Minn wara il-bibien magħluqa

It-2 Ħadd tal-Għid – Sena A

Evanġelju: Ġwanni 20:19-31

Aqra: Minn wara il-bibien magħluqin (bħal ma aħna aħna bħalissa), il-Mulej wera lilu nnifsu lill-Appostli. Nefaħ fuqhom l-Ispirtu s-Santu u bagħthom għal missjoni. Tmien t’ijiem wara reġa dehrilhom. Din id-darba Tumas, li kien ddubita l-ewwel dehra, kien hemm ġew magħhom. Issa huwa emmen u stqarr dik l-istqarrija li l-Knisja għada tagħmel sal-lum: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi!”

Itlob: Nitolbu lill-Mulej biex dejjem jimliena bil-ħajja divina tiegħu – li ngħixu fi stat ta’ grazzja.

Irrifletti: Id-dubji tal-appostli, l-iktar fosthom, id-dubju ta’ Tumas, ma setgħu qatt iwaqqfu dik il-qawwa li ġab miegħu l-Għid. Kien hemm affarijiet li riedu jsiru. U għalhekk il-Mulej bagħat lill-Appostli biex ikomplu l-ħidma tiegħu. Kienet waslet is-siegħa tagħhom. L-Imgħallem kien għamel imgħallmin f’ismu, lil dawk li darba kienu dgħajfa u bil-mod biex jifhmu. Seta’ issa jħejji ruħu biex imur lura għand il-Missier. Il-ħidma tiegħu issa kienet f’idejn nies, li għamilhom kapaċi li jaqdu l-missjoni li tahom.

Agħmel: Illum huwa jum qaddis biex tirrifletti dak li Alla jrid minnek. Agħmel ftit ħin fil-kwiet ma’ Alla biex jgħinek tagħti direzzjoni oħra lil ħajtek lejn xi ħaġa iktar bis-sens u li tħalli frott.

 


© 2020 agostinjani.org. All Rights Reserved.