbagħad saret il-fiera tradizzjonali li hija karatteristika antika ta’ din il-festa f’dan ir-raħal ċkejken.
L-aħwa Agostinjani, ilhom iservu l-Komunita tal-Baħrija u partikolarment il-Knisja ta’ San Martin għal dawn l-aħħar tnax il-sena.