Tlugħ il-Mulej fis-Sema
Atti 1, 1-11; Salm 46; Lhud 9:24-28; 10:19-23 Lq 24, 46-53
Aqra’: “U ġara li, huwa u jberikhom, infired minnhom u kien imtella fis-sema”.
Riflessjoni: X’inhi t-tifsira tal-festa li qegħdin niċċelebraw illum? It-Tlugħ tal-Mulej fis-sema hija d-dħul ta’ Ġesu’ fil-glorja tal-Missier. Huwa mar biex iħejjilna post biex fejn ikun Hu nkunu aħna wkoll miegħu. Ġesu’ telaq mid-dinja tagħna mhux għax iddejjaq, iddejjaq bina, imma biex ‘il quddiem inkunu miegħu, ħienja. Il-festa tal-lum, xi darba għad tkun il-festa tagħna. Ftit qegħdin jistennewha bil-ħerqa. Aħna lkoll marbutin ħafna mal-festa ta’ hawn isfel. Veru? Il-Mulej jifhimna u jagħdirna. Kulħadd igerger x’dinja din u ħadd ma jrid imur. Għoġobna x-xogħol! Imma minflok ingergru aħjar nimpenjaw ruħna biex ġa minn din id-dinja tidher is-Saltna ta’ Alla. Fiċ-ċrieki zgħar jew kbar tagħna, mdawwlin u mħeġġin mil-Ispirtu ta’ Alla, irrid nimpenjaw ruħna biex ngħixu l-valuri tas-Saltna ta’ Alla: ngħixu l-ġustizzja, l-imħabba u s-sliem. Sakemm naslu biex ingawdu s-Saltna ta’ Alla fis-sema irridu ngħixu bħala nies mimlijin bit-tama f’Alla.
L-aħħar punt: meta ngħidu li Ġesu tela s-sema, daħal fil-glorja tal-Missier, infired minna, ma jfissirx li ħalliena waħedna. “Intom tiksbu qawwa, meta jiġi fuqkom l-Ispirtu s-Santu”. Il-Mulej qalilna biex ma nibzgħux minn sitwazzjonijiet diffiċli għax hu jkun magħna bl-Ispirtu tiegħu li jgħarrafna kif għandna nġibu ruħna fid-dawl ta’ dak li għallimna Hu.
Itlob: Mulej agħtini li nistenniek sa ma terġa tiġi fil-glorja biex teħodni miegħek għal dejjem, ingawdik wiċċ im’wiċċ bla ma ninfirdu qatt, bla xejn ma jtellef ir-rabta tagħna
Agħmel: Fl-interess tagħna fil-politika, fl-ekonomija, fil-kultura u f’dak kollu li hu uman, ħa jidher it-twemmin tagħna f’ħajja aħjar u għal dejjem, ħajja li mar iħejjilna l-Mulej meta tela’ ħdejn il-Missier.