Preparazzjoni għall-Kapitlu Provinċjali Ordinarju 2026

F’dawn l-aħħar ġimgħat, l-aħwa Agostinjani iltaqgħu għal żewġ mumenti flimkien waqt li bħala Provinċja għaddejin bil-preparazzjoni għall-Kapitlu Provinċjali Ordinarju. Fil-25 ta’ Jannar saret laqgħa li fiha l-Provinċjal P. Leslie Gatt ippreżenta xi spunti ta’ riflessjoni flimkien ma’ proposti li għandhom jiġu diskussi fil-Kapitlu. Dawk preżenti setgħu jikkontribwixxu anke permezz tad-diskussjoni li segwiet il-preżentazzjoni. Fil-25 ta’ Frar imbagħad saret laqgħa oħra, din id-darba ta’ natura spiritwali, li fiha l-aħwa kellhom Lectio Divina u adorazzjoni.

Sadanittant fil-ġranet li għaddew, il-Provinċjal għamel żjara fraterna fil-komunitajiet kollha u kellu ċans jitkellem mal-aħwa kollha wieħed wieħed. Dawn il-laqgħat kienu aktar minn kollox, mumenti ta’ smieħ fid-dawl tal-programm viżjoni li jrid jiġi ppreżentat fil-Kapitlu u d-diskussjonijiet li jridu jsiru. L-aħwa kollha rċevew anke d-dokumenti b’rapporti dwar dak li twettaq tul l-erba’ snin li għaddew u dak li qed jiġi propost għad-diskussjoni.

L-appuntament li jmiss issa jkun Velja ta’ Talb li ser issir nhar it-Tnejn 16 ta’ Marzu fis-6.30 pm fil-Knisja ta’ San Nikola minn Tolentino f’Ħal Tarxien. Il-Velja li tkun propju lejlet il-ftuħ tal-Kapitlu hija miftuħa għal dawk kollha li jixtiequ jaqsmu mal-aħwa dan il-mument ta’ talb. Qabel il-velja jkun hemm anke l-quddiesa. Il-Kapitlu Provinċjali jiftah imbagħad uffiċjalment nhar it-Tlieta 17 ta’ Marzu meta l-aħwa jibdew biċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa tal-Ispirtu s-Santu preseduta mill-Assistant Ġenerali P. Martin Davacan li ser jippresiedi l-ewwel parti tal-kapitlu bħala delegat tal-Pirjol Ġenerali.

Scroll to Top