Riflessjoni tal-Provinċjal fl-okkazjoni tal-50 sena mill-Ordinazzjoni ta’ Patri Lucjan Borg OSA

Kemm tagħmel differenza fil-ħajja, b’liema għajnejn/qalb tara l-affarijiet! Il-Buddisti jgħallmuna li meta l-għajnejn ta’ qalbna jkunu ħielsa tassew – u biex dan jsir, bħala dixxiplina huma jinsistu fuq li kuljum trid tinqata/togħla mill-affarijiet ta’ kuljum....li ironikament ħafna drabi tant jeħdulna enerġija – nkunu nistgħu naraw l-affarijiet ċar. Xi eżempji:

 

  • Ħudu l-ħajja stess. (a) Tara l-ħajja mill-għajnejn tal-barka, tas-sliem, tal-ferħ, tal-pozitivita, tal-ġentilezza, tal-mogħdrija, tas-sempliċita’, tat-tjieba tal-ħajja...kollox jkun differenti! Kemm ħajtek stess, kemm in-nuċċali li bih tara l-ħajja, l-istorja tiegħek u ta’ ħaddiehor. Tibda tinduna b’ħafna barkiet li ma jkunx jidhru fil-wiċċ..imma jkunu hemm, tibda tgawdi iktar il-bnazzi ta’ Alla, tibda tisma iktar il-kunċert tal-għasafar fl-intimu tiegħek. (b) Bil-maqlub, jekk il-ħajja tibda  taraha b’rabja, bi dwejjaq, b’negattivita’, bi kritika’, b’suspetti, b’mod inflessibli/djuq, b’ħafna skemi, b’riġidita’, b’ġudizzji jew bi qrusa.....lesti ruħek għal ħajja moħlija, tkun dħalt f’labirint li jifgak fih. Tkun ħasra ta’ vera! L-ewwel l-għajnejn mela...interessanti li dawk kien jmiss u jfejjaq l-ewwel Ġesu!

 

  • Ħudu l-fidi. (a) Aħsbu fit-tbissima ta’ tarbija li meta omm titbissmilha, hi titbissmilha lura – tkun għarfitha! Aħsbu fix-xena tal-aħħar ċena meta Ġwanni serraħ rasu fuq sider Ġesu..it-tnejn jisimgħu qalb xulxin! Din hi l-fidi! Jien anke lil Ġesu’ nħobb narah hekk: kif għex sempliċi, kemm kien dirett fi kliemu, kemm kellu liberta’ ta’ spirtu’, kemm kien bniedem ta’ kulħadd, kemm kellu ġesti ħielsa minn kull skemi reliġjuzi u morali. Tara l-fidi minn dan l-angolu hi xi ħaġa profonda u serena mmens. (b) Bil-maqlub, jekk il-fidi taraha biss imlibbsa fil-libsa ta’ reliġjon/struttura, jew taraha bħala idejoloġija, kultura jew sempliċi ġabra ta’ normi.....apparti li din tista’ tkun karikatura tal-Vanġelu, taf issir morsa li toħonqok u tifgak... minflok ħajja li teħilsek u ġġiblek l-ferħ. .mill-ġdid..minn fejn qed tħares!

 

  • L-istess is-saċerdozju. (a) Is-sejħiet/kull sejħa kollha kellhom traċċi sempliċi u ordinarji ħafna. Kienu jibdew fil-post fejn Ġesu’ kien jiltaqa ma’ dak li jkun – fl-għelieqi jew f’xatt il-baħar. Mill-Iskrittura nafu zgur li Ġesu’ kien jkun qed jimxi – ivvjaġġa fil-Palestina biss – u kien jiltaqa ma xi persuni, jmur fuqhom, jħares lejhom “b’imħabba” u kien jagħmlilhom sejħa/stedina konkreta: “Ejja warajja”. Dejjem stedina – Hu għażilna (għalhekk hi don) u dejjem b’enfasi fuq l-imħabba (lil Pietru – Tħobbni int?). Naturalment kien hemm mumenti oħra qawwija! Nistgħu ngħidu li l-konsagrazzjoni saret waqt ikla fraterna, fil-kamra ta’ fuq. Ma kienx hemm l-apparat/l-baggage kollu tagħna llum. Kien hemm 12 il-raġel li ma kienux neċessarjament ‘l-aħjar’ bil-kejl tagħna kieku llum (!). L-atmosfera kienet tvarja bejn min kien seren, min kien imbezza, min f’qalbu kellu t-tradiment. Is-silta ħi ċara wkoll f’diversi dettalji: nafu lkoll li lil dawn it-12 ir-raġel (l-appostli) kien għażilhom Ġesu’ stess b’isimhom (minn fejn kienu), afdahom u ħabbhom xorta/dejjem. Qabel l-ikla fil-verita’ kien hemm rit..il-ħasil tal-idejn u r-riġlejn..kienet normali għalihom dak iż-żmien. Imma anke dan ir-rit Ġesu’ qalbu ta’ taħt fuq..għax kien hu li ħaslilhom riġlejhom. U qalilhom: “agħmlu hekk intom ukoll”. Imbagħad kellimhom fuq ħaġa waħda...fuq l-imħabba. Wara kielu u xorbu u qallilhom (qalilna)...kull darba li tagħmlu hekk...jien nkun magħkom! Hekk beda u twaqqaf is-saċerdozju. (Għalhekk kien in bad taste u dizzapuntanti ir-riklam ta’ l-aħħar Ċena b’Ġesu jqassam pizza u chips..l-Ewkaristija tfisser ħafna ħafna iktar minn hekk! Tant ilna innizlu l-bar tal-valuri fil-ħajja..li issa m’hemmx fejn tinzel iktar u issa waslna fi stadju li inżilna taħt il-ħama!) Mument iehor qawwi kien seħħ xi ġimgħat wara...kien bgħatt fuqhom l-Ispirtu tiegħu ħa jsaħħahom fil-missjoni tagħhom u biex jimtlew biss bih. Tara is-saċerdozju minn din l-ottika hi fundmentali biex wieħed jibqa fidil lejn din l-ewwel imħabba.! (b) U bħal ezempji l-oħra wkoll, jekk tinsa dil-faċċata, allura ir-riskju hu ikraħ ħafna. Tispiċċa taħseb li ntgħazilt minħabba xi ħila tiegħek (li mhux il-kaz)...minħabba xi rikkonixximent ta’ xi bravura, u faċli taf tispiċċa manager, attur jew funzjonarju bla ruħ. Il-Papa jfakkarna li jekk is-saċerdot jinsa din l-ewwel sejħa....jkun qed jagħmel ħsara kbira lill-Knisja. U jsemmi saċerdoti li huma narċissisti, nies li nsew il-vokazzjoni tagħhom – jseħilhom ‘tradituri’ -  biex jagħmlu karriera għalihom infushom, oħrajn li jiddeletaw b’riti bla ħajja u oħrajn li moħħhom biss biex jkunu professjonisti, organizzaturi u effiċjenti. Ftit ilu semma wkoll il-weġgħa tiegħu u tal-poplu ta’ Alla meta jaraw saċerdoti li huma  paguni, manipulaturi,  nies li jiddefendu biss il-kawzi tagħhom, ġellieda ta’ kruċjati bla sugu  u oħrajn li qed jongħosu fir-raqda ta’ ħajja komda ħafna għax insew il-valur tas-salib – affront oxxen  u parodija lil Mulej innifsu li tnezza minn kollox biex aħna stajna ngħixu. Daqshekk jaf jixxengel il-pendlu jew ninsew l-veru wiċċ tas-saċerdozju. Iġifieri anke hawn, kemm aħna s-saċerdoti kif ukoll il-komunita’ nisranija rridu nkunu attenti mmens liema wiċċ ta’ saċerdozju qed ngħixu u qed insegwu.

 

Illum qed niċċelebraw il-50 anniversarju saċerdotali ta’ Patri Luċjan. 50 sena mhumiex ftit..anzi! Minn jaf x’vjaġġ għex Patri Luċjan f’dawn il-50 sena..kif ngħidu bil-malti...imma f’sens tajjeb...Alla biss (waħdu) jaf! Kemm hu intimu kull vjaġġ! Kif smajna fis-salm illum: Il-Mulej zgur kien miegħu bħal ragħaj ħanin. Min jaf kemm doni u grazzji. Illum Patri Luċjan - mal-ħobż u l-inbid - qed joffri lil Alla l-offerta ta’ ħajtu stess u ta’ dawk in-nies kollha li l-Mulej laqgħu magħhom f’pajjizna, fl-Alġerija u llum f’Cuba. Dan il-mument ta’ radd il-ħajr jgħina nagħmlu xi riflessjonijiet, kemm bħala saċerdoti kif ukoll bħala poplu ta’ Alla..aħna lkoll li l-ikbar dinjita’ li għandna li tgħaqqadna flimkien hi l-magħmudija. Ħa nsemmi biss tliet traċċi li joħorġu mill-qari li Patri Luċjan għażel għal din l-okkazjoni:

 

L-ewwel: Ir-rabta intima bejn ir-ragħaj u l-merħla (1 Qari tal-Profeta Ezekjel 34, 11-12, 25-36) Għal din il-merħla, Kristu ta kollox..mhix loqom - ta lilu nnifsu - sa miet fuq is-salib. Inbidel biss il-mod kif nifhmu dan il-lingwaġġ..imma s-sens baqa l-istess.

 

  • Il-Mulej fdalna merħla/komunita’/persuni li mhux propjeta tagħna (ma nistawx nagħmlu bħal dawk l-ħaddiema li l-għalqa tad-dwieli għamluha propjeta’ privata/ipposeduha huma u bdew jamministrawha lil min kien jaqblilhom), il-poplu ta’ Alla għandu dritt jistenna minna fedelta’ lejn il-Kelma ta’ Ġesu’ (mhux tejoriji tagħna). Jekk rridu li l-ministeru tagħna jagħmel il-frott, jrid jkun kuljum u kull ħin imsoqqi minnU – u dan jsir daqskemm nkunu “tiegħu” biss u ma nittraskurawx it-talb - għax jekk nibqgħu fuq ħilitna, kollox jiġġarraf u nafu nġarrfu lil ħaddiehor magħna. M’aħniex aħjar minn ħaddiehor aħna!
  • Għedt li nbidel il-kuntest..imma mhux ezatt jekk tifhimha. (Meta jsemmi il-merħla, Ġesu’ dejjem jsemmih f’kuntest tar-Ragħaj it-tajjeb li ma jaħrabx meta jara l-lupu ġej). Anke llum għad hemm il-lupu li lest li jaħtaf u nibzaljaw jekk naħsbu li dan mhux hemm jew li dan hu xi lingwagg ta’ mentalita’ ta’ fortizza! M’għandiex nibżgħu mill-lupu, rridu nitkellmu ċar – ġieli nibza li daħlet ħafna dizonesta pastorali fin-nofs (ma niddejqux nkunu ‘skomdi’/li nkunu sinjal ta’ kontradizzjoni)– ma nistawx nagħmlu discounts mill-Evanġelju jew mit-tagħlim tal-Knisja. Tagħna trid tkun dejjem xhieda ċara, bla ebda ambigwita, imma dejjem mimlija b’imħabba u mingħajr ma niġġudikaw lil ħadd. Vera mhux dejjem faċli – għax illum il-merħla qed tfittex u mhux dejjem qed toxrob min għejjun tajba. (plus li hawn ħafna ilħna).  Hawn nies li tassew qed jsaqsu x’sens fiha l-ħajja, jekk għadux jagħmel sens li tifforma familja, jew li tingħata dejjem. U tant domandi oħra. Aħna m’għandiex tweġiba għal kollox - hemm umilta’ filli nagħrfu dan – zgur ma nistawx napplikaw mediċina tal-passat għal sitwazzjonijiet ġodda. Hu dmir tagħna li nipprietkaw il-verita biex indawwlu l-kuxjenza, imma ma nistgħux naħtfu l-kuxjenza ta’ ħaddiehor! Irridu nafdaw fil-Mulej, noffru biss lilU – u ngħinuH – li bħalma smajna mill-Profeta Ezekjel għad “jsalva lil kulħadd min fejn xtered”. Niftakru f’kelmtu u ma nibzawx għax Hu dejjem magħna sal-aħħar taż-żminijiet.

 

It-tieni: Hu ministeru li fih aħna msejħa biex “inħajru lil xulxin għal imħabba u għall-egħmil it-tajjeb.” (2 Qari mill-Ittra lil Lhud 10, 11-12, 21-24).

 

  • Din il-merħla hi mifruxa f’kull parti tal-globu... u tagħha aħna lkoll qaddejja. Mifruxa (patri Luċjan jaf xi ħaġa), vasta u diversa ħafna. Għandna nħossuna ‘komdi’ f’din id-dinja kif inhi llum...għax fiha l-Mulej bgħatna biex nevanġelizzaw...biex inħobbu! Bħal qawsalla li hi waħda mill-isbaħ manifestazzjonijiet tan-natura (Il-backdrop ta’ wara l-artal). L-istess kif il-Knisja hi msejħa biex tkun manifestazzjoni sabiħa tal-imħabba t’Alla. Il-qawsalla li hi magħmulha minn kuluri differenti li f’sinerġija perfetta bejniethom jiffurmaw il-kulur abjad. Il-qawsalla tal-Ġenesi tiċċelebra l-unita’ fid-diversita’. Tixbaħ lil ġnien li fiħ fjuri sbieħ u jagħti dehra ta’ tapit mill-isbaħ. .. jkun hemm xi xewk ‘l hemm u l’hawn..imma dan m’għandux jaqtalna qalbna. Kif għedt...m’għandiex għalfejn nibżgħu! Id-diversita’ veru taf toħloq xi tenzjonijiet imma kull organizmu ħaj jgħaddi minn dawn il-mumenti. L-istorja tal-Knisja stess (u tat-tejoloġija) turina li dawk li kienu vuċijiet skomdi sekli ilu, iffurmaw il-lingwaġġ tagħna llum. Dawk li ġew imwarrba saru l-eroj u l-qaddisin tagħna llum. Dawk li dehru suspettuzi, spiċċaw saru l-profeti tal-lum.
  • U għalhekk is-saċerdozju tagħna jrid jkun bħal xmara – kif darba qabblu l-Cardinal Newman – xmara li fiha hemm jixrob ħaruf żgħir imma fiha jgħum ukoll iljunfant kbir. Il-knisja tagħna trid tkun il-post fejn l-egħref tejoloġu jkun jaf jiekol il-ħobża ma xi ħadd li lanqas jaf jrodd is-salib. Il-ministeru tagħna fil-Knisja ma jistax jkun elitista u xi club esklussiv. F’din ix-xmara jgħixu is-sagrmenti tal-Knisja li twaqqfu minn Ġesu’ biex jfejjqu u jdewwu... mhux biex jiddixplinaw jew jbezzgħu in-nies. Din il-metafora tax-xmara toġogħbni wisq..għax l-ilma hu dejjem ġdid. Fix-xmara ħadd ma jinħasel mill-istess ilma darbtejn. Dan it-tiġdid għalhekk jrid jkun dejjem f’qalbna jekk rridu nipprezentaw lil Ġesu’ li hu dejjem ġdid. Hu saċerdozju li rridu nitgħallmu ngħixu b’umilta’ u fl-għarfien li anke barra l-istrutturi tagħna hemm salvazzjoni...hemm tant tjubija, tant qdusija, tant imħabba. Hu għalhekk saċerdozju ta’ djalogu, bla ġudizzju jew kundanna u fl-isfont ta’ dak li jgħidilna l-Papa Franġisku li nkun knisja bħal sptar..fejn wieħed jħossu mdewwi u fuq kollox maħbub. Jekk ma nifhmux l-affarijiet hekk, nibza li nkunu knisja marida f’soċjeta’ marida.

 

It-tielet: Hu ministeru li fih imsejjħa biex inlaqqgħu lill-bniedem ma’ Ġesu’ li hu ta’ qalb ħelwa u umli u li fih kulħadd jista jsib mistrieħ għal ruħu. (Vanġelu: Mt 11, 25-30).

 

  • Aħna ma nbiegħawx prodotti, riċetti, kunċetti...aħna noffru lil Ġesu’ – ma għandiex nistħu nagħmlu dan....qatt ma kien dan iż-żmien..u llum iktar u iktar m’għandniex dan il-lussu. Aħna m’aħniex interessati mill-proselitizmu, mill-folol u minn numri. Aħna għandna lilu biss u l-Vanġelu tiegħu. U l-Vanġelu għandu qawwa attrattiva waħdu bizzejjed. Dan biss għandna nizirgħu..imbagħad jsaqqi u jkabbar HU. Ngħaddu lilu daqskemm aħna stess nkunu nnamrati b’mod passjonali miegħu, għax mbagħad ix-xhieda tagħna tħajjar lil ħaddiehor jiltaqa’ miegħu hu stess. Dan biss għandu jkun il-missjoni tagħna – din il-wegħda li ġġibilna ħafna ferħ għax mhux piz. Din hi l-aħbar it-tajba, li ngħaddu lilU li hu ta’ qalb ħelwa u umli...jisimgħu min hu żgħir għax min hu kbir hu mimli bih innifsu!
  • Irridu kuljum nintelqu f’idejH, inħalluh juzana fejn jridna hu...mhux nagħzlu aħna..u bħad-dixxiplu Hananija – li jfisser il-Mulej ħenn..nkunu dixxipli u qaddejja li dejjem inxandru dan il-wiċċ mimlija mħabba, tenerezza a u ħniena. Niftakruha l-għajta? Isem Alla hu ħniena. Din is-soċjeta ġieli għajjiena, distratta u marida, ma tridx knisja bl-istess sintomi...trid knisja u saċerdoti mimlija ħeġġa, passjoni, dedikati, ferrieħa u mimlijin biss biH. Saċerdoti hekk dejjem għamlu ġid kbir lid-dinja. Il-mezzi u l-metodi mhux importanti li jkunu l-istess..anzi!! Fors qabel kellna stejortip ta’ mudell wieħed ta’ saċerdot, ftit riservat, distanti u dommatiku...illum waqt li dawn fadlilhom valur...hemm tant għodda oħra..għalhekk għazilna differenti...sabiħ li nkunu kreajjtivi, immaġinattivi u ma neħlux f’xi skemi ta’ dejjem hekk sar jew hekk suppost. Basta nkunu fidili għalih biss u nxandru lilu biss..mhux il-bravuri tagħna! Jgħallimna dan Ġwanni l-għammied li ċkien hu biex jikber Ġesu’. L-isbaħ xempju tas-saċerdot hi meta l-ħarsa tan-nies ma taqax fuqu..imma fuq Alla.

 

Fil-kunvent tagħna tal-Belt u tar-Rabat għandna pittura sabiħa ta’ Santu Wistin jaħsel riġlejn Kristu. Hi xena profonda ħafna b’tifsira qawwija. Hi l-isbaħ mezz kif tispjega kif tkun saċerdot agostinjan...dixxiplu, taħsel ir-riġlejn, tinsa lilek innifsek! Patri Luċjan din ix-xbieha nemmen  li għexha sew u ma jagħmlilix għajb. Għalhekk illum għandu ħafna għal xhiex jroddlu ħajr lil Alla. Alla kien ġeneruz  miegħu u hu kien l-istess.

 

  • Jien nappreza fih li minkejja li hu għaref veru – wikipedia???? – baqa’ umli. Dan hu s-sabiħ tal-umilta’ ..meta ma jkollnix problemi nitkellmu fuq il-fallimenti u s-suċċessi tagħna. Min jaf kemm għent nies bit-tagħlim tiegħek.
  • Jien napppreza fih li qatt ma ntrabat ma xejn – bħan-nies tat-tined – mar dejjem fejn ġie msejjaħ...vvjaġa fl-veru sens tal-kelma minn kultura għal oħra... u sa issa stess f’Cuba. Aħna nafu li jekk trid tagħmel paċi, ma tridx issib f’li iehor dak biss li jixbaħ lilek/jaqbel miegħek. Mela minn jaf kemm kienet ikbar l-isfida li għex Patri Luċjan.

 

  • Patri Luċjan nemmen li għext saċerdozju ta’ qadi, mhux b’ambizzjoni egosita..allura nemmen li qalbek illum hi serena.
  • Jekk mal-50 sena saċerdozju izzid 23 sena oħra - iġifieri b’kollox 73 – daqshekk għandek żmien...allura wasalt fl-era tal-patrijarki????..iż-żmien tal-barka...aspett iehor mill-isbaħ ta’ kull ħajja anke dik saċerdotali. Santu Wistin jitkellem minn “xemgħa li tnemnem..għax tkun qed tingħata...imma dejjem iddawwal!” Kemm huma sbieħ in-nies li minn qalbhom, minn idejhom u minn wċċhom jxerrdu l-barka.
  • F’ismi, f’isem il-Provinċja, f’isem kull min jafek u għent, f’isem kull min ħabbejt u qdejt hawn u kullimkien.....ngħidulek – grazzi kbira, u fi kliem Ezekjel..”il-Mulej jkompli jagħmel miegħek patt ta’ sliem u jibgħat fuqek xita ta’ barka”.
  • (Il-pittura ta’ Rembrant – Kristu fit-tempesta – u it-tifsira tagħha)
  • Grazzi ta’ kollox..... u nkompli nawguralek tkompli l-vjaġġ ta’ ħajtek bil-ferħ u fis-sliem. Amen.

 

Knisja Ommna Marija tal-Parir it-Tajjeb - Paceville

Il-Ħadd 9 ta’ Lulju, 2017


© 2019 agostinjani.org. All Rights Reserved.