Ħa nitolbu li l-ġustizzja ssaltan f’artna billi nibdew nħaddmuha aħna stess kull fejn inkunu.

Id-29 Ħadd matul is-sena liturġika A

Is 45, 1, 4-6; Salm 95; 1 Tess 1, 1-5b; Mt 22, 15-21

Aqra’: L-ostilita’ bejn Ġesu’ u l-awtoritajiet reliġjużi kienet dejjem tikber ġurnata b’ġurnata. Minħabba dan, il-Fariżej ikkonfoffaw ma’ l-Erodjani kif inassu lil Ġesu’ biex jeħilsu minnu. Ippruvaw jaqbduh f’nasba b’mistoqsija li kienet ser timplikah jew fi kwistjoni reliġjuża jew fi kwistjoni politika. Ġesu’ joħroġ min-nasba bl-akbar għaqal.

Irrifletti: Kieku wieħed kellu jwieġeb għall-mistoqsija: lil min tappartjeni ħajjitna, kull ma għandu jagħmel huwa li jħares lejn ix-xbieha li hemm imnaqxa f’ruħu. Ta min hi din ix-xbieħa? Ta’ Ċesari jew ta’ Alla li ffurmana, li jafna u li sejħilna sa min qabel ma twelidna? Mela ħa nagħtu lil Alla dak li hu ta’ Alla – ħajjitna.

Itlob: Ħa nitolbu li l-ġustizzja ssaltan f’artna billi nibdew nħaddmuha aħna stess kull fejn inkunu. Ħa nitolbu wkoll għal sens ta’ appartenenza għal Alla u għas-Saltna tiegħu.

Agħmel: Biex inkunu ġusti, irridu nagħmlu għemejjel ġusti. Ħa nibdew aħna stess naħdmu għall-ġustizzja u mhux biss nitkellmu fuqha.


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.