Spiritwalità Agostinjana - Kif tkun nisrani dejjem aħjar

Minn Patri Franco Grech - Agostinjan

L-ispiritwalità ta’ Santu Wistin hija bbażata fuq il-Kelma ta’ Alla. Hija ma titlobx xi eżerċizzi jew prattiċi reliġjużi speċifiċi. Santu Wistin iħalli lil dak li jkun ħieles li jagħżel metodu ta’ talb li l-iktar iħossu tajjeb għalih. Dawk li jipprattikaw din l-ispiritwalità jiltaqgħu ma’ Alla u jaqdu lil Alla, prinċipalment fin-nies ta’ madwarhom. Din l-ispiritwalità tinfluwenza l-ħajja ta’ kuljum. F’din l-ispiritwalità hemm l-għarfien tad-dipendenza totali tal-bniedem fuq Alla. Dan iħeġġeġ l-umiltà bħala virtù nisranija fundamentali. Fl-istess ħin f’din l-ispiritwalità hemm l-iskoperta sabiħa li Alla jsejjaħ għall-intimità ma’ Kristu. “Alla tiegħek jixtieq li jkun kollu kemm hu tiegħek. Inti tieklu biex ma tkunx bil-ġuħ. Tixorbu biex ma tispiċċax bil-għatx” (Santu Wistin, Diskorsi fuq is-Salmi 36.1.12).

Spiritwalità Kristu-ċentrika

Il-qalba tal-ispiritwalità Agostinjana tinsab fil-frażi li tinsab fl-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani: “Ilbsu lil Sidna Ġesù Kristu” – il-qofol ta’ dik is-silta li hu kien qara waqt li kien fi ġnien fil-mument tal-konverżjoni tiegħu (Ara Santu Wistin, Stqarrijiet 8, 12,29). Il-fidi f’Ġesù Kristu bħala veru Alla u vera bniedem, hija assolutament fundamentali għall-ispiritwalità ta’ Santu Wistin. “Ġesù Kristu hu l-Medjatur bejn Alla u l-bnedmin (San Pawl, 1Tim 2,5), għaliex huwa Alla mal-Missier u huwa bniedem mal-bnedmin... Alla mingħajr umanità ma jistax jagħmel medjazzjoni, umanità mingħajr Alla ma tistax jagħmel medjazzjoni. Imma dak li tagħmel medjazzjoni bejn Alla fih innifsu u l-umanità fiha nnfisha, hija l-umanità divina ta’ Kristu u d-divinità umana ta’ Kristu” (Santu Wistin, Prietka 47, 21).

L-Inkarnazzjoni hija att ta’ umiltà min-naħa ta’ Kristu meta huwa ħa fuqu l-kundizzjoni umana (Ara San Pawl, Filippini 2,6). Il-fatt li Kristu sar fqir jitlob lin-nisrani li jaqdi lil Kristu fqir u umli li jinsab f’nofsna. Kristu huwa preżenti fil-qalba tal-komunità u tal-familja, u fil-qalb tal-membri individwali li jġorru x-xbiha u l-preżenza ta’ Alla f’qalbhom.

Santu Wistin jitkellem dwar Kristu sħiħ biex jirreferi għal Kristu u l-membri tiegħu flimkien, “Ħa nifirħu u nirringrazzjaw li aħna konna magħmulin mhux biss insara, imma magħmulin Kristu nnifsu. Qed tifhmu ħuti l-grazzja ta’ Alla li ngħatat lilna? Stagħġbu, ifirħu, li aħna konna magħmulin Kristu. Għaliex Huwa r-Ras, aħna l-membri: Il-bniedem sħiħ huwa Hu u aħna” (Santu Wistin, Trattat fuq l-Evanġelju Ta’ San Ġwann, 21,8).

Imħabba inklussiva

Meta Santu Wistin beda jikber fil-mod kif jifhem il-Kotba Imqaddsa u l-ħajja nisranija tiegħu mmaturat, huwa wasal għall-konklużjoni li l-imħabba hija indiviżibbli. Fil-prattika ma tagħmilx differenza jekk wieħed iħobbx lil Alla, lil Ġesù Kristu jew lill-persuna umana. Dawn it-tliet imħabbiet jinkludu lil xulxin; ma jistax ikollok waħda mingħajr l-oħra. “Fil-liġi, l-imħabba ta’ Alla tiġi l-ewwel, għalkemm fil-prattika l-imħabba tal-proxxmu tiġi qabel. Min ordnalek din l-imħabba fiż-żewġ preċetti tagħha ma semmilekx l-ewwel il-proxxmu u mbagħad lil Alla, imma l-ewwel ’l Alla u mbagħad ’il-proxxmu. Int lil Alla għadek ma rajtux, imma jekk tħobb lill-proxxmu jkun jistħoqqlok tarah. L-imħabba tal-proxxmu ssaffilek għajnejk biex tkun tista’ tara lil Alla” (Santu Wistin, Trattat fuq l-Evanġelju ta’ San Ġwann 17,8).

Għal Santu Wistin kull ħaġa tajba hija magħmula għax wieħed iħobb lil Alla u lill-proxxmu. Kulma hu ħażin ġej mill-egoiżmu. Huwa jirriduċi kollox għall-imħabba; jara l-virtujiet bħala espressjoni tal-imħabba. L-imħabba hija ġustizzja, għerf, korteżija, rispett, paċenzja, ġenerosità, benevolenza, lealtà, ġentilezza, onestà - kull virtù eventwalment issib l-għeruq tagħha fl-imħabba. Għandna nħallu l-imħabba torjentana lejn dak li hu sew fil-ħajja tagħna – tpoġġi ordni f’ħajjitna.

Il-Ħerqa Kontinwa ta’ Santu Wistin u tagħna

Meta l-Papa Franġisku kien qed ikellem lill-Patrijiet Agostinjani li kienu qegħdin jieħdu sehem fil-Kapitlu Ġenerali Ordinarju tal-Ordni tas-sena 2013 huwa beda bil-kliem tant magħruf ta’ Santu Wistin: “quia fecisti nos ad te et inquietum est cor nostrum, donec requiescat in te” (“Inti għamiltna għalik u qalbna ma ssib qatt kwiet jekk ma tistrieħx fik”) (Santu Wistin, Stqarrijiet, 1,1,1), u qal li l-kelma “inquietum” tolqtu u ġġagħlu jirrifletti, u jistaqsi: “Liema ħerqa jistedinna biex inqanqlu fina u nżommu ħajjin f’ħajjitna dan il-bniedem u qaddis kbir?”. U l-Papa jipproponi tlieta minnhom: il-ħerqa għat-tfittix spiritwali li bih Santu Wistin skopra li Alla qed jistennieh, anzi li qatt ma waqaf ifittxu Hu l-ewwel; il-ħerqa għal-laqgħa ma’ Alla li ssir ħerqa kbira biex huwa jagħrfu dejjem aktar u biex joħroġ minnu nnifsu u jagħmlu magħruf lill-oħrajn; il-ħerqa għall-imħabba li tixprunana dejjem biex immorru niltaqgħu mal-ieħor, mingħajr ma nistennew li l-ieħor juri ħtiġijietu.

Din hija l-mixja tagħna l-Agostinjani lejn Alla. Mixja li naqsmuha ma’ ħutna l-lajċi nsara, speċjalment dawk li huma midħla tagħna, għax jagħtu sehemhom u jaqsmu magħna l-ħajja u l-ħidma pastorali tagħna. Flimkien magħhom nirringrazzjaw lil Alla ta’ dan id-don li hu l-ispiritwalità Agostinjana, u tar-reliġjużi u l-lajċi kollha li matul dawn l-200 sena li ilha mwaqqfa l-Provinċja Agostinjana Maltija dejjem ħadmu flimkien biex iżommu tħeġġeġ f’Malta, f’Għawdex, u fil-pajjiżi fejn il-membri tal-Provinċja ntalbu jservu ’l-Poplu ta’ Alla, dik il-ħerqa kbira li jistedinna biex ikollna Santu Wistin Missierna: “il-ħerqa spiritwali li nfittxu lil Alla dejjem, il-ħerqa li nħabbruH bil-kuraġġ, u l-ħerqa għall-imħabba lejn kull wieħed u waħda minn ħutna”. (Ara L-Omelija tal-Papa Franġisku fil-Quddiesa tal-Ftuħ tal-Kapitlu Ġenerali Ordinarju, 28 ta’ Awwissu, 2013).


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.