Id-Duluri ta’ Marija u r-realtà li għaddejjin minnha bħalissa

Id-Duluri ta’ Marija u r-realtà li għaddejjin minnha bħalissa

Ix-xena tal-Madonna taħt is-salib (Ġw. 19:25), hija xena iebsa ta’ omm tassisti għall-mewt ta’ binha. Marija, taħt is-salib qed tbati mhux biss minħabba l-mewt inġusta ta’ binha, imma hija mħassba dwar kif setgħet tirrikonċilja dak li kienet għaddejja minnu, dak li qed tara quddiemha, u dak li kien jingħad fuq binha Ġesù li kellu jkun is-Salvatur tad-dinja.

Il-kliem li Marija rċeviet fit-tħabbira tal-anġlu huma qawwijin ħafna: “Ara, inti se tnissel fil-ġuf u jkollok iben u semmieh Ġesù (Alla jsalva). Hu jkun kbir u jkun jissejjaħ Bin l-Għoli. Il-Mulej Alla jagħtih it-tron ta’ David missieru u jsaltan għal dejjem fuq dar Ġakobb, u ma jkunx hemm tmiem għas-saltna tiegħu.” (Lq. 1:31-33)

Marija tisma’ li dan hu l-Iben ta’ Alla. U li s-Saltna tiegħu ma jkollhiex tmiem. Imbagħad Marija tmur għand Eliżabetta u tisma’ kliem simili għal dak li wasslilha l-anġlu: “U minn fejn ġieni dan li omm il-Mulej tiegħi tiġi għandi.” (Lq. 1:43) “Iva, hienja dik li emmnet li jseħħ kulma bagħat jgħidilha l-Mulej.” (v.45)

Imma, wara li tisma’ dan kollu, meta jaslilha ż-żmien li twelled... Marija tagħmel esperjenza ta’ miżerja kbira. Marija twelled fi dwejra abbandunata, f’solitudni, u jkollha tpoġġi lil dan binha f’maxtura.

Ma jistax ikun li Marija qatt ma ħasbet, li dan l-iben, li kien Iben Alla l-Għoli, is-Salvatur tad-dinja, u l-eredi tat-tron ta’ David... kien ser ikollu xi twelid straordinarju. Imma mbagħad fil-fatt kellha twelldu f’sitwazzjoni ta’ miżerja assoluta. U allura kif kienet ser tasal tirrikonċilja dan kollu?

Iktar minn hekk, l-ewwel li żaru lil Ġesù tarbija, kienu r-ragħajja li f’dak iż-żmien ma kienu stmati xejn. Kienu meqjusin bħala briganti, u ma setgħux jidħlu fit-tempju jew fis-sinagogi. Imma kien propju lil din il-kategorija ta’ nies, ir-ragħajja, li Alla ħabbrilhom li kien twieled il-Messija, is-Salvatur. U allura l-ewwel żjara lil dan is-Salvatur li twieled, kellha ssir minn dawn in-nies fost l-iktar fqar tas-soċjetà ta’ dak iż-żmien. U Marija riedet tirrikonċilja l-kliem li semgħu r-ragħajja mingħand Alla dwar din it-tarbija, mal-ġrajja li fil-fatt kienet qed isseħħ... il-miżerja li kellu jitwieled fiha dan is-Salvatur.

Qatt ma nistgħu nimmaġinaw biżżejjed kemm kien diffiċli għal Marija li tkun taħt is-salib. Marija kienet taħt is-salib li fuqu kien hemm miktub: Dan huwa s-Sultan tal-Lhud. Marija ma setgħetx hemmhekk ma tiftakarx il-Kelma li kienet intqalitilha fit-tħabbira mill-anġlu: li kellu jkun fuq it-tron ta’ David. U issa l-uniku post li fuqu kellu miktub li huwa sultan huwa s-salib. Dan huwa t-tron li fuqu jinsab Kristu.

Meta ma’ Ġużeppi, Marija ppreżentat lil Ġesù fit-tempju, intqalilha li sejf għad jinfdilha qalbha, anzi l-ħajja tagħha. Is-sejf huwa xi ħaġa li taqta’, tissepara. Fl-Ittra lil-Lhud, dan is-sejf, ix-xabla, hija l-kelma: “Il-kelma ta’ Alla hi ħajja u qawwija, taqta’ aktar minn xabla b’żewġt ixfar; hija tinfed sa tifred minn xulxin ir-ruħ u l-ispirtu u l-ġogi u l-mudullun; u tgħarbel il-ħsibijiet u l-fehmiet tal-qalb.” (Lhud 4:12) Taħt is-salib, Marija ħasset dan is-sejf, din ix-xabla li taqta’.

Imma diġà fil-bidu tal-Evanġelju tiegħu, San Luqa għal darbtejn jgħid li “Marija, min-naħa tagħha, baqgħet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha u taħseb fuqhom bejnha u bejn ruħha.” (Lq. 2:19 u Lq. 2:51) F’qalbha Marija kienet qed iġġorr xi ħaġa prezzjuża: ir-rikonċiljazzjoni bejn il-kliem li semgħet u l-ġrajjiet li kienet għaddejja minnhom. Kienet tipprova tirrikonċilja dan kollu flimkien.

Marija kienet f’konverżjoni kontinwa. Hija tirrapreżenta persuna li tħobb lil Alla, imma kontinwament tkun trid tmur lil hinn minnha nfisha. Riedet dejjem tirrikonċilja dak li dejjem tgħallmet fis-sinagoga fuq il-Messija, dak li tħabbrilha, u dak li issa kien qed jiġri madwarha.

Aħna llum imdorrijin naħsbu b’dan il-mod: li l-ewwel hemm l-idea, imbagħad skont dik l-idea, ir-realtà. Il-qawwa tagħna huwa l-proġett, il-programm li nkunu fassalna, imbagħad dan irid jikkorrispondi mal-istorja tagħna. Imma fil-fatt, fil-ħajja ma jiġrix hekk. Kieku kien hekk, konna nsiru l-iktar nies suppervi, għaliex l-affarijiet imorru kif ippjanajna aħna. U ma jistax jiġrilna xi ħaġa agħar spiritwalment milli nkunu suppervi.

Min jaf kemm kellna proġetti u pjanijiet u ideat għal dawn ix-xhur li għaddejjin minnhom, u issa kollox tar mar-riħ, għaliex spiċċajna magħluqin f’darna minħabba l-Covid-19. Spiċċajna beżgħanin, qalbna maqtugħa, ixxukkjati għaliex din mhix ir-realtà kif konna ħsibnieha aħna, qatt ma stennejnieha. Mhix kif nixtieqha, kif irridha jien... allura l-bniedem jitkisser. Hawn min qed jiddubita anke mill-imħabba t’Alla.

Marija turina l-maqlub ta’ din il-mentalità tagħna: mhux stenniet li r-realtà ssir skont il-Kelma, skont kif ħasbitha hi li ser tkun, imma ħalliet ir-realtà ġġegħelha tikkoreġi l-mod kif hi fehmet il-Kelma. Hija kellha dejjem tifhem il-kelma b’mod ġdid. U dan kienet tagħmlu l-ħin kollu. Dan għaliex il-ġrajjiet jibqgħu dawk li huma. Imma dawn il-ġrajjiet iwasslu lil Marija tifhem il-Kelma b’mod differenti.

Marija tiġi ppreżentata bħala persuna f’konverżjoni kontinwa. Il-mimlija bil-grazzja, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, kontinwament tifhem il-Kelma b’mod ġdid u b’din il-kelma tifhem ir-realtà.

San Pawl jgħidilna: “Aħna ma ħadniex l-ispirtu ta’ din id-dinja, imma l-Ispirtu ta’ Alla, biex nagħrfu d-doni li Alla għoġbu jagħtina.” (2 Kor. 2:12) Aħna bħal Marija, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, nistgħu nifhmu li r-realtà ta’ tbatija li ngħaddu minnha, anke jekk iebsa, tista’ tkun don prezzjuż:

It-tbatija hija prezzjuża għaliex turina aħna min aħna. Aħna m’aħniex “allat”, għalkemm nixtiequ nkunu hekk. Hi tqegħedna f’postna. Iddaħħalna fil-qies veru tagħna. Tedukana.

It-tbatija hija għażiża għaliex tgħallimna nistrieħu fuq dak li hu sod. Aħna li bnejna ħajjitna fuq ir-ramel tal-flus, tas-suċċess, nitgħallmu nistrieħu fuq il-blata li ma tiċċaqlaqx, il-ħellies li jifdi... il-karriera hija vojta, il-flus jispiċċaw, is-saħħa tmur, il-ħbieb ma ssibhomx, ir-raġel jew il-mara jmutu... Hu biss jibqa’.

It-tbatija hija teżor għax tista’ ġġegħelna ndawru għajnejna lejh. Tgħallimna nwerżqu għall-għajnuna. Tgħallimna niggranfaw miegħu. Abraham fis-salib tiegħu skopra li Alla jipprovdi. Pietru meta kien se jegħreq skopra li Ġesù jsalva. Aħna fit-tbatija nistgħu niskopru li Hu jimpurtah ħafna minna. Hu jaf sewwa u tajjeb kif joħroġ il-ġid mid-deni.

Marija wieqfa taħt is-salib tgħallimna dan kollu.

 


© 2020 agostinjani.org. All Rights Reserved.