"Made for More": Live-in tal-Grupp taż-żgħażagħ Agostinjani

Bejn l-24 u s-26 ta’ Lulju ta’ din is-sena, il-grupp ta’ żgħażagħ Augustinian Youths organizza live-in partikolari li ġab it-tema bl-isem "Made For More!". Sejjaħtlu partikolari għaliex dan il-live-in iffoka l-aktar fuq l-integrazzjoni ta’ dawn iż-żgħażagħ li ħadmu ħafna sabiex tellgħu attivitajiet u sessjonijiet differenti kif xtaqu huma b'rabta ma’ din it-tema. Matul din l-esperjenza mill-isbaħ, li kulħadd qabel kemm spikkat iżjed minn esperjenzi simili oħra, ħassejna l-ħtieġa mhux biss li ngħixu, insajru u norqdu flimkien, iżda wkoll li nikbru, nifhmu u nħobbu lil xulxin aktar sabiex inkunu nistgħu verament ninfetħu għall-oħrajn u nwettqu l-ħolm tagħna f’realtà. Il-live-in kien maqsum f’bosta sessjonijiet prattiċi li wasslu għal riflessjoni u azzjoni fuq livell personali, spiritwali iżda wkoll fuq livell komunitarju.

L-għan aħħari kien li filwaqt li kull wieħed u waħda minna jħalli lil Alla jaħdem ġewwa fih billi jiskopri aktar lilu nnifsu, dak li jkun imbagħad jiftaħ lilu nnifsu għal sħabu b’imħabba u jkun lest li jagħti qalbu u ħinu għal sħabu. Nista’ ngħid li lkoll kemm aħna grati għal din l-opportunità imżewqa u mimlija b’attivitajiet differenti, fosthom team building, talb, tisjir flimkien, ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija, logħob, fitness, mument ta’ riflessjoni u qrar, baħar,  u sharing! Kemm hi sabiħa l-komunjoni Imma kemm hi ħaġa iżjed tal-għaġeb li tara lil Alla jaħdem fid-dinja ta’ madwarek, speċjalment f’dawk li huma l-aktar għeżież għalik!

Edward Abela

 

 


© 2020 agostinjani.org. All Rights Reserved.