Evita li tħares bl-ikrah lejn oħrajn li huma differenti minnek.

Is 56, 1.6-7; Salm 66; Rum 11, 13-15, 29-32; Mt 15, 21-28

Aqra’: Li tfejjaq u li titma’ huma żewġ affarijiet li donnhom imorru flimkien. Ġesu’ jagħmel dawn iż-żewġ affarijiet, u nies ta’ fidi jaraw it-tifsira f’dawn l-azzjonijiet tiegħu. Oħrajn ma jarawx din it-tifsira.

Itlob: Evita li tħares bl-ikrah lejn oħrajn li huma differenti minnek. Itlob biex tagħmel dan, speċjalment meta tkun ittentat li tkun preġudikat kontra xi grupp ta’ nies jew xi ndividwu.

Irrifletti: “Mhux sewwa tieħu l-ħobż ta’ l-ulied u tixħtu lill-ġriewi?” Taħseb li dan il-kliem ta’ Ġesu’ lill-mara Kangħanija ma jirriflettix il-karattru tiegħu, imma jirrifletti l-mentalita’ tal-poplu ta’ Israel ta’ żmienu? Fil-mentalita’ tal-poplu ta’ Israel, kienet idea komuni li l-bnedmin huma maqsuma f’żewġ blokki: dawk li kienu jagħarfu l-veru Alla u kienu ġew magħżula biex ikunu l-poplu tiegħu (Israel), u l-oħrajn kollha li ma kenux jagħarfuh (il-pagani jew il-ġnus). Ħafna drabi, din il-firda bejn dawn iż-żewġ blokki kienet twassal lil-Lhud biex jaħsbu li s-salvazzjoni kienet xi ħaġa merfugħa għalihom biss u li, biex jiksbuha, kien biżżejjed għalihom li jkunu membri tal-Poplu ta’ Israel. Kif qegħda din l-istorja tirrifletti r-relazzjoni bejn l-Lhud li saru nsara, u l-pagani li saru nsara fil-komunita’ tal-Evanġelista San Mattew?

Agħmel: Tittollerax nies differenti minnek, iżda aċċetthom u agħraf id-doni tagħhom. Meta tiġi l-okkażjoni, iċċelebra il-ħajja ma’ dawn in-nies li huma differenti minnek.


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.