Qari mill-Ewwel Ktieb tas-Slaten

User Rating: 0 / 5

Star InactiveStar InactiveStar InactiveStar InactiveStar Inactive
 

Il-Mulej kellem lil Samwel: “Kemm se ddum qalbek sewda għal Sawl, meta jien neħħejtu minn sultan fuq Iżrael? Imla l-qarn biż-żejt u itlaq. Jien se nibagħtek għand Ġesse

l-Betlemita, għaliex minn fost uliedu jien għażilt għalija sultan.” Samwel wieġeb: “Kif nista' mmur? Jekk ikun jaf Sawl, joqtolni!” Il-Mulej wieġbu: “Ħu għoġla miegħek; għid li mort biex tagħmel sagrifiċċju lill-Mulej. Sejjaħ lil Ġesse għas-sagrifiċċju; jien imbagħad nurik x'tagħmel; u lil min ngħidlek, tidlikhuli sultan.”

U Samwel għamel kull ma qallu l-Mulej u mar Betlehem. Ix-xjuħ tal-belt marru jilqgħuh imriegħda, u staqsewh: “Ġejt hawn bis-sliem?” U hu wieġeb: “Bis-sliem. Ġejt biex noffri sagrifiċċju lill-Mulej. Tqaddsu u ejjew miegħi għas-sagrifiċċju.” U hu qaddes lil Ġesse u 'l uliedu u sejjħilhom għas-sagrifiċċju.

Ġara li, malli waslu, Samwel ra lil Elijab u qal: “Hawn quddiem il-Mulej il-midluk tiegħu?” U l-Mulej qal lil Samwel: “Tħarisx lejn is-sura tiegħu, jew it-tul ta' persuntu, għax jien diġà warrabtu. Għax il-Mulej ma jarax bħalma jara l-bniedem, dak biss li jidher fl-għajn, imma l-qalb.” Ġesse sejjaħ lil Abinadab u ressqu quddiem Samwel, u dan qal: “Anqas lil dan ma ħatar il-Mulej.” U Ġesse ressaq lil Samma. Samwel qal: “Anqas lil dan ma ħatar il-Mulej.” Ġesse ressaq quddiem Samwel sebgħa minn uliedu; imma Samwel qallu: “Il-Mulej ma ħatar lil ħadd minn dawn.” U ssokta jgħidlu: “Dawn huma t-tfal kollha?” “Għad fadal iż-żgħir,” wieġbu Ġesse, “qiegħed jirgħa n-nagħaġ.” U Samwel qal lil Ġesse: “Ibgħat għalih u ġibu, għax ma noqogħdux fuq il-mejda qabel ma jiġi hawn.” U bagħat għalih u ġiebu: kien żagħżugħ ruxxan, għajnejh ħelwin, u sabiħ fis-sura tiegħu. U l-Mulej qal lil Samwel: “Qum u idilku, għax dan hu.” U Samwel ħa f'idejh il-qarn biż-żejt, u dilku quddiem ħutu. Minn dakinhar 'il quddiem niżel fuq David u ħakmu l-ispirtu tal-Mulej.

Il-Kelma tal-Mulej

Silta sabiħa tassew. U silta li nafuha wkoll.

Hawnhekk qedin fil-kuntest li Samwel jirċievi ordni li jimxi, li jagħmel sagriffiċju, u li jfittex qalb l-ulied lil dak li għażel Alla. Għalhekk Samwel mar Betlehem, u staqsewx jekk ġiex bil-paċi jew inkella kellux xi intenzjoni oħra. U Samwel jgħidilhom li ġie bil-paċi u li għandhom jlestu għas-sagrifiċju. Hekk għamlu t-tfal ta’ Ġesse. U meta Samwel ra li Eliab, persważ li kien mmexxi minn Alla, Samwel kien ser jerġa’ jirrepeti l-iżball li għamel li jkun impressjonat bl-apparenza u l-istatura tal-ewwel wild ta’ Ġesse. U hemm naraw li hija l-kontra tat-tema tal-primogenito (tal-ewwel wild) li tiddomina l-Ġenesi.

Ġesse kellu 7 wlied, plus it-tmien wieħed, l-iżgħar wieħed David, dak li ser jintgħażel.

Alla ma jħarisx lejn l-apparenza imma lejn il-qalb. Aħna nħarsu bl-għajnejn. Alla jħares bil-qalb (kif smajna). Alla li jara bil-qalb. Din tfisser jara fil-qalb tal-bniedem. F’dan il-każ, l-qalb, skont il-psikoloġija biblika, hija l-post li nifhmu, li jkun hemm l-insights, li kif jgħid Santu Wistin, missier il-komunità tagħna, fil-qalb hemm il-Maestro, l-Għalliem interjuri. Dan l-għalliem, dan Alla li għandu fiduċja f’kull wieħed minna. Alla li ma jħarisx lejn id-dnub tagħna, imma jħares lejn il-qalb tagħna u meta jsejjaħ, jsejjaħ lill-qalb, li anke minn qalb tal-ġebel jbiddilha f’qalb tal-laħam.

Issa wara li darhom wieħed wieħed, Alla ma kienx għażilhom. U staqsih jekk kellux wlied oħra. U r-risposta kienet IVA, li kellu wlied oħra. U x’kien qed jagħmel. Kien qed imexxi l-merħla. Dan iż-żgħażugħ kien exkluż milli jkun ikkunsidrat, għax kien żgħażugħ. Kien speċi ta’ Cinderella raġel, li kien tħalla għall-affarijiet domestiċi minflok li jkun mistieden għal party. Imma dan li jirgħa l-merħla, għandha implikazzjoni simbolika għal-leader tal-futur ta’ Iżrael, u iktar il-quddiem fl-istorja ta’ Ġulijja, wieħed jara li kellu dawk l-iskills neċessarji għat-taqbida. Sabiħa hija li bħala rgħaj huwa kien juża l-iżbandola – din kienet tkun b’ċaqgħa li titwaddab meta nagħġa tkun f’xifer ta’ rdum. Jekk titwaddab qribha titgerex u taqa’....u allura kienet titwaddab l-hinn biex titgerrex il-ġewwa u hekk teħles mill-periklu. L-iżbandola hija l-preċiżjoni. Dik il-preċiżjoni li David laqat lil Ġulija f’ngħasu. Iċ-ċaqgħa li titwaddab mhux biex tolqotna imma biex nevitaw il-periklu, u nidħlu lura fit-triq it-tajba. Allura dan David kellu l-mezzi meħtieġa...u hekk Alla jagħtina l-mezzi meħtieġa fis-sejħa tagħna ta’ kuljum.

Kurjuża l-biċċa tal-awtur ta’ din is-silta, li għalkemm jgħidilna li kien jidher sabiħ, u jidher li ma kienx kbir bħal ħuh Eliab, u għalhekk għalihom ma kienx il-persuna ideonea li jkun magħżul għaliex riedu gwerrier, u terġa u tgħid Samwel ma kellux l-opportunita li jgħaddi ġudizzji fuq l-apparenza, għaliex Alla b’mod immedjat jgħidlu: DAN HUWA. Dan huwa l-wieħed. Dan iż-żgħażugħ li ma kellu l-ebda mertu, u lanqas predisposizzjoni. David huwa ħabib tajjeb, żgħażugħ sempliċi, imma maħbub minn Alla. U tant hu hekk, li Alla għażlu u Samwel, f’isem Alla, dilku. U fejn? Dan kollu sar f’nofs l-aħwa, fil-qalb taċ-ċirku familjari. (Għalkemm iktar il-quddiem f’Kapitlu 17 nindunaw li kien hemm għira u rabja f’ħuh l-kbir Eliab għal dan David)...Alla jagħżel qalb in-nies, qalb il-familji, qalb il-ħbieb, fis-sitwazzjoni fejn tkun, fuq il-post tax-xogħol, li kellu David ta’ rgħaj, jien fuq il-post tax-xogħol tiegħi. U minn dak il-ħin ġie fuq David l-ispirtu t’Alla. Din taqbel ħafna mal-ittra lir-Rumani, meta jgħidilna: “għax l-imħabba ta' Alla ssawwbet fi qlubna permezz ta' l-Ispirtu s-Santu li kien mogħti lilna”. 

L-ewwel komponent importanti fil-vokazzjoni hija l-pura benevolenza t’Alla.

Nara hawnhekk il-prinċipju u l-fundament l-iktar profond ta’ dan David: ma hix li huwa jħobb lil Alla u li jixtiequ, IMMA li huwa Alla li jħobb lil David. L-Għanja tal-Għanjiet titkellem minn żgħażugħ, li bil-lhudi, dejjem huwa msejjah “DOD”, li tfisser “Maħbub”, “Il-maħbub tiegħi”. L-ittri lhud huma l-istess bħall-isem ta’ “David”, u għalhekk huwa l-maħbub, il-maħbub ta’ Alla, dak li Alla jħobb, dak li kien iħobb lil Ġesu, skont l-evanġelju ta’ San Ġwann (Ġw 13,23). Għalhekk iċ-ċavett ta’ dan kollu hija li Alla jħobbu. U Alla jħobbna. Alla li għandu fiduċja fina. Lil David minn ragħaj li ma kienx magħruf għal personaġġ importanti.

Nirriflettu ftit:

  • Alla li għażilni u li ħabbni. Dan huwa kollox, din hija l-verità fundamentali tal-ħajja tiegħi, hija d-defenizzjoni tal-bniedem, li aħna maħbubin minn Alla, li Alla għandu fiduċja fina. Jekk Alla ma kienx l-ewwel li ħabbni, jien kieku ma qiegħedx hawn illum. Jista’ jkun li seta’ ġara kwalunkwe ħapa, jista’ jkun li tlift il-vokazzjoni, l-grazzja, anke il-fidi, imma hija verità li Alla jħobbni u li fuq dan il-prinċipju u pedament nibni ħajti, nibni kollox. Hekk ukoll jkanta Pawlu fl-ittra lil Efesin (Ef 1, 3-14).
  • L-vers tas-Salm 63, “ Alla, int Alla tiegħi, jien lilek infittex” issa jidher aktar ċar. Huwa Alla li ma jridx jitlef qatt l-inizjattiva tas-salvazzjoni tiegħi, tal-ħniena/misericordia tiegħu u tat-tenerezza għalija, u li kontinwament jqajjem ġo fija x-xewqa li nfittxu, li nfittex lil wiċċu, ta’ kuljum.

Lil David, Alla sabu f’postu. Sabu jirgħa n-ngħaġ. Ma kienx qed jiġġerra ‘l hawn u ‘l hinn, imma sabu f’postu. Ma ħarabx. Fejn int? U meta sabu f’postu, għażlu. L-Hawn Jien ta’ Marija, l-hawn jien ta’ Elija, u ta tant persuni oħra, kontra l-risposta għal-mistoqsija Fejn Int? f'Ġenesi 3, meta Adam u Eva ħarbu u kielu mis-siġra li ma kellhomx jieklu minnhom, u ħassewhom għarwenin. U meta semgħu ħoss il-Mulej ħarbu. U bdew jwaħħlu f’xulxin. U aħna Alla jsibna f’postna? U fejn jien ma’ Alla? Fl-imħabba tiegħi lejh, fl-Ewkaristija? U xi jfisser dan għalija personali li Alla jsibni f’postni? Li dak li nagħmel u ngħix, ngħixu b’awtentiċita, mingħajr daqq tat-trombi, bi ħlewwa, b’ħafna tama, b’ministeru prattiku, li ma nibqax gallarija, li nkun qrib tan-nies fi tbatija (mewt u mard), li ma nġibx skużi qaddisa, li nkompli nistaqsi lil Mulej – int x’tixtieq minni Mulej, li nkun prudenti, li nafdaH, li nitlob, li jkolli l-paċi fil-qalb għaliex meta nkun f’posti jkolli l-paċi f’qalbi.

Kien għarwien u libsu. U l-pjaneta ser tlibbes l-għera tiegħi.


© 2017 agostinjani.org. All Rights Reserved.