Fis-6 ta’ Novembru, il-Familja Agostinjana tiċċelebra t-tifkira tar-reliġjużi Agostinjani li għexu qabilna u li llum jistrieħu mal-Mulej. Nhar it-Tnejn 6 ta’ Novembru filgħodu, il-provinċjal flimkien ma’ diversi aħwa iċċelebra quddiesa fil-Knisja San Nikola minn Tolentino, Ħal Tarxien li fiha fakkar l-aħwa mejtin. Fir-riflessjoni tiegħu huwa tkellem fuq: it-tifkiriet sbieħ li dawn l-aħwa kollha ħallewlna; is-sens ta’ gratitudni li għandu jitqanqal fina quddiem dak li għexu dawk li ġew qabilna; u fuq kollox il-ħarsa ta’ fidi u tama li għandha timla l-qalb tagħna bħala nsara li għadna qed ngħixu il-mixja tal-ħajja fuq din l-art. Wara l-quddiesa l-Provinċjal flimkien ma’ diversi aħwa reliġjużi għamlu talba fuq l-oqbra tal-provinċja, fiċ-ċimiterju tal-Addolorata



Nhar it-Tnejn 23 ta’ Ottubru il-Komunità Edukattiva tal-Kulleġġ Santu Wistin flimkien mal-Provinċja Agostinjana Maltija fakkru il-175 sena mill-ftuħ tal-ewwel sena skolastika tal-Iskola Santu Wistin dak iż-żmien fil-Kunvent ta’ Santu Wistin fil-Belt Valletta. Dak kien il-bidu tal-ewwel skola tal-Knisja għat-tfal Maltin. Dan l-anniversarju tfakkar dalgħodu permezz ta’ ċelebrazzjoni ferriħija preseduta mill-E.T. Mons Joseph Galea Curmi, Vigarju Generali ta’ Malta, taħt il-Patronċinju tal-Aġent President tar-Repubblika il-Prof. Frank Bezzina, fl-assenza tal-President ta' Malta li jinsab imsiefer. Għall-attività kien hemm anke L-E.T Mons. Savio Hon Tai-Fai S.D.B. Nunzju Appostoliku għal Malta, flimkien ma' rappreżentanti mis-Segretarjat tal-Edukazzjoni Kattolika u diversi reliġjużi Agostinjani li tul is-snin ħadmu jew kienu studenti fil-Kulleġġ bħalma kienu anke diversi saċerdoti oħra.

Iċ-Ċelebrazzjoni saret fil-Knisja Parrokkjali ta’ San Sebastjan f’Ħal-Qormi fejn setgħu jinġabru l-istudenti kollha tal-Kulleġġ li llum jgħoddu madwar 800 u l-membri tal-Istaff. Iċ-ċentru tal-attività kienet iċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija ta’ radd il-ħajr. Numru sabiħ ta’ studenti ħadu sehem fiċ-ċelebrazzjoni b’diversi modi, partikolarment permezz tal-kant ferrieħ, siltiet ta’ qari, rappreżentazzjoni qasira wara l-Evanġelju, preżentazzjoni ta’ simboli, il-preżenza tal-Air Scouts, u s-servizz tal-altar permezz tal-abbatini. Numru sabiħ ta’ edukaturi u membri oħra tal-istaff tal-Kulleġġ ukoll ipparteċipaw fl-attività b’diversi modi, u kkolaboraw fil-preparazzjoni u l-organizzazzjoni tal-attività kollha.

Nitolbu lill-Mulej ikompli jbierek din il-Komunità Edukattiva.


Wieħed mill-proġetti kbar ta’ ħidma tagħna bħala Provinċja li kważi lkoll kemm aħna missejna miegħu f’xi waqt jew ieħor huwa l-Kulleġġ, u xtaqt li permezz ta’ din iċ-ċirkolari niċċelebaw lil dawk l-aħwa kollha li tul is-snin u llum kienu jew għadhom parti minn din l-esperjenza.

Kien għadu tista’ tgħid fl-ewwel snin mit-twaqqif tal-Provinċja tagħna meta l-Provinċjal P. Gaetano Pace Forno ġieħ il-ħsieb li l-Provinċja, timraħ f’esperjenza ġdida. Ir-rapport tal-Kummissjoni Rjali tal-1836, kien wera biċ-ċar li wieħed min-nuqqasijiet kbar li kien hawn f’Malta kien dak ta’ opportunitajiet għall-edukazzjoni tat-tfal u fi ftit snin, il-Gvern ingliż beda jiftaħ l-ewwel skejjel tiegħu. Sensibbli għal din ir-realtà, fl-1847 il-Provinċjal kiteb lill-Pirjol Ġenerali tal-Ordni f’Ruma u qasam miegħu il-ħsieb li kellu li l-Provinċja, tinvesti fi skola bla ħlas għat-tfal. Il-Pirjol Ġenerali malajr approva u esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-idea sabiħa ta’ din l-opra soċjali li sejħilha kbira u meħtieġa. L-istess idea kienet imbagħad diskussa u approvata unanimament fil-Kunsill Provinċjali nhar il-31 ta’ Awissu 1848. Nhar it-23 ta’ Ottubru 1848 fetħet l-ewwel sena akkademika tal-Iskola Santu Wistin li kienet filfatt l-ewwel skola kattolika bla ħlas fil-gżejjer Maltin. Apparti s-sensibilità għall-bżonn reali tat-tfal, kien hemm bla dubju ta’ xejn fatturi oħra li mmotivaw dan il-pass bħalma kien in-numru sabiħ ta’ reliġjużi li setgħu jagħtu kontribut soċjali akbar u s-sentiment li l-Knisja Kattolika tibqa preżenza valida f’kull qasam, imma fuq kollox jibqa’ l-fatt li f’dawn iċ-ċirkostanzi kien pass profetiku.

Żgur li ma kienx jgħaddi minn moħħ ir-reliġjużi ta’ dak iż-żmien l-iżviluppi kbar li din l-opra soċjali kellha tgħaddi minnhom tul is-snin. Fost dawn, ta’ min isemmi l-investiment kontienwu fl-ispazji u r-riżorsi, il-qtigħ il-qalb ta’ żmien il-gwerra, l-għażliet li saru meta r-reliġjużi ma setgħux jibqgħu ilaħħqu mal-impenn meħtieġ weħidhom u allura il-kollaborazzjoni tal-lajċi, l-espansjoni tal-Kulleġġ, u diversi fatturi oħra. F’nota li sibt fl-arkivju tas-segreterija xi ħadd kien ħalla miktub li matul is-snin tat-tieni gwerra dinjija r-reliġjużi għamlu li setgħu biex baqgħu isibu modi kif jgħallmu lit-tfal, anke jekk il-bibien tal-iskola formalment kellhom jingħalqu. Ftit forsi kien jgħaddilna minn moħna li din l-istorja kellna nerġgħu ngħaddu minna fi żmienna meta faqqgħet il-Pandemija Covid-19 u l-bibien tal-Kulleġġ reġgħu ingħalqu. Grazzi għat-tmexxija preżenti, anke din id-darba l-Kulleġġ impenja lilu nnifsu li jibqa’ għaddej u kien minn ta’ l-ewwel biex jimraħ f’sistemi virtwali li setgħu jibqgħu iwasslu t-tagħlim lit-tfal fid-djar tagħhom. Meta tħares lejn dan kollu tirrealizza kemm l-istorja tirrepeti ruħha anke jekk quddiem strutturi, u riżorsi li huma ferm differenti minn ta’ qabilhom. L-isbaħ fuq kollox huwa l-fatt li dak li baqa jirripeti ruħu huwa l-ispirtu u l-impenn li l-iskola jew il-Kulleġġ tagħna jibqa’ jagħti l-aħjar.

Illum inħarsu lejn din il-missjoni edukattiva u tassew għandna għax irroddu ħajr lil Alla għal dak kollu li għamel magħna tul is-snin. Kemm hu sabiħ li napprezzaw dak li sar qabilna li jitwaħħad f’esperjenza kontienwa ma dak kollu li għadu jsir illum f’istorja waħda twila. Nixtieq minn qalbi nsellem lill-aħwa kollha li tul is-snin ħadmu fil-Kulleġġ u li llum m’għadhomx magħna. Il-Mulej jilqagħhom fi ħdanu u jagħtihom il-premju tal-eternita’ li tant ħadmu għalih. Insellem anke lil dawk kollha li għadhom mimlija bil-għomor u li ħadmu b’mod jew ieħor fil-Kulleġġ. Żgur li ż-żmien tagħhom fil-Kulleġġ immarkahom b’xi mod jew ieħor għal ħajjithom, bħalma l-marka ta’ kull wieħed minna tibqa’ fil-qalb tal-istudenti u familji kollha li xi darba kienu parti mill-komunita’ edukattiva tal-Kulleġġ. Fuq kollox insellem lill-aħwa li huma impenjati fil-Kulleġġ illum, partikolarment il-Komunità tagħna f’Tal-Pieta li, barra responsabiltajiet oħra fil-Provinċja, janimaw fuq kollox din il-Missjoni Edukattiva; ir-Rettur P. David Cortis, ic-Chaplain P. Terence Spiteri u l-Pirjol tal-Komunità P. Mario Abela. Grazzi tal-ħidma li qed tagħmlu f’isimna lkoll, waqt li f’isimkom, ilkoll kemm aħna ngħixu l-preżenza u l-qadi tagħna f’servizzi u komunitajiet oħra.

Għalkemm din iċ-ċirkolari hija indirizzata aktar għar-reliġjużi, ma nixtieqx nagħlaq dawn il-kelmtejn bla ma nsellem in-numru dejjem jikber ta’ lajċi li jikkollaboraw magħna f’din il-ħidma  partikolarment il-kapijiet rispettivi u l-assistenti kapijiet, imma magħhom dawk kollha li jservu f’kull qasam. Is-sabiħ ta’ din l-istorja kollha, kemm bit-tant reliġjużi tul is-snin, u anke bil-ħafna lajċi llum, huwa l-fatt li jirnexxielna nġibu flimkien tant karattri differenti li iżda jinagħqdu fi spirtu u għan wieħed li huwa l-missjoni edukattiva tat-tfal tagħna.

Ejjew nitolbu l-Mulej inissel l-ispirtu tiegħu fuq il-Komunità edukattiva kollha tal-Kulleġġ tagħna waqt li jgħinna nkomplu ninvestu b’kull mezz possibbli fi struttura li tagħti stabilita’ u kontinwita’ lil din il-missjoni tagħna.

P. Leslie Gatt osa

Pirjol Provinċjali


Bejn is-16 u l-20 ta’ Ottubru grupp ta’ aħwa Agostinjani inġabru għal ftit jiem ta’ rtir f’Dar Stella Maris fiż-Żebbuġ Għawdex. Matul dawn il-jiem l-aħwa kellhom l-opportunità li jieqfu mir-rutina tal-ħajja u jgħixu mumenti ta’ aktar skiet, talb u riflessjoni akkumpanjati minn Fr Martin Cilia MSSP li anima dawn il-ġranet. Ir-riflessjonijiet ta’ Fr Martin poġġew stedina ċara biex wieħed jirrifletti fuq ir-realtà tiegħu, l-esperjenza tal-ħajja li jaqsam mal-aħwa, iċ-ċentralità ta’ Ġesu Kristu fil-ħajja tiegħu u l-misteri li jlaqqgħuna miegħU fil-mixja tagħna tal-ħajja partikolarment fiċ-ċelebrazzjoni tal-liturġija. Il-Ħamis l-aħwa kellhom anke katekeżi sabiħa fuq l-ikoni tal-misteri tar-Rużarju li jinsabu fil-Pjazza tas-Santwarju Tal-Madonna ta’ Pinu. Il-Ġimgħa mbagħad l-Irtir għalaq biċ-ċelebrazzjoni tal-ewkaristija fl-istess Santwarju. 

Dawn il-jiem kienu anke opportunità sabiha biex reliġjużi minn komunitajiet differenti jiġu flimkien u jaqsmu s-sabih tal-ħajja reliġjuża agostinjana lilhinn mill-ħidma u minn dak kollu li normalment isawwar il-ġranet b’tant attivita. Il-ġranet tal-Irtir jagħtu anke okkażjoni ta’ esperjenza sabiħa ta’ talb b’mod aktar kalm u opportunità sabiħa ta’ tiġdid spiritwali.


Is-Sibt 7 ta’ Ottubru, il-Komunita Agostinjana tal-Belt ħadet sehem fin-Notte Bianca li issa saret parti mill-Kalendarju annwali tal-Belt Kapitali permezz ta’ diversi inizjattivi. Fost dawn ta’ min isemmi il-wirja li ġiet imtella’ fl-okkażjoni tal-175 sena mit-twaqqif tal-Kulleġġ Santu Wistin fl-istess kuriduri li tant snin ilu servew bħala skola fil-Kunvent tal-Belt. Dak iż-żmien l-Iskola Santu Wistin kienet l-ewwel skola tal-Knisja bla ħlas għat-tfal Maltin. Diversi żgħażagħ minn Tagaste Youths li huma lkoll ex-studenti tal-kulleġġ, laqgħu in-nies fid-daħla tal-Kunvent u dawruhom mhux biss mal-wirja, imma anke ma’ partijiet mill-mużew tal-Kunvent. Dawk kollha li ġew, setgħu japprezzaw diversi spazji tal-kunvent li jagħmlu parti mic-Ċentru ta’ Interpretazzjoni tal-Komunità li eventwalment għandu jkun lest u jinfetaħ għall-pubbliku fix-xhur li ġejjin.

Apparti ċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa bħal kull nhar ta’ Sibt, fil-knisja ttellgħu żewġ kunċerti mis-Saint Monica Vocal Ensamble b’repertorju ta’ siltiet ta’ mużika sagra. Iż-żewġ kunċerti ntlaqgħu tajjeb ħafna mill-pubbliku li apprezza kemm il-biċċiet magħżula imma anke l-vuċijiet mill-isbaħ.


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.