Għaliex issibha diffiċli tieħu gost bix-xorti tajba ta’ xi ħaddieħor?

Il-25 Ħadd matul is-Sena Liturġika A

Is. 55, 6-9; Salm 144; Fil. 1,20c-24,27a; Mt. 20, 1-16a.

Aqra’: “Jew qiegħed tgħir għax jien qalbi tajba”. Innota l-karattri u r-reazzjonijiet tagħhom fil-parabbola tal-ħaddiema fl-għalqa tad-dwieli.

Irrifletti: Għaliex issibha diffiċli tieħu gost bix-xorti tajba ta’ xi ħaddieħor? In-nies jgħiru meta jaħsbu li xi ħadd għandu xi ħaġa li tappartjeni lilhom…jew sempliċement għax jixtiequ dak li ħaddieħor għandu. X’inhi r-reazzjoni tiegħek għal din il-parabbola?

Itlob: Dejjem ser issib lil xi ħadd li għandu iktar minnek u xi ħadd li għandu inqas. Fit-talb tiegħek itlob li tevita li tgħir. L-għira tkisser ir-relazzjonijiet. Itlob li tevita l-għira akkost ta’ kollox; u ftakar li l-ħajja tista tkun inġusta. Itlob li jkollok qalb li tifraħ bit-tajjeb tal-oħrajn.

Agħmel: Meta xi ħaġa tajba tiġri lil xi ħaddieħor, ingħaqad miegħu fil-ferħ u ipprova tkunx xi ħadd li tixtieq li kollox tridu jdur miegħek. Uri b’mod ġenwin l-apprezzament u l-ferħ fil-barkiet li rċieva xi ħadd fost sħabek.


© 2020 agostinjani.org. All Rights Reserved.