Bl-għajnuna ta’ l-Ispirtu Qaddis, ngħixu l-ħajja kollha tagħna bħala offerta ta’ qima u ta’ tifħir lil Alla.

Il-22 Ħadd tas-Sena Liturġika A

Ġer 20, 7-9; Salm 62; Rum 12, 1-2; Mt 16,21-27

Aqra: Iseħħilkom tagħarfu x’inhi r-rieda ta’ Alla, x’inhu t-tajjeb, x’inhu li jogħġob, x’inhu s-sewwa (Rum 12, 1)

Irrifletti: Ir-rieda ta’ Alla tfisser li nfittxu li nagħmlu x’inhu t-tajjeb, x’inhu perfett, x’inhu li jogħġob. Bl-għajnuna ta’ l-Ispirtu Qaddis, ngħixu l-ħajja kollha tagħna bħala offerta ta’ qima u ta’ tifħir lil Alla. Dan huwa l-għan tal-ħajja tagħna. Dan nagħmluh billi qabel kollox infittxu li nagħmlu dejjem ir-rieda tiegħu …li nimxu fit-triq ta’ l-imħabba sħiħa li mexa fiha Ġesu’ qabilna, li minna titlob ukoll ċaħda u sagrifiċċju: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu u jimxi warajja” (Mt. 16, 24).

Itlob: Aħna nafu li kemm il-darba mmorru kontra r-rieda ta’ Alla bi dnubietna. Ħa nfittxu li nagħmlu dak li hu tajjeb biex hekk inkunu verament infaħħru lil Alla.

Agħmel: Aħseb fuq id-differenza bejn li tagħmel dixxerniment veru x’inhi r-rieda ta’ Alla, u tagħżel inti x’jaqbel lilek


© 2020 agostinjani.org. All Rights Reserved.