Kieku kellu jiġi bħalissa iben is-sid tal-għalqa, Ġesu, ifittex il-frott, x’se jsib?

Is-27 Ħadd matul is-sena Liturġika A

Isaija 5:1-7; Salm 79; Fil 4:6-9; Mt 21:33-43

Aqra’: “Kien hemm wieħed, sid ta’ għalqa, u ħawwilha bid-dwieli; tellgħalha ħajt tas-sejjieħ madwarha, ħaffer magħsar fiha, u bnielha torri; u qabbilha lil xi bdiewa”. Il-Mulej jgħid: “X’kien fadalli nagħmel għall-għalqa tiegħi u ma għamiltux?”

Irrifletti: Waħda minn dawk id-dwieli huwa jien jew int. Il-Mulej ħawwilna fil-għalqa tiegħu, il-Knisja, nhar il-magħmudija tagħna. Waqt l-Ewkaristija imantniena. Nhar il-Griżma saħħaħna. Kull qrara tixbaħ iż-żbir tad-dwieli. Il-frott ta’ l-Ispirtu, skont San Pawl, huma dawn: Ferħ, imħabba, sabar, tjubija, fedelta’, kontroll. Ġesu’qed jistenna dan il-frott minni u minnek.  Kieku kellu jiġi bħalissa iben is-sid tal-għalqa, Ġesu, ifittex il-frott, x’se jsib?

Itlob: Aħfirli Mulej u f’ġieħ il-ħniena tiegħek insa ħtijieti. “Erġa’ ejja, Alla tal-eżerċti; ħares mis-sema u ara, u żur ‘il din id-dielja. Ħu ħsieb dak li ħawlet lemintek, ir-rimja li int kabbart għalik.”

Agħmel: Dak li tiżra, taħsad! Agħmel is-sehem tiegħek biex tgħix skont l-Ispirtu ta’ Alla, imbagħad jagħmel Hu. F’idejn il-Mulej kollox iwarrad.


© 2020 agostinjani.org. All Rights Reserved.