Għid il-Ħamsin
Atti 2, 1-11; Salm 103; Rumani 8:8:17; San Ġwann 14: 15-16.23b-26
Aqra’: “Meta wasal jum il-Għid il-Ħamsin, huma kienu lkoll flimkien f’post wieħed…imtlew ilkoll bl-Ispirtu s-Santu, u bdew jitkellmu b’ilsna oħra, skont ma’ L-Ispirtu kien jagħtihom li jitkellmu”
Riflessjoni: F’din il-festa ta’ Għid il-Ħamsin, niċċelebraw l-għoti lilna tar-rigal tal-Irxoxt: L-Ispirtu s-Santu. B’hekk Ġesu zamm il-wegħda tiegħu li qatt ma kien ser iħalli d-dixxipli tiegħu waħedhom. Dan ir-rigal ingħata lid-dixxipli fil-kuntest tal-festa ta’ Għid l-Ħamsin Lhudi. F’din il-festa l-Lhud kienu jfakkru meta kienu fid-dezert wara li ħarġu mill-jasar tal-Eġittu, u waslu ħdejn il-muntanja Sinai, fejn ingħataw l-għaxar kmandamenti. Meta San Luqa fl-Atti ta’ l-Appostli jgħid li l-Ispirtu nizel fuq id-dixxipli f’Għid il-Ħamsin, ried juri kif dan l-Ispirtu bidel il-liġi l-antika fil-liġi l-ġdida tan-nisrani. Dakinar l-Mulej iddeċieda li jbiddel qlub il-bnedmin, biex b’qalb ġdida ma jkollhomx bzonn iktar ta’ liġi esterna. Il-bniedem seta’ jibda jħobb bl-imħabba ta’ Alla nnifsu msawba f’qalbu. Kull min iħalli lilu nnifsu jiġi ggwidat mill-Vanġelu u l-Ispirtu s-Santu jitkellem lingwa waħda li kulħadd jifhimha: il-lingwa ta’ l-imħabba
Itlob: Spirtu s-Santu, ejja fina, raġġ ta’ dawl qaddis agħtina, xerrdu f’ruħna mis-smewwiet…O dawl hieni ta’ qdusija, nitolbuk li bik mimlija tkun il-qalb ta’ kull fidil. Mingħajr dawlek li jmexxina ebda ħajr ma jkun hemm fina, ebda safa fil-għemil.
Agħmel: Kull ġurnata matul din il-ġimgħa itlob lill-Ispirtu s-Santu biex jimliek bih mill-ġdid u jgħinek tgħix b’mod li togħġob lil Ġesu’. Hu biss bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu li nistgħu nħobbu u naqdu lil Ġesu’ b’mod li jixtieq hu.