Terence Spiteri

  1. Meta twelidt u fejn trabbejt?

Twelidt fis-17 ta’ Lulju 1987 u trabbejt Fleur-de-Lys flimkien ma’ żewġ ħuti oħrajn. Minkejja li huwa raħal żgħir niftakarni kont impenjat ħafna fil-parroċċa.

  1. Fejn kont tattendi skola (primarja, sekondarja, post-sekondarja)?

Bħala skola Primarja u Sekondarja kont nattendi l-Kulleġġ Santu Wistin, filwaqt li komplejt l-istudji tiegħi l-Junior College, Imsida u l-Università ta’ Malta biex iggradwajt fit-Teoloġija. Fl-2012 komplejt l-ispeċjalizazzjoni fit-Teoloġija Bibblika fl-Università Gregorjana f’Ruma. Hawnhekk għamilt 3 snin.

  1. Meta ġietek is-sejħa għall-ħajja agostinjana u x’ħajrek?

Niftakar li meta kont fil-kulleġġ Santu Wistin fl-aħħar sena tas-sekondarja darba kelli stedina biex nibda nattendi xi ativitajiet li kienu jorganizzaw għalina l-adolexxenti u tħajjart immur. Wara ftit żmien li kont nieħu sehem f’dan il-grupp, darba avviċinani saċerdot Agostinjan u talabni biex inkun leader ta’ grupp flimkien ma’ żagħżugħ ieħor. Minn dakinhar anke minħabba l-fiduċja li wera fija dan is-saċerdot imbagħad bdejt nieħu bis-serjetà din is-sejħa u kont nieħu sehem f’diversi attivitajiet vokazzjonali u kont inkun looking forward għalihom.

Ftit wara imbagħad bdejt nagħmel xi esperjenzi ta’ għixien il-kunvent filwaqt li nibqa’ għaddej bil-ħajja tiegħi normali. L-iktar aspett li laqatni kienet il-komunjoni li kont qed nara bejn il-patrijiet li kienu jkunu magħna f’dawn l-attivitajiet u ħassejt li din l-esperjenza ta’ flimkien tista’ tkun ħajti billi nagħti ħajti kollha biex inwassal lil Kristu skont il-ħajja Agostinjana.

  1. Xi tħobb tagħmel fil-ħin liberu?

L-iktar ħaġa li nħobb nagħmel huwa l-ġiri.Huwa mument għalija li fih naħseb ħafna u jiġuni diversi ideat waqt il-ġiri – l-moħħ ikun għaddej waħdu! Il-pjanti u l-ġnien jgħinuni nżomm kuntatt man-natura u nieħu gost għalkemm mhux dejjem jirnexxieli nieħu ħsiebhom sew! Fis-sajf imbagħad inħobb ngħum ħafna. Dan l-aħħar bdejt passatemp ġdid – nagħmel diżinji fl-injam billi naħraq fl-injam (wood burning - Pyrography). Għamilt żmien naqta l-injam bl-arkett u nixtieq li jkolli ftit ħin u nerġa naqbad dan il-passatemp! Inħobb naqra u ndoqq il-pjanu imma ma nkantax!

  1. Tista’ tgħidilna xi ktieb interessanti li qrajt? Fuq xhiex jittratta?

Ktieb interessanti li qrajt huwa Man’s Search for meaning ta’ Victor Frankl li jitkellem fuq l-importanza tat-tama fil-ħajja anke meta ma jkunx faċli li tgħix.

  1. Għandek xi quote/saying għal qalbek?

Quote għal qalbi li nipprova ngħixha ta’ kuljum hija: “Ngħix, mhux iktar jien imma jgħix fija Kristu” Gal 2,20. Minkejja li mhux faċli ngħixha kuljum imma nipprova li dak kollu li nagħmel ikun ħiereġ minn Kristu u mhux biex nidher jien.

 

 

 


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.