Ġesu’ jserraħ ras id-dixxipli tiegħu

Is-6 Ħadd ta’ l-Għid

Ġw 14, 15-21

Aqra’: Ġesu’ jserraħ ras id-dixxipli tiegħu li meta ma jkunx għadu magħhom fid-dinja, ser jibgħatilhom il-għajnuna, il-Paraklitu, biex ma jħossuhomx orfni u abbandunati. Jekk juru l-imħabba tagħhom lejn Ġesu billi jobdu kliemu, huma ikunu maħbubin  mill-Missier, u l-Iben, u l-Ispirtu s-Santu jgħammar fihom.

Itlob: Ħa nħallu l-Ispirtu jigwidana dejjem fid-dixxerniment u fid-deċiżjonijiet tagħna. Ħa nkunu sensittivi  għall-ispirazzjonijiet tiegħu fil-ġrajjiet ordinarji tal-ħajja.

Irrifletti: Li nkunu fidili għall-fidi nisranija, meta id-dinja tistedinna biex nagħmlu kuntrarju, mhix xi ħaġa faċli. In-nisrani ma jistax jgħix din il-fedelta’ waħdu, imma għandu bżonn l-għajnuna. Għalhekk Ġesu jwiegħed li ser jibgħat l-Ispirtu s-Santu bħala għajnuna ġewwinija ħalli jara li naslu li ngħixu il-ħajja nisranija li konna msejħin għaliha. Fejn qegħda il-fedelta’ tiegħi u fuq min qed nistrieħ – fuq l-ispirtu tad-dinja jew fuq l-Ispirtu ta’ Alla li jinsab ġewwa fija? U għaliex?

Agħmel: Eżami tal-kuxjenza kuljum biex tara fejn il-Mulej qiegħed imexxik


© 2020 agostinjani.org. All Rights Reserved.