200 sena Provinċja: Inġorru f’qalbna ħolma u missjoni mill-isbaħ

Il-ħolma li welldet qalb... qalb li llum għadha ħajja, tbaqbaq, sabiħa!

13 ta’ Novembru 354.  F’Tagaste (Souk-Ahras) fl-Afrika Rumana jitwieled Wistin iben Patrizju, pagan, u Monika, nisranija qaddisa. Wistin żgħir kien ġa milqugħ fil-katekumenat u ngħata s-sinjal tal-melħ. Iktar tard hu stess kiteb: “Isem Ġesù...il-qalb ċkejkna tiegħi xorbitu bit-tjieba ma’ ħalib ommi u żammitu fis-sħiħ.” (Stqarrijiet III,4).

Fuq Wistin ta’ Ippona kulħadd jaf..min ftit..min ħafna! Kemm-il darba ħsibt f’twelidu jien! Dakinhar ma twelidx biss Wistin....imma twieldet...ħolma! Ħolma...ħafna ikbar minnu. Għal bosta persuni hu ġgant fil-ħsieb..li hu..imma f’qalbi dejjem rajtu l-bniedem innamrat...innamrat ma’ Alla, mal-ħajja, mal-imħabba, mal-ħbieb, mal-verità, mal-ħelsien. F’ħajtu terraq ħafna, staqsa ħafna, fittex ħafna, ipprova minn kollox. Imma mbagħad sab...sab lil dak li dejjem fittex...lil Alla...dak li kif stqarr hu stess... ‘ħabbat mal-ħġieġ ta’ ħajtu’. Imma xorta l-vjaġġ tiegħu komplieh, għax fi kliemu stess tajjeb li wieħed “jfittex biex jiskopri...imma meta tiskopri...kompli fittex” (De Trinitate). Lil Alla ħabbu b’imħabba ta’ poeta...passjonali! Imbagħad induna li dak li sab u skopra..ma setax iżommu għalih. Ried ikompli jgħixu f’ħajja ma’ aħwa oħrajn (Cor unum). Din ukoll kienet ħolma...waħda mill-ħafna li kellu...xtaq li ħbieb u aħwa jgħixu flimkien biex ifittxu lil Alla (Regola 1.2), billi jħobbuh flimkien u jgħadduh bil-ferħ lill-oħrajn. Wistin imut fit-28 ta’ Awwissu 430 f’dak li hu meqjus bħala t-tielet xahar tal-assedju tal-Vandali.

Jibda għaddej iż-żmien....jibdew jgerbbu s-snin! Persuni minn kull qasam tal-ħajja wkoll saru parti mill-vjaġġ u l-ħolma tiegħu. Bħalma ġara fil-bidu (meta Ġesù kien miet)....ġara wkoll ma’ Wistin! Dawk li għexu miegħu kienu jafu fiex emmen Wistin u x’kien dak li ħabb. Qraw dak li kiteb...fost dawn l-Istqarrijiet tiegħu. Ir-raġunijiet għalfejn kitibhom Wistin huma ħafna ... letterarji, filosofiċi, storiċi... żgur li fihom ried jaqsam il-vjaġġ ta’ ħajtu. Infatti kif kiteb hu stess... “l-ewwel għaxar kotba kienu jitħaddtu dwaru u t-tlieta l-oħra jitħaddtu dwar il-Kotba Mqaddsa.” (Retractationes II, 6) Kien kitibhom 14-il sena wara l-konverżjoni tiegħu meta kellu xi 46 sena..meta kien ilu diġà 9 snin saċerdot u 5 snin Isqof. Ħaga tal-iskantament kif, mingħajr ma għamel xi disa’ snin formazzjoni, kien sar jaf daqshekk ’il ġewwa l-Aħbar it-Tajba tal-Iskrittura kif ukoll sar midħla tal-filosofija u tat-teoloġija nisranija.  Il-fatt hu, li kemm meta kien għadu ħaj kif ukoll wara mewtu....l-istess ħajja li għex u xtaq Wistin, bdew jgħixuha oħrajn ukoll....fil-bidu min waħdu u ġieli fi gruppi sakemm seħħ dak li nistgħu ngħidulu t-‘twaqqif’ (fundazzjoni) tal-Ordni Agostinjan...l-ewwel fl-1244 (Parva Unio) u wara ġie mkabbar fl-1256 (Magna Unio). Kienu magħrufa bħala l-Aħwa Eremiti ta’ Santu Wistin. Hi xi ħaġa mill-iktar profonda li f’dawn is-sekli kollha r-Regola  (miktuba minn Santu Wistin fis-sena 397) baqgħet ir-rabta distintiva u l-ispirazzjoni ewlenija bejn il-qalb u l-moħħ ta’ Wistin u l-ħajja li għexu dawk kollha li xtaqu jkompli jimxu warajh.

Ikompli jgħaddi ż-żmien...ninsabu lejn tmiem is-Seklu XIV. Il-ħolma ta’ Wistin tersaq lejn ġensna. L-irħieb Agostinjani jiġu Malta...u minn hemm tkompli l-ħolma ta’ Wistin: il-missier spiritwali tagħna...issa tant qribna, fostna, f’artna. Din il-ħolma għexuha tant reliġjużi li b’imħabbithom, b’ħidmithom u bix-xhieda tagħhom żguraw li din il-qalb tibqa’ tgħix u ddawwal il-ħajja ta’ bosta persuni. Bnew kunventi, knejjes imma l-iktar...bnew komunitajiet...komunitajiet mibnija fuq il-Kelma ta’ Alla li kienet l-istess ispirazzjoni ta’ Wistin. Għamlu dan f’pajjiżna u barra minn xtutna. Sakemm wasal il-jum tal-14 ta’ Settembru 1817 meta minn Ruma nkisbu d-digrieti sabiex titwaqqaf uffiċjalment il-Provinċja Agostinjana Maltija.

Din is-sena xtaqna li nfakkru din il-ġrajja..imma iktar mill-‘awtonomija’ li ksibna, nixtiequ nfakkru l-ħolma ta’ Wistin: ħajtu, l-esperjenza tiegħu, dak li emmen, għex u għallem, il-mixja li għamel fih nnifsu u ma’ oħrajn...dawn kollha nixtiquhom jibqgħu jgħixu. Inħarsu lura..lejn dak li Alla għamel fina u permezz tagħna. Mhix ħarsa ta’ nostalġija...iktar hi ħarsa ta’ ringrazzjament u ta’ barka. Nagħraf kemm fil-passat tagħna kien hemm aħwa (‘tagħna’) fostna li ngħataw, taw ħajjithom kollha f’artna u barra minn xtutna, kemm dawl, kemm ġenerożità, kemm sagrifiċċji fis-skiet, kemm xhieda sabiħa u qaddisa, kemm servizz. Nagħraf kemm ħutna stinkaw, kemm baqgħu sodi quddiem kull saram, kemm afdaw fl-abbundanza tal-Providenza ta’ Alla. Nemmnu li llum qed igawdu lil Dak li biex tarah “jeħtieġlek is-skiet” (Kummentarju tal-Vanġelu ta’ San Ġwann 17,11).

Imma nħares lejna llum u lejn dak li nixtiequ nkomplu nkunu fil-ġejjieni. Inħares lejn ħuti kollha u lejn tant persuni li magħna jaqsmu u jgħixu l-istess ideal. U għadni nara tant imħabba, passjoni kbira, ħeġġa bla limiti. Għadna bennejja ta’ komunitajiet..forsi bla storbju..kif għandu jkun...imma ż-żerriegħa hemm hi..nagħrafha u naf li Alla Sid il-ħsad, għad ikabbar meta u kif jaf hu l-aħjar. Nara fil-komunitajiet tagħna xewqa kbira li jkun hemm adorazzjoni vera u awtentika lejn Alla u lejn xulxin. U nara fostna impenn qawwi u dinamiku ta’ servizz ġeneruż lejn tant persuni, f’bosta postijiet u okkażjonijiet.

F’qalbi.... lil Wistin inħobbu hekk...għal din il-ħolma li welled! Nammirah għax baqa’ ċkejken u veru miegħu nnifsu. Baqa’ jimxi u jikkonverti sal-aħħar. Il-konverżjoni tiegħu kienet twila..mixja b’ħafna tidwir, waqfien, waqgħat u mixi lura...tista’ ssejħilhom ‘ħafna’ konverżjonijiet. Il-Papa Emeritu Benedittu XVI li wkoll ħabb ħafna lil Wistin...jgħid li Wistin kellu tliet ‘konverżjonijiet’: (i) Hemm il-mixja twila ta’ Wistin minn tfulitu ma’ ommu Monika sal-‘konverżjoni tal-ġnien f’Milan’; (ii) hemm il-bidla li aċċetta f’ħajtu meta ssagrifika l-ħolma tiegħu li jagħti ħajtu għalkollox għall-ġabra f’monasteru ma’ komunità, biex ikun ta’ servizz lill-Knisja bħala saċerdot u isqof; u (iii) hemm il-mument meta fil-missjoni tiegħu bħala saċerdot u isqof, intebaħ li ma kien se jasal qatt biex id-diskors tal-Muntanja se jkun mexa fuqu kollu u kellu jgħix konverżjoni bla waqfien.

Kemm-il darba ħsibt f’dan kollu u nħoss li forsi aktarx din hi l-ikbar eredità li għandna tiegħu u li jekk rridu nibqgħu fidili lejn l-ewwel ħolma tiegħu..hu dan l-iktar aspett li rridu nibżgħu għalih. Għalina llum u għall-futur li ħadd minna ma jaf, jien nemmen li l-iktar vokazzjoni naturali tagħna hi li aħna nibqgħu viċin kull bniedem li miexi, li qed jistaqsi, li qed ifittex. M’għandniex ikollna għaġla biex infittxu ir-risposti. Id-domandi għandhom ċertu ritmu tagħhom kif jaħdmu ġo fina u maż-żmien iħallu l-frott. Hi din il-mixja li Wistin għamel fih innifsu, ma’ ħutu u ma’ tant persuni li tagħhom kien ragħaj ħanin.

Kien hemm mumenti meta f’qalbi staqsejt lili nnifsi jagħmilx sens li tfakkar ġrajjiet ta’ tant snin ilu. Imma mbagħad, kull darba li noħlom f’Wistin f’qalbi, fhimt li nkunu qed nonqsu jekk ma nagħmlux hekk. Aħna għalhekk mhux qed infakkru sempliċiment storja, proġetti u ħidma – li ġustament tassew jistħoqqilkom kull ġieħ – imma qed infakkru din il-ħolma li welldet qalb...qalb li llum għadha ħajja, tbaqbaq...tant sabiħa.

Din il-ħolma jisimha Wistin...għalija mhux biss Missier Spiritwali..imma wkoll ħija l-kbir, l-iktar ħuna magħruf, il-poeta, il-profeta, dak li qanqal tant kuxjenzi, bniedem ta’ fidi, bniedem ta’ Alla, ħabib ta’ kulħadd.

Lil ħuti kollha, li dawk li jaqsmu magħna dan l-ispirtu nawgura li nkomplu nibqgħu nixbhuh u bħalu nkunu nies mimlija (‘tqal’) b’Alla, mimlija dawl, mimlija ferħ. Bħal Wistin...Mulej: aħna rridu nibqgħu nfittxuk, nixtiequ nkomplu nsibuk u nagħrfuk..imma fuq kollox rridu nkomplu nħobbuk dejjem iktar. Ammen. Nhar l-14 ta’ Settembru, meta se nkunu miġburin ma’ Mons Arċisqof, nixtiequh jkun mument sabiħ ta’ fidi li fih nistgħu ngħidu grazzi lil Alla ta’ dan kollu, u biex minn hemm nkomplu b’kuraġġ u b’ferħ, il-qadfa tagħna fis-soċjetà tagħna.


© 2019 agostinjani.org. All Rights Reserved.