Il-Milied għalija llum !

User Rating: 0 / 5

Star InactiveStar InactiveStar InactiveStar InactiveStar Inactive
 

Peress li din il-kitba tiġI f’idejkom fi żmien il-Milied, ħsibt li naqsam magħkom xi ħsibijiet dwar din il-ġrajja li għalija – hi u t-tifsira tagħha – huma għal qalbi mmens.

Jgħin…. jekk tmorru f’qalbkom u fl-immaġinazzjoni tagħkom…fil-lejl tal-Milied.

  • Vera li l-jiem donnhom kollha qishom l-istess…imma dak il-lejl jibqa l-iktar lejl speċjali…jgħaddu s-snin minn fuqu… imma hu jibqa’ dejjem l-iktar li jiddi… għalhekk ngħidulu l-lejl qaddis. F’ċertu sens hu maġiku...qisu l-lejl tal-fantasija…meta tqis l-effett tiegħu fuq kulħadd. Immaġinaw għal ftit ħin biss kif f’dak il-jum …. id-dinja kollha li tieqaf biex tiċċelebra l-ġrajja Ii fiha Alla ġie joqgħod fostna. Mill-ikbar kattidrali tad-dinja sal-iktar postijiet umli u fqar, milll-Lvant u sal-punent (iż-żewġ pulmuni tal-knisja), min jemmen u min għadu jfittex, kullimkien.. f’kulħadd…f’kull qalb tal-bniedem… f’dak il-lejl, tinħass li ġrat xi ħaġa straordinarja..ta’ ispirazzjoni…intima… li tqanqal il-ġewwieni tagħna…qisu elettriku ta’ ferħ u tama li jivvibra fina.

  • F’dak il-jum, id-dlam tal-lejl jitbewwes mas-sbieħ il-jum biex isellmu lilu: l-Emmanuel – l-Imgħallem tagħna, il-prinċep tas-sliem, ħuna l-kbir.
  • Dak il-lejl hu l-lejl tal-misteru...ara kemm il-ġrajja nafuha bl-amment u kemm ilna niċċelebrawha...imma jekk tidħol fiha b’sens ta’ staġħġib u fidi..(dawn donnhom qed ninsewhom matul is-sena..ħudu l-istagħġib: qisu kollox sar rutina, prevedibbli, monotonu…xejn jew ftit saru jċaqilquna affarijiet!)…tinduna li vera dak li seħħ… hi xi ħaġa mill-iktar profonda: Alla nnifsu, l-Alfa u l-Omega, il-bidu u t-tmiem ta’ l-istorja, l-ewwel u l-aħħar, il-ħallieq tal-univers kollu, dak li ħalaq iż-żmien stess, dak li kien jimxi fuq il-baħar, isikket il-maltempati, jitma l-folol, ifejjaq il-morda u jqajjem il-mejtin, Hu li l-Iskrittura ssejjaħlu l-Adonai, l-Għerf li ħareġ minn fomm Alla, l-għoli, is-Sid u l-mexxej tad-dar ta’ Israel, l-Għerq ta’ Ġesse, il-muftieħ tad-dar ta’ David, ix-xemx tal-ġustizzja u s-sultan tal-ġnus…HU jiġi fostna u jsir wieħed minna ..bħalna…minbarra d-dnub.
  • Għal ħafna sekli sakemm wasal…għax kien ilu mwiegħed…miljuni kbar ta’ nies...stennewh, ħolmu bih, immaġinaw kif seta jkun. (Kif jiġri lilna meta nkunu se niltaqgħu ma’ xi ħadd!). Kien hemm min għejja jistennih, kien hemm min immaġinaħ xi ħadd b’saħħtu ħafna li kien se jiknes kollox u jerġa jibda kollox mill-ġdid. Imma oħrajn - dawk li kienu sempliċi f’qalbhom – li kienu midħla tat-testi sagri li kienu miġbura dak iż-żmien b’ħafna tradizzjonijiet orali – kienu qed jifhmu li meta jasal...hu ma kienx se jkun hekk. Isaija ħabbru bħala dak li meta jasal... “qasba mġelġla ma jiksiriex u musbieħ inemmen ma jitfiħx.” Hu kien “dak li ma kienx jgħajjat u ma jgħollix leħnu.” Hu kellu jkun “bħal ħaruf ġwejjed u li għall-umanità kien se joffri ħajtu stess.” U ġie hekk....matul il-lejl, fil-ħemda. Hu d-divinita’ nnifsu jinżel fostna u minkejja... dan ma jsibulux post fejn iwellduħ. Kullimkien mimli jew bibien magħluqha ..ifhimha kif trid! Semmewħ Ġesu’ - fi twelidu ġie mfisqi fi ċraret f’maxtura, f’mewtu ġie mpoġġi f’liżar u mqiegħed f’qabar f’għalqa. Fl-Ewkaristija…sal-lum… għadu jingħata f’ħobż...biex imbagħad aħna naqdu u nħobbu bħalu. Ġie fostna Alla fraġli, rabbewħ ġenituri sempliċi, ordinarji u bla ħafna kumplikazzjonijiet, għex f’raħal minsi minn kulħadd. Fil-verità ftit ivvjaġġa..baqa’ dejjem fil-Palestina u għex hemm ma’ l-imwarrbin u megħjun minn xi wħud minnhom ried jibda soċjetà u żminijiet ġodda. U baqa’ mdawwar minnhom sal-aħħar: il-morda, l-fqajrin, il-pubblikani, in-nisa tat-triq, l-midinbin, u n-nies li s-soċjeta’ ta’ żmienu tathom il-ġenb, għaddiethom bħala misħutin minn Alla u sallbithom miegħu. Kien iħoss il-ġuħ, kellu n-ngħas, kien jagħdab, kien jitqanqal. Beża quddiem il-mewt, tgħajjex minn sider ta’ omm. Kien jgħajjat bħal profeti, kien dgħajjef mad-dgħajjfin, aħrax mal-imkabbrin. Għax kien sinċier miet żagħżugħ. Qatluh għax kienet tikxfu l-verita’ f’għajnejh. Imma miet jiskuża… li hi xi ħaġa aqwa milli taħfer. U minkejja li ġie tradut, abbandunat u mhux mifhum… baqa’ jħobb..u qalilna li jekk irridu ngħixu tassew…irridu nħobbu.

Illum hawn aħna li b’don qed jingħatalna li ngħixu dan il-Milied. Huwa don u barka..ġieli ninsew dan fil-ħajja u nieħdu kollox for granted…il-jiem tas-sena, il-ġrajjiet, l-esperjenzi li ngħaddu minnhom, id-DNA tagħna, il-fasla tagħna, ix-xogħol u l-ħidmiet tagħna, is-suċċessi u l-fallimenti tagħna…. għandhom ir-riskju – mhux dejjem tort tagħna sa barra – li jillupjawna, itellfulna l-ewwel ħolma ta’ Alla għalina, u nispiċċaw nivveġitaw, l-medjokrita’ ttelfilna l-entużjażmu, ir-raġunamenti u l-idejoloġiji tagħna jifgawlna l-ispirtu… u nispiċċaw nibqgħu nilagħbu bit-toys tagħna, nibqgħu fin-ngħas tar-rutina u ż-żugraga tal-ħajja tas-soltu u abbli nitilfu ċ-ċans li nħallu l-grazzja ta’ Alla tmissna. Biex tgħaxxaqha l-fatt li l-Milied ġie hijacked (ċikkulatini, ice-skating ring artifiċjali, swieq armati, pupi tas-silġ) ma’ tantx jgħin! Mhux għax ħziena fihom nfushom imma ftit ftit qed isiru theddida reali li qed jnessuna l-istorja oriġinali! U meta tmissna l-grazzja ta’ Alla..kieku taf kemm nħossuna aħjar. (Il-grazzja ta’ Alla tmissna … bħal meta tiltaqa ma’ xi ħadd li tħossok komdu miegħu/magħha u l-preżenza tagħha stess tant tmissek fit-tajjeb!) Allura anke f’dan iż-żmien - irrispettivament minn kif ninsabu bħalissa - ejja nitolbu biex ma jiġrilnix bħal xi nies fi żmien il-miġja ta’ Kristu… li batew wisq biex jagħrfuħ, damu jaħsbu wisq biex jilqgħuh u kienu kburin wisq biex jifhmuh.

Naturalment bħal kull ħaġa oħra fil-ħajja..kollox imissna daqs kemm irridu aħna u ġeneralment din tkun ħaġa personali ħafna. Anke dan li qed niċċelebraw issa jaf imissna lkoll differenti… u din tifhimha anke għax aħna lkoll għandna stejjer differenti..anke jekk veru wkoll li f’bosta affarijiet nixxieħbu wkoll. Jien ppruvajt naħseb xi jfisser il-Milied għalija llum u hu dan li se naqsam magħkom fil-qosor. Hu appell li nagħmlu lill-qalb tagħkom ilkoll – min jaf kemm għandkom tajjeb fikom. F’dan il-Milied, il-Kelma ta’ Alla titlobna nisimgħu l-kelma minn dak is-santwarju tajjeb li hemm ġo fina u nħallu lilU jkompli jtina ħafna qawwa. Xi riflessjonijiet:

 

  1. Jolqotni li bħal lejla Alla sar wieħed magħna – Emmanuel u ġie biex jiltaqa magħna. Qalilna li se jibqa magħna dejjem sa l-aħħar. Kull ħin. Hu mhux invadenti. Ma jimponix ruħu. Ma jeħdilna xejn..anzi jtina mmens. Bħala riflessjoni..hekk kont qed naħseb għalija/għalina – kemm qed nagħtiħ ħin tassew lil Alla? Donnu sirna nemmnu u nafdaw wisq fuqna nfusna. David Cameron , sena ilu f’intervista kien qal: “nixtieq nħalli iktar ħin għalih u mmur naraħ bħal meta mmur nara lil xi ħadd tal-familja marid jew anzjan.” Wara ikkoreġiha u qal…irridha “tkun iktar intima miegħu l-ħaġa..m’hux xi ħaġa ta’ obbligu jew ta’ kultant żmien.” Ngħaddu ħin miegħu daqs u bħal meta ngħadduh ma’ xi ħadd li nħobbu, li miegħu nħossuna komdi, bla biża. Hu kontra oħrajn..jgħid affarijiet tajba fuqna! Jien ma rridx nagħmel xi white wash ġenerali tas-sitwazzjoni tas-soċjeta’ tagħna...imma ma taħsbux li ħafna mill-gwaj li għandna hu għax qed nagħmlu kollox weħidna? Li jkollna lil Alla magħna mhux biss garanzija li darna (ħajjitna) tibqa’ fis-sod imma vera jkollna ħafna ferħ u sliem u armonija. Dan mhux kliem...narawha u mmisuha b’idejna meta niltaqgħu ma’ ċertu nies li qalbna tgħidilna li huma f’sintonija ma’ Alla....xejn speċjali tafux..imma jkunu nies li jafu li magħhom hemm Alla. Issa veru nistgħu nsemmgħu ħafna ‘immajiet’..imma dawn jibqgħu dejjem skużi! Min għax il-knisja, min ħabba dik u ħabba l-oħra..min ħabba għax għandu x’jagħmel, min għax jitgerfex l-fidi mar-reliġjon (sfortunatament ġibniha kliem u dibatti biss mentri din hi esperjenza ta’ pa`i!) Min għax jħoss li Alla hu x’imħallef u għalhekk jarana moralsiti`i zzejjed. Jien ma nafx...naf li llum waqaft niġri wara xi tip ta’ perfezzjoni umana....ngħid għalija nimxi b’żewġ `ertezzi: il-fraġilita’ tiegħi u l-imħabba u l-maħfra eterna ta’ Alla. U Alla li ġie fostna tarbija – vulnerabbli – ġie għalhekk... biex ħadd ma jibza, jiddejaq minnu. Min jaf kieku llejla nippruvaw nerġgħu nafdawh iktar, inħobbuh iktar..u waqt li nagħmlu hekk inħalluħ idawwal l-mentalita’ u l-attidudni tagħna?
  1. Jolqotni li hu ġie għal kulħadd..għex u miet għal kulħadd. Ir-riflessjoni tiegħi hi jekk jien f’ħajti hix qed nagħti merħba lil kulħadd. Issa din tant fiha sfumaturi...anke għax aħna kif malli nitwieldu nibdew mal-ewwel naraw l-ħajja f’kaxex ħafna drabi magħluqha. Kemm ilna zmien ngħixu f’kultura ta’ ‘aħna’ u ‘huma’; ‘dawk’ u ‘aħna’..kemm ħitan, kemm bnadar differenti u allħares taqbez il-lines. Ngħidu li bil-globalizzazzjoni u bil-komunikazzjoni li hawn sirna dinja waħda (u hekk hu)...imma mbagħad ġieli fostna stess tafu kemm għad għandna ħitan ġieli anke sottili! Tafu kemm għadna nagħzlu lil min inħobbu jew le, lil min naċċetaw f’ħajjitna jew le. Lil min inġaluħ iħossu maħbub u lil min nġagħluh jħossu żejjed, jew piż, jew miskin. Kemm nbatu b’simpatiji u kemm hemm oħrajn li nuruhom d-diżappunt tagħna mal-ewwel (din oxxena wisq). Kemm nies jgħaddu minn magħna u nqisuhom daqs li kieku fantażmi! Kemm Lażżri – insomma Lażżru kulħadd għax kulħadd bil-faxex - jiġu jħabbtu l-bibien ta’ qalbna u aħna...tafu! Ġesu’ tarbija llejla – anke jekk naħsbuh mod iehor – jagħmilna skomdi jekk qed nagħmlu hekk..għax hu ġie għal kulħadd! Hemm l-ewwel merħba li trid tkun lil ta’ ġewwa imma mbagħad b’mod indaqs lil ta’ barra. U ssir iktar preferenzjali jekk l-iehor jew l-oħra hu batut/ żgħir, fil-bżonn! Xi kultant naħseb li din li meta twieled, ma sabux fejn iwellduh lil Ġesù, tant immarkatu li għalhekk kien dejjem jitkellem fuq li nilqgħu lill-barrani, lill-istranġier – lil dak li ma nafux. Kemm nonqsu hawn, kemm tikketti u labels sterjotipati għadna ngħaddu! Kemm lingwaġġ tribali għad hawn fostna ħabba politika, klassi, gosti, simpatiji. Minħabba nazzjonaliżmu skadut. Kemm fundamentaliżmi, preġudizzji! Kemm ġudizzji, kemm qtuħ ta’ irjus fini fini…ġieli lanqas nitkellmu u ngħidu li żbaljajna meta nindunaw li dak li nkunu għedna ma jkunx il-każ! Ħafna drabi hu jiġi fostna f’dawni l-persuni. Ħadd m’hu aħjar minn ħadd. Kulħadd hu iben/bint għażiż. Kulħadd maħbub minn Alla. U għalhekk it-tieni talba-proponiment: min jaf kieku niftħu iktar qalbna, idejna..moħħna!
  1. Jolqotni għax Hu ġie fostna biex ‘isalvana’. Illum forsi din kelma li ma tinftehimx..’salvatur’ ma tgħidilna xejn. Imma meta toqgħod tqis..nafu li hemm min xiex għandu jeħlisna:
  • Jeħlisna mill-biża li nħobbu, li nintelqu u li nkunu vulnerabbli (aħna mhux robots), li nafdaw.
  • Jeħlisna mir-rifjut li nemmnu fina stess..kemm ġieli naqtgħu qalbna u nibżgħu?
  • Jeħlisna mill-vendetta kontra dawk li jkunu weġġgħuna.
  • Jeħlisna mill-bżonn li ngħixu f’gidba. (il-plastic, is-superiċjalita u l-maskri tagħna)
  • Jeħlisna lill-ghetto li fiha għalaqna t-tifel u ż-żgħir tagħna. (tarana serji, ma nidħkux, ma nifirħux, patetiċi, sarkistiċi..iva ejja għix ftit!)
  • Jeħlisna mill-anzjetà żejda fuq il-preżent u futur… u mill-biża tal-mewt.
  • Jeħlisna milli nħossuna dejjem ħatja (guilty) jew li aħna falliment.

Dan xi ħsibt li jista’ jfisser il-Milied għalija..forsi għalina wkoll.

Jalla f’dan il-Milied, nerġgħu nagħżluh u npoġġuh fl-ewwel post f’ħajjitna….Naturalment din mhix xi ħaġa sentimentali jew emozzjonali biss.

Nagħzlu bħala s-Salvatur ta’ ħajti u tal-istorja kollha tfisser li ngħidu:

  • Le – għal kull forma ta’ ingann.
  • Le – għal poter f’sens ħazin, għall-flus jew affarijiet oħra li nagħmluhom Alla.
  • Le – għal korruzzjoni u għal ipokrezija.
  • Le - għall-egoiżmu u għal vjolenza ta’ kull tip.
  • Le għal ħażin – l-ispirtu qarrieqi li dejjem jingannana u jrid jeqred it-tajjeb li hemm fostna u fina stess..
  • Iva – għalih li rebaħ u għadu jirbaħ bl-imħabba.

Meta ninnamraw miegħu b’dal-mod allura mbagħad awtomatikament niżvojtaw minn dak li mhux hu…. nimtlew bih u hekk nkunu nistgħu nwelldu tant affarijiet fl-ambjenti tagħna. Naħseb din tkun l-isbaħ ‘maxtura’ b’mod metaforiku.

  • Nistgħu ngħaddu bla pantomini, bla ma numiljaw lil ħadd, bla ma nirridekolaw jew inweġgħu.
  • Nistgħu ngħaddu bla gideb, bla vjolenza fil-kliem, bla ġudizzji, bla ma nuzaw l-anonimat qattiel.
  • Nistgħu ngħaddu bla kompetizzjoni, bla pretenzjonijiet, bla artfiċjalità.
  • Nistgħu ngħaddu bla ma nużaw/nisfruttaw/nesplojtaw lil ħaddieħor.
  • Nistgħu ma nitfgħux kollox barra mit-tieqa – dak li dejjem qisna li hu tajjeb - sempliċiment għax hemm min għandu aġenda li jridna nagħmlu hekk!

U mbagħad jkollna iktar saħħa biex inwelldu:

  • Iktar onesta, tjubija, umilta, tolleranza, maħfra, fiduċja, imħabba, ferħ, solidarjeta’, qadi…iktar ‘aħna’ milli ‘jien’!
  • iktar innoċenza (safa fil-moħħ, fl-intenzjoni), stagħġib, ferħ, imħabba, maħfra, familja, komunita’, komunikazzjoni.
  • iktar ġenerożita’, altruwiżmu, mogħdrija, kompassjoni, merħba, solidarjeta’
  • iktar ħin, imħabba, paċenzja ma’ xulxin, spirtu ġdid kif ngħixu.
  • iktar tama, pożittivita, anke daħk (għax naqas sew ukoll!)
  • insiru iktar nies interessati fl-interessi ta’ l-oħrajn b’qalb miftuħa beraħ għal kulħadd..bla distinzjonijiet u bla diskriminazzjoni u preġudizzji..għax dan Alla tagħna ġie għal kulħadd.
  • nkomplu nibnu soċjeta’ bla ħitan, bla timbri, bla fruntieri, bla kuluri…aħna pontijiet rridu nibnu!

Tmiem:

  • Fi zmien meta kulħadd jitkellem minn bidla fil-klima – climate change – aħna nafu li l-ewwel bidla tiġi u seħħ ġo fina - fil-qalb u fil-moħħ - u din ħadd m’għandu l-qawwa li jġiba fina jekk mhux hu.
  • Jġibha fina bla swat, b’imħabba..irridu biss nafdawh..nkunu vulnerabbli miegħu u għalih.
  • Jtina dil-qawwa hu – tarbija fraġli – bi tbissima li tizgurana li hu dejjem magħna u li jħobbna mmensament.

Dan l-artiklu nkiteb meta Fr. Ray Francalanza osa
kien Kappillan fil-Parrocċa Santu Wistin il-Belt Valletta.


© 2017 agostinjani.org. All Rights Reserved.