Il-Provinċja Agostinjana Maltija, flimkien mal-Arċidjoċesi ta’ Malta, għaddejja bit-tħejjijiet għall-aħħar tislima f’Malta lill-Emminenza Tiegħu l-Kardinal Prospero Grech.

Il-fdalijiet tal-Kardinal Grech jaslu Malta nhar l-Erbgħa 8 ta’ Jannar 2020. Fl-4:30 pm, il-korteo funebri jasal il-Birgu, fejn twieled u tgħammed, biex isir mument ta’ talb fil-Knisja Kolleġġjata ta’ San Lawrenz. Fis-6pm, il-korteo jitlaq mill-Birgu lejn il-kunvent tal-Agostinjani ta’ San Mark, ir-Rabat. Dak il-ħin il-kunvent ma jkunx miftuħ għall-pubbliku.

L-għada filgħodu, il-Ħamis 9 ta’ Jannar, bejn id-9am u nofsinhar, il-fdalijiet tal-Kardinal Grech jitqiegħdu fil-kappella tal-kunvent għall-qima tal-pubbliku. Hemmhekk wieħed ikun jista’ jiffirma l-ktieb tal-kondoljanzi. F’nofsinhar tindaqq mota funebri fil-knejjes kollha f’Malta u Għawdex.

Fis-1:40pm, it-tebut jittieħed fil-Katidral Metropolitan ta’ San Pawl, l-Imdina, u fis-2pm issir quddiesa praesente cadavere b’suffraġju għall-Kardinal, ippreseduta mill-Arċisqof Charles J. Scicluna. Flimkien mal-Arċisqof ser jikkonċelebraw l-Arċisqof Alessandro D’Errico, Nunzju Appostoliku għal Malta; l-Isqof Mario Grech, Amministratur Appostoliku tad-Djoċesi ta’ Għawdex; l-Isqof Joseph Galea-Curmi; u l-Isqof Pawlu Darmanin, Isqof Emeritu tad-Djoċesi ta’ Garissa, il-Kenja.

L-Ordni Agostinjan ser ikun rappreżentat mill-Vigarju Ġenerali, Patri Joseph Farrell, flimkien mal-Assistent Ġenerali Patri Edward Daleng. Il-Provinċja Agostinjana Maltija ser tkun rappreżentata mill-Pirjol Provinċjali Patri Leslie Gatt u għadd ta’ reliġjużi oħra tal-Provinċja. Magħhom ser jikkonċelebra wkoll Patri Alexander Longs f’isem il-Komunità ta’ Santa Monika f’Ruma, fejn il-Kardinal għex għal aktar minn 60 sena.

Il-kongregazzjoni ser tkun immexxija mill-President ta’ Malta Dr George Vella. Wara l-Quddiesa, id-difna tkompli f’forma privata.

Il-Provinċja Agostinjana Maltija tixtieq li minflok fjuri jintbagħtu għotjiet ta’ karità lid-Dar tal-Provindenza jew lis-Segretarjat għall-Missjonijiet Agostinjani, li kienu tant għal qalb il-Kardinal Prospero Grech.



Il-Provinċja Agostinjana Maltija għada għaddejja bit-tħejjijiet għal tislima xierqa lill-Emminenza Tiegħu il-Kardinal Prospero Grech f’Malta.

Ilbieraħ wara l-funeral li sar fil-Bażilika ta’ San Pietru, il-ġisem tal-Kardinal Grech ittieħed f’kappella fil-ġonna tal-vatikan fejn ser jinżamm għal dawn il-jiem.

Il-ġisem tal-Kardinal imbagħad ser jinġieb Malta nhar l-Erbgħa 8 ta’ Jannar 2020.

L-għada filgħodu, l-Ħamis 9 ta’ Jannar, il-ġisem tal-Kardinal ser ikun fil-Kunvent ta’ San Mark, ir-Rabat għar-rispett tal-pubbliku. Hemmhekk wieħed ikun jista’ jiffirma l-ktieb tal-kondoljanzi.

Fis-2pm imbagħad issir quddiesa presente cadavere preseduta mill-E.T. Mons Arċisqof Charles J. Scicluna fil-Kattidral tal-Imdina.

Aktar dettalji dwar dak il-jum jitħabbru aktar  ‘il quddiem.


Il-Provinċja Agostinjana Maltija għada għaddejja bit-tħejjijiet għall-funeral tal-Emminenza Tiegħu il-Kardinal Prospero Grech. Il-ġisem tal-Kardinal Grech ilbieraħ ittieħed lura l-Kulleġġ Internazzjonali Santa Monika fejn l-istess Kardinal għex il-parti l-kbira ta’ ħajtu. Hemmhekk huwa tqiegħed għar-rispett tal-aħwa u ta’ dawk kollha li marru jagħtuh l-aħħar tislima.

Għada filgħodu, 2 ta’ Jannar, uffiċjal tal-Vatikan jagħmel dak li jissejjaħ ‘Rogito’ li fi kliem sempliċi jkun qed jinnotifika u jirreġistra l-għeluq tat-tebut f’dokument uffiċjali bħalma jsir fil-każ ta’ kull kardinal li jmut. 

Imbagħad il-ġisem tiegħu jittieħed fil-Bażilika ta’ San Pietru fejn għandu jsir il-funeral fuq l-altar tal-Kattedra ta’ San Pietru. Iċ-ċerimonja ser titmexxa mill-Kardinal Giovanni Battista Re li huwa Viċi Dekan tal-Kulleġġ tal-Kardinali. Il-Qdusija tiegħu Il-Papa Frangisku għandu jippresiedi l-aħħar parti tar-rit funebri. Għaċ-ċelebrazzjoni, barra l-Pirjol Ġenerali tal-Ordni Agostinjan P. Alejandro Moral Anton, il-Provinċjal tal-Provinċja Agostinjana Maltija P. Leslie Gatt u diversi aħwa agostinjani u saċerdoti oħra, għandu jkun hemm ukoll l-E.T. Mons Charles J. Scicluna, Arċisqof ta’ Malta u l-E.T. Mons Mario Grech Amministratur tad-Djoċesi ta’ Għawdex u Pro-Segretetarju tas-Sinodu, flimkien ma’ numru ta’ isqfijiet. 

L-Istat Malti ser ikun rappreżentat anke mill-E.T. Il-President ta’ Malta Dr. George Vella u s-Sinjura Tiegħu. Ser jattendi wkoll, f’isem il-Gvern malti, il-Ministru għall-affarijiet barranin l-Onor. Carmelo Abela u l-Ambaxxatur ta’ Malta għall-Istat tal-Vatikan l-E. T. Frank Zammit.

Sadanitant il-Provinċja Agostinjana Maltija għadha għaddejja bit-tħejjijiet biex fil-jiem li ġejjin l-ġisem tal-Kardinal Grech jinġieb hawn Malta. Il-ħsieb huwa li ssirlu quddiesa presente cadevere li tagħti ċ-ċans lil dawk li jixtiequ jagħtuh l-aħħar tislima hawnhekk. Dettalji dwar dan jitħabbru aktar il-quddiem.

F’dawn il-jiem l-Ordni Agostinjan rċieva diversi messaġġi ta’ kondoljanzi fosthom mill-Qdusija tiegħu il-Papa Franġisku u mis-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan, il-kardinal Pietro Parolin.

Minn naħa tagħha l-Provinċja ttenni tirringrazzja lil dawk kollha li komplew juru s-sogħba tagħhom waqt li jirrikonoxxu l-kwalitajiet u l-wirt imprezzabbli tal-Kardinal Grech f’diversi oqsma. Nirrakkomandaw dejjem li nkomplu nżommuh fit-talb tagħna.


Il-Provinċja bħalissa qiegħda tagħmel l-arranġamenti meħtieġa biex imbagħad il-ġisem tiegħu jinġieb Malta u d-difna ssir Malta.  Aktar dettalji dwar dan jitħabbru aktar 'il quddiem.

Il-Kardinal Grech kien għadu kif għalaq l-eta sabiħa ta' 94 sena propju lejlet il-Milied. Dakinhar stess ħa sehem fil-quddiesa tal-lejl tal-Milied preseduta mill-Qdusija Tiegħu il-Papa Franġisku fil-Bażilika ta' San Pietru. Sa llum stess għex għal tant snin fil-Kulleġġ Internazzjonali Agostinjan, Santa Monika, f'Ruma. 

Il-Provinċja Agostinjana Maltija tirringrazzja lil dawk kollha li qed jinagħqdu magħha u juru l-viċinanza tagħhom f'dan il-mument ta' niket.

Il-Kardinal Grech jibqa bla dubju ta' xejn imfakkar bħala akkademiku għaref u reliġjuż ħabrieki li ta' kontribut kbir lill-Familja Agostinjana u lill-Knisja. Fuq kollox kien bniedem li għaraf inissel tbissima simpatika f'dawk kollha li ltaqgħu miegħu.  Nitolbu għal ruħu sabiex il-Mulej itih il-premju mistħoqq għal dak li ħadem għalih matul ħajtu.


© 2020 agostinjani.org. All Rights Reserved.