Tifkira tal-Aħwa Agostinjani li telqu qabilna

Fis-6 ta’ Novembru, il-Familja Agostinjana tiċċelebra t-tifkira tar-reliġjużi Agostinjani li għexu qabilna u li llum jistrieħu mal-Mulej. Bi preparazzjoni għal din it-tifkira, il-Ħamis 5 ta’ Novembru fl-10.30am, il-provinċjal flimkien ma diversi aħwa iċċelebra quddiesa fiċ-ċimiterju ta’ Santa Marija Addolorata li fiha fakkar l-aħwa mejtin.

F’kelmtejn li qasam mal-aħwa il-Provinċjal irrifletta fuq il-mistoqsija li Ġesu jagħmel lil Marta wara l-mewt ta’ ħuha: “Temmnu inti dan?” Santu Wistin jinnota li Marta filfatt kienet diġà temmen li ħuha kien se jqum mill-imwiet fl-aħħar jum, kif nemmnu anke aħna. Iżda Ġesù jipproponilha pass aktar ‘il quddiem. Ma jgħidilhiex biss li l-mejtin għad iqumu, imma jgħidilha: “Jiena hu l-qawmien u l-ħajja.” Donnu jrid jgħidilha li dak li permezz tiegħu se jqum dakinhar huwa preżenti quddiemek illum. It-tama tagħna quddiem il-mewt mhijiex sempliċement li xi darba għad inqumu mill-imwiet. It-tama tagħna hija Kristu nnifsu. Aħna ma nemmnux biss fil-qawmien, imma nemmnu fi Kristu li sejħilna biex minn issa nwieġbu għas-sejħa tiegħu u hekk naslu imbagħad anke miegħu għall-qawmien.

Wara l-quddiesa ll-aħwa preħenti flimkien ma xi familjari nġabru għal talba fuq l-oqbra tal-aħwa u l-ġenituri mejtin. Bejn Novembru tas-sena l-oħra u din is-sena l-Provinċja tilfet żewġ aħwa: P. Salvino Caruana O.S.A.u P. Ġulju Bonnici O.S.A. flimkien mas-sinjura Pauline Cauchi li tiġi omm P. Alex Cauchi O.S.A.

Scroll to Top