Augustinian Youth Space - Ċentru ġdid għaż-żgħażagħ

Matul dawn ix-xhur, il-Provinċja Agostinjana Maltija flimkien mal-grupp ta’ żgħażagħ Augustinian Youths ħadmu bla waqfien fuq ċentru ġdid, taħt l-isem ta’ Augustinian Youth Space, bil-għan li nsaħħu l-ħidma li l-Provinċja Agostinjana Maltija qegħda tagħmel fil-pastorali taż-żgħażagħ.

F’dan iċ-ċentru sar xogħol estensiv li jinkludi rinovazzjoni tal-faċilitajiet kollha, kappella ġdida għat-talb, spazju rikreattiv, installazzjoni ta’ sistema tad-dawl u elettriku, tindif u rinovar tal-post kollu. B’hekk, dan iċ-ċentru jinsab lest u attrezzat b’faċilitajiet differenti sabiex jilqa’ fih diversi gruppi ta’ etajiet differenti u jkun spazju li fih iż-żgħażagħ ikunu jistgħu ikomplu jiskopru lilhom infushom u lil Alla. Fil-preżent jiltaqgħu bosta gruppi, fosthom il-grupp ta’ żgħażagħ Augustinian Youths, il-grupp ta’ adoloxxenti Tagaste Youths, kif ukoll diversi gruppi mill-Kulleġġ Santu Wistin, li wkoll jagħmlu użu reġolari minn dil-faċilità.

Dan ix-xogħol sar bil-għajnuna tal-Millennium Chapel Foundation u l-provinċja Agostinjana Maltija, kif ukoll grazzi għall-ħidma kontinwa tal-Patrijiet Agostinjani fil-komunità tal-Pietà, kif ukoll dik ta’ diversi membri taż-żgħażagħ Agostinjani. L-għan ta’ dan il-grupp Augustinian Youths hu li niġbru flimkien żgħażagħ minn setturi differenti tal-ħajja permezz tax-xewqa li niskopru iktar lilna nfusna, li ngħixu bħala parti minn komunità ta’ żgħażagħ oħra, u li nimxu fuq il-passi tal-Mulej Ġesù, fl-ispirtu tat-tagħlim ta’ Santu Wistin, missierna. B’hekk, permezz ta’ dan iċ-ċentru, bdew isiru diversi attivitajiet, fosthom diskussjonijiet fuq temi soċjali, reliġjużi u spiritwali, laqgħat ta’ formazzjoni, mumenti ta’ talb u diversi attivitajiet soċjali u rikreattivi.

Kull min jixtieq jingħaqad magħna jew iktar informazzjoni fuq l-Augustinian Youth Centre, jista’ jikkuntattja lil Fr. Terence Spiteri OSA, fuq This email address is being protected from spambots. You need JavaScript enabled to view it. jew facebook page Augustinian Youths

 


© 2020 agostinjani.org. All Rights Reserved.