Min hu?
Meta twelidt u fejn trabbejt?
Twelidt Ħaż-Żebbuġ, Malta, fis-26 ta’ Diċembru 1943.
Fejn kont tattendi skola (primarja, sekondarja, post-sekondarja)?
L-iskola primarja għamiltha fl-iskola ta’ Ħaż-Żebbuġ filwaqt li dik sekondarja kont nattendi l-kulleġġ tagħna Santu Wistin li dik is-sena stess kien beda f’Ħal Tarxien. Kienet is-sena 1954 meta bdejt fil-kulleġġ tagħna, ir-rettur dak iż-żmien kien P. Ġużepp Borg OSA. Spiċċajt il-form V bl-eżami tal-G.C.E. Oxford f’Lulju tas-sena 1960.
Għal madwar il-21 ta’ Settembru tal-istess sena jiena u żewġ żgħażagħ Maltin oħra morna ma’ P. Pawl Spiteri OSA Għawdex fejn flimkien ma’ P. Adeodato Schembri OSA bdejna n-novizzjat, taħt it-tmexxija tas-Surmast P. Ġorġ Bezzina. Lanqas ilħaqna wasalna, għaliex mill-għada stess bdejna ngħixu l-ħajja Agostinjana u l-ewwel attività li assistejna għaliha kien l-irtir tas-sena li dak iż-żmien kien isir fil-kunvent. Għamilt l-ewwel professjoni reliġjuża tiegħi taħt il-Provinċjal P. Ugolin Gatt OSA fl-1 ta’ Ottubru tas-sena 1961.
Meta ġietek is-sejħa għall-ħajja agostinjana u x’ħajrek?
Ommi tgħid li sa minn meta kont tarbija kelli l-vokazzjoni Agostinjana! Storikament ġara dan. Ommi Beltija u meta kienet xebba kienet taħdem ma’ familja li kienet toqgħod ‘Vincenti Buildings’ quddiem il-kunvent tagħna S. Wistin fi Triq l-Ifran, Valletta. Matul il-gimgħa kienet tisma’ l-quddies fil-knisja tagħna. Hemm sabet lill-P. Anġ Pizzuto OSA li għażlitu bħala l-konfessur u d-direttur spiritwali tagħha.
Darba minnhom ġie P. Anġ id-dar tagħna għax kien wiegħed lil ommi li jiġi jikkonsagra d-dar għall-qalb Imqaddes ta’ Ġesù meta nitwieled jien. U hekk għamel. Ikkonsagra d-dar u wara ommi tatni f’idejh. Dan mal-ewwel qalilha: “Maria, dan għalina l-Agostinjani.” U ommi dejjem sostniet li minn dak il-ħin bdiet il-vokazzjoni tiegħi għal mal-Agostinjani.
Jien nemmen li kienu l-Mulej, ommi u P. Anġ li wellduni għall-ħajja Agostinjana. Qatt ma jiddispjaċini li hekk twieldet il-vokazzjoni tiegħi Agostinjana. Illum, wara ħajja Agostinjana ta’ sittin sena, inrodd ħajr lill-Mulej, lill-ġenituri tiegħi – għax missieri fuq dan kien jaqbel ma’ ommi – u lill-Patri Anġ Pizzuto li fetħuli t-triq biex mingħajr ma jistħoqqli nħaddan il-kariżma Agostinjana li fiha stajt nikber fl-isbuħija tal-fidi Kattolika u dan permezz tal-formazzjoni li rċevejt fit-tagħlim ta’ Santu Wistin u tal-ispiritwalità Agostinjana – nimmatura psikoloġikament u ngħix ferħan inservi lil Alla, lill-Knisja, l-Ordni Agostinjan u l-umanità fid-diversi pajjiżi fejn ġejt mibgħut u fid-diversi missjonijiet li s-Superjuri tagħna afdawli.
Xi tħobb tagħmel fil-ħin liberu?
Billi bħalissa ninsab fil-missjoni tagħna ta’ Kuba u impenjat prinċipalmet fit-tagħlim tat-teoloġija fil-Fakultà tas-Seminarju u dekan tad-dipartiment tal-filosofija tal-Institut Pontifiċju tal-Umanitajiet tal-belt ta’ Havana biċċa mill-ħin liberu tiegħi ngħaddih insajjar għall-komunità, speċjalment il-Ħadd u nieħu ħsieb il-ftit qsari tropikali li għandna. Ħafna drabi jkolli ngħaddi l-ħin liberu tiegħi nikkoreġi x-xogħlijiet tal-istudenti, nieħu ħsieb l-arkivju tad-Delegazzjoni Agostinjana Kubana, immexxi spiritwalment xi persuni li talbuni d-direzzjoni spiritwali jew inkella nħejji l-liturġija tal-Ħdud u l-festi.
Tista’ tgħidilna xi ktieb interessanti li qrajt? Fuq xhiex jittratta?
Impossibbli nwieġeb għal din il-mistoqsija. Ħafna kienu l-kotba interessanti, speċjalment fit-teoloġija u l-filosofija, li qrajt. Fuq kollox interessat immens fuq dak li jinkiteb fuq t-tagħlim ta’ Santu Wistin. Dan hu kamp wiesa’ mmens u wieħed qatt ma jispiċċa jikxef aspetti ġodda tal-għana li hemm f’Santu Wistin. Ili issa aktar minn 40 sena nistudja lil Santu Wistin u nistqarr li dejjem insib xi ħaġa ġdida fil-kitba tiegħu jew f’dak li l-istudjużi jiktbu dwaru.
Għandek xi quote/saying għal qalbek?
Nillimita ruħi għal żewġ frażijiet. L-ewwel waħda ta’ Sokrate li jgħid: “Dak li naf hu li ma nafx.” Quote famuża għax hija l-bażi ta’ kollox. Filfatt min jaħseb li jaf jieqaf li jkompli jistudja u jinvestiga u flok imur ’l quddiem imur lura. Min jippretendi li jaf biżżejjed iqarraq bih innifsu u jingħalaq fil-kbuirija li hija r-rovina ta’ kull għerf u għaqal.
It-tieni quote hija mill-ewwel paragrafu tal-Istqarrijiet (Confessiones) fejn Santu Wistin jgħid: “[O Mulej] Int għamiltna għalik u qalbna tkun mingħajr mistrieħ sakemm ma tistrieħx fik.” F’dinja fejn il-bniedem warrab lil Alla tajjeb li wieħed jiftakar f’dan għax jekk it-terapiji moderni huma mezz effiċjenti kontra l-istress madanakollu l-aqwa terapija biex wieħed isib il-paċi u jgħix seren u ferħan huwa li jinbena fuq Alla.
Is-sejħa Agostinjana:
X’jagħmlek agostinjan?
Ninsab fil-missjoni li l-Ordni agostinjan għandu ġewwa Kuba. Ngħix ma’ sieħbi, agostinjan mill-Arġentina, ġewwa d-dar li għandna fil-qalba tal-belt antika, La Habana Vieja, naqdu poplu li jgħix f’kondizzjonijiet ta’ ħajja materjali u spiritwali ferm diffiċli. Qiegħed hawn naħdem fi Knisja li qiegħda tagħmel kull ma tista’, b’mezzi foqra, biex tibni l-personalita tal-kubani fuq valuri sodi mnebbħa mill-Evanġelju. Hija din ir-realta’ li tagħmilni agostinjan. Ħallejt kollox u gejt hawn, filwaqt li stajt ngħix komdu f’post iehor, biex inkun kollni ta’ Kristu ħalli bħalu u bħala ġebla ħajja tal-Knisja nissieħeb b’imħabba disinteressata u mingħhajr l-ebda kumpless ta’ superjorita’ fil-bini tal-bniedem il-ġdid imġedded fi Kristu ġewwa Kuba. Aħjar minn hekk ma narax, fis-sitwazzjoni preżenti, kif nista’ nkun agostinjan.
Il-Kariżma agostinjana fid-dinja tal-lum
Kristu huwa l-qofol tal-Kariżma agostinjana. Waqqaf il-knisja biex tkompli l-missjoni tiegĦu fiż-żmien u l-istorja. Il-knisja ma hijiex blokk monolitiku, imma spazju fejn jimirħu diversi forom ta kif wieħed ir-reliġjuż jgħix il-vokazzjoni tieħu u din il-missjoni. Waħda minn dawn il-forom hija l-kariżma agostinjana. L-Agostinjan huwa msejjaħ sabiex jgħix il-komunjoni fil-komunità. Din hija l-kariżma agostijana li tibda titwettaq ġewwa l-istess komunità reliġjuża fejn jgħix l-agostinjan u tinfirex fid-diversi oqsma tal-ħajja umana u nisranija. L-umanità tal-lum hija umanità mfarrka u maqsuma, mibnija fuq il-firda mwellda mill-egoiżmu u mill- interessi personali u mimlija diskriminzzjoni, inġustizzji soċjali u faqar li joqtlu l-ġid komuni. Fl-istess ħin, hija umanità li tixtieq tkun tassew familja waħda, fejn ħadd ma jigi emarġinalizzat u fejn isaltnu l-verità, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-għaqda mibnija fuq il-vera mħabba. Liema hija Il-missjoni tal-kariżma agostinjana fid-dinja tal-lum jekk mhux li tiġġieled kontra dak kollu li qiegħed ifarrak u jifred l-umanità u taħdem biex jitwettqu l-valuri umani u evanġeliċii li jwelldu l-għaqda, il-komunjoni, il-verità, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-imħabba?
Min hu l-agostinjan għalik?
L-agostinjan huwa persuna fi proċess kontinwu ta maturita’ umana, nisranija u reliġjuża. Magħġun fi Kristu u nnamrat mill-knisja u mill-istess bniedem, filwaqt li jinbena fis-sod permezz ta’ ħajja spiritwali awtentika, iħares lejn il-ħajja b’ħarsa posittiva u realista fl-istess ħin, dejjem b’għajnejh miftuħa biex b’sens kritiku janalizza s-sitwazzjoni reali tal-eżistenza umana u fuq kollox ħalli b’qalb imkebbsa jaħdem bla waqfien għat-tiġdid tiegħu innifsu, tal-komunità eliġjuża li jgħix fiha, tal-knisja u tas-soċjetà.