Mgħallem, kemm hu sew li aħna hawn!

Lectio

Mk 9,2-10

Sitt jiem wara Ġesù ħa miegħu lil Pietru u lil Ġakbu u lil Ġwanni, tellagħhom weħidhom fuq muntanja għolja, u tbiddel quddiemhom.  Ilbiesu sar abjad u jgħammex b’dija tal-għaġeb: ebda ħassiel fid-dinja ma jista’ jġib il-ħwejjeġ bojod daqshekk. U dehrilhom Elija ma’ Mosè, jitkellmu ma’ Ġesù. Qabad Pietru u qal lil Ġesù: “Mgħallem, kemm hu sew li aħna hawn! Ħa ntellgħu tliet tined, waħda għalik, waħda għal Mosè, u waħda għal Elija.” Dan qalu għax ma kienx jaf x’jaqbad jgħid bil-biża’ kbir li waqa’ fuqhom. Imbagħad ġiet sħaba u għattiethom, u minn ġos-sħaba nstama’ leħen jgħid: “Dan hu Ibni l-għażiż, isimgħu lilu.” Minnufih taw ħarsa madwarhom, u ma raw lil ħadd iżjed magħhom ħlief lil Ġesù waħdu.

Huma u neżlin minn fuq il-muntanja, tahom ordni biex ma jitkellmu ma’ ħadd fuq li kienu raw qabel ma Bin il-bniedem ikun qam mill-imwiet. Huma żammew kollox moħbi, iżda bdew jistaqsu lil xulxin x’kien ifisser ‘tqum mill-imwiet’.

Medidatio

  1. F’liema Vanġelji nsibu din is-silta?

Jekk inħarsu lejn il-Vanġeli Sinottiċi (S. Mark, S. Mattew, u S. Luqa) naraw li din hija silta li tissemma fihom kollha. Kull evanġelista jagħti xeħta partikolari sabiex iwassal il-messaġġ tiegħu lill-komunità li għaliha kien qiegħed jikteb.

  1. F’liema post tinsab din is-silta fl-Evanġelju skont S. Mark?

Jekk inħarsu lejn il-kapitlu ta’ qabel naraw li ftit qabel Ġesù jħabbar lid-dixxipli li ser imut u jqum mill-mewt. Importanti li naraw din is-silta tat-trasfigurazzjoni f’dan il-kuntest biex nifhmu aħjar dak li qiegħed jiġri u d-djalogu li naraw bejn Pietru u Kristu.

  1. L-istil tal-kitba (il-ġeneru letterarju)

Kull meta naqraw silta huwa t’għajnuna għalina li nħarsu lejn il-ġeneru letterarju biex nifhmu aħjar dak li hemm miktub. Hemm diversi ġeneri letterarji bħalma huma: diskorsi, parabboli, poeżija, storja, proverbji, ittri eċċ

F’dan il-każ din is-silta tagħmel parti mill-ġeneru letterarju tat-trasfigurazzjoni u allura l-kliem u l-vokabularju li jintużaw iħeġġu lill-qarrej jidħlu f’dan l-ambjent – f’kelma oħra l-messaġġ prinċipali huwa l-mod ta’ kif Alla wera ruħu lid-dixxipli li jissemmew f’din is-silta b’ħarsa għal dak li ser jiġri fil-passjoni, l-mewt u l-qawmien ta’ Kristu nnifsu.

  1. Taqsimiet tas-silta

Verbi ta’ moviment

L-ewwel kliem ta’ din is-silta juruna verb li juri direzzjoni “tellagħhom” u għalhekk nistgħu nindunaw mill-ewwel li hemm bdil fil-post. Lejn l-aħħar tas-silta niltaqgħu mal-verb “neżlin” u allura nistgħu nikkonkludu li mxew għal post ieħor.

Dawn iż-żewġ verbi jgħinuna noħorġu t-taqsim ta’ din is-silta partikolari biex inkunu nistgħu nifhmu aħjar il-messaġġ li hemm fiha.

Tellagħhom: l-inizjattiva hija ta’ Kristu nnifsu u mhux tad-dixxipli. Kristu jixtieq joffri din l-esperjenza qawwija lil 3 mid-dixxipli tiegħu – huma biss “waħedhom”. Ried li jagħmlu esperjenza personali...

Xi kultant aħna naħsbu li rridu nkunu aħna li nfittxu lil Ġesù fil-ħajja imma f’din is-silta, qegħdin naraw li Ġesù stess jixtieq jiltaqa’ magħna – int fejn int, int kif int bħalissa – bid-dubji, diffikultajiet, forsi rabja, għejja eċċ...m’hemmx bżonn tinbidel biex tiltaqa’ miegħu. Il-Mulej jixtieqek biss tħallih jgħinek.

 

  1. Xi dettalji importanti fis-silta:

Sitt ijiem wara...

Għalfejn jirreferu dawn is-sitt ijiem? Hemm diversi possibilitajiet li S. Mark kellu f’moħħu fosthom

  • referenza għal festa tat-Tined li kienet festa Lhudija li tiġi ċċelebrata sitt ijiem wara mument ta’ ġabra u rikonċiljazzjoni (Kippur) – f’din il-festa l-Lhud jibnu tined magħmulin miz-zkuk tas-siġar – ifakkarhom fil-jiem fraġli li għixu fid-deżert fejn ma kellhomx post sigur.
  • kif ukoll referenza għal dak li jissemma fil-ktieb tal-Eżodu meta Mosè tala’ fuq il-muntanja u s-sħaba ksietja għal sitt ijiem: Eż 24, 15-16:

Mosè tala’ fuq il-muntanja u s-sħaba ksiet il-muntanja. Il-glorja tal-Mulej strieħet fuq il-muntanja tas-Sinaj, u s-sħaba ksietha għal sitt ijiem; u fis-seba’ jum il-Mulej sejjaħ lil Mosè minn ġo nofs is-sħaba.

U għalhekk qisu bħala idea ġenerali nistgħu ngħidu li sitt ijiem jirrappreżentaw it-tul ta’ ħin li wieħed għandu bżonn biex ikun lest ħalli jiltaqa’ m’Alla nnifsu.

Dettall ieħor huwa l-fatt li kemm San Mattew kif ukoll San Luqa jsemmu dan l-aspett ta’ jiem bid-differenza li San Luqa jżid jumejn oħra u allura jikteb “Daqs tmint ijiem wara...” (Lq 9,28).

Il-fatt li l-Evanġelisti Sinottiċi bdew dan ir-rakkont b’dan id-dettall taż-żmien juri kif donnhom xtaqu jgħaqqdu dak li kien ser jiġri issa fil-mument tat-trasfigurazzjoni (fuq il-muntanja) ma’ dak li kien seħħ ftit jiem qabel meta Ġesù ħabbar lid-dixxipli li kellu jgħaddi mill-mewt u l-qawmien.

B’dan f’moħħna rridu nistgħu naqraw u nifhmu din il-ġrajja: għalhekk it-Trasfigurazzjoni hija ġrajja ta’ kontemplazzjoni dwar dak li seħħ sitt ijiem qabel, jiġifieri t-tħabbira li Ġesù kellu jiġi umiljat, imut u jqum mill-mewt.

Pietru, Ġakbu u Ġwanni

Għalfejn dawn it-tlieta u mhux tlieta oħra? Dawn huma l-istess 3 persuni li kienu preżenti waqt il-qawmien mill-mewt tat-tifla ta’ Ġajru (Mk 5,37) u ser ikunu preżenti fl-Ort tal-Ġetsemani (Mk 14,33). Dan huwa dettall li ukoll jissemma fit-tliet Vanġelji.

Huma xi nies privileġġjati? Le.

Huma persuni li ser ikunu t’għajnuna fix-xhieda tal-fidi tagħhom mal-oħrajn. Kull persuna jirċievi l-grazzja t’Alla b’mod uniku mhux biex iżommha għalih innifsu imma biex jaqsamha u jikkomunikaha mal-oħrajn. Hawnhekk din is-silta qegħda tkompli tistieden lil kull wieħed u waħda minna biex ma nibżgħux naqsmu l-fidi tagħna, ma nibżgħux nkunu ‘differenti’ fis-soċjetà.

Il-Mulej jixtieq lilek u lili biex ikompli juri li għadu preżenti fid-dinja.

muntanja għolja

Ġieli tlajt xi muntanja jew għolja? Malli tħares mill-għoli l-ewwel kliem li tlissen ikunu “xi ġmiel...xi sbuħija...” Il-muntanja dejjem hija l-post fejn tinqata’ mir-realtà u tieqaf u taħseb...

Il-muntanja fis-sens Bibbliku tfisser post privileġġjat (importanti ħafna) fejn isiru d-dehriet – fejn Alla jidher (juri lilu nnifsu). Għalfejn?

Għax il-muntanja hija l-post fejn l-art u s-sema huma qrib xulxin. Id-deskrizzjoni tal-muntanja f’din l-ewwel sezzjoni tas-silta għandha l-intenzjoni li twassal lil qarrej għal dak li ser jiġri iktar tard – il-post speċjali fejn Alla jiltaqa’ mal-bniedem.

Il-mument tal-Bidla: trasfigurazzjoni

Il-verb li jintuża biex toħroġ il-bidla li seħħet huwa tbiddel – passiv (divin). Dan huwa mod ta’ verb li juri li l-azzjoni kienet t’Alla nnifsu. F’kelma oħra, San Mark jurina li t-Trasfigurazzjoni ta’ Ġesù kien ir-rigal li Alla l-Missier kien qiegħed jagħti lil Ibnu l-Maħbub.

Aspett ieħor huwa d-deskrizzjoni tal-kulur abjad u jgħammex – enfasi fuq il-bjuda – li jfakkarna f’xi ħaġa li mhux umana imma għandha x’taqsam mas-smewwiet u l-qawmien. Filwaqt li Kemm Mattew u Luqa jsemmu l-wiċċ, hawnhekk Mark ma jsemmix il-wiċċ imma jagħżel li jiffoka fuq il-ħwejjeġ.

Ikompli billi jerġa’ jenfasizza fuq il-bjuda li m’għandix paragun: ebda ħassiel fid-dinja ma jista’ jġib il-ħwejjeġ bojod daqshekk.

L-istedina għalina li qed naqraw din is-silta hija biex aħna ninbidlu minn ġewwa, mhux inneħħu xi ħaġa u npoġġu xi ħaġa oħra.

Jista’ jkun li xi drabi jkolli bżonn esperjenza sabiħa li taħsadni. Liema kienet l-esperjenza li tibqa’ tiftakar li fiha għamilt esperjenza tal-imħabba t’Alla? Erġa’ għixha...ħares lejn din l-esperjenza bħalma għamlu dawn id-dixxipli...għix dawn il-mumenti mal-Mulej.

id-dehra ta’ Mosè u Elija

Naraw f’daqqa waħda fix-xena lil Mosè u Elija. Għalfejn Mosè u Elija? Mhux Abraham, Iżakk, jew Ġakobb? Kemm Mosè kif ukoll Elija, huma żewġ personaġġi bibliċi li ltaqgħu m’Alla fuq il-muntanja Sinaj jew Ħoreb.

Huma ukoll żewġ protagonisti mill-Antik Testment li jirrappreżentaw il-Profeti u l-Liġi ta’ Iżrael. Il-liġi u l-Profeti, iż-żewġ taqsimiet ewlenin tat-Testment il-Qadim huma d-don/ir-rigal li bih il-Mulej akkumpanja lill-poplu tiegħu. Il-fatt li Ġesù deher f’nofshom allura juri li t-Testment il-Qadim issa kien qed isib il-milja tiegħu fil-persuna ta’ Ġesù, dak li ġie biex jurina min hu l-Missier. Il-preżenza ta’ Mosè u Elija ma’ Ġesù tfakkarna mela, fl-importanza tal-Kelma t’Alla fil-ħajja tagħna.

It-tnejn li huma batew biex wasslu l-presenza u l-messaġġ t’Alla lil poplu u allura f’dan il-mument qegħdin jingħaqdu flimkien ma’ Ġesù li qiegħed ikompli dak li bdew huma. Bħalhom ukoll Ġesù ser ibati biex iwassal il-bxara t-tajba...kellu jidħol fil-glorja tiegħu li issa b’mod temporanju kienet qed tidher quddiem għajnejn tlieta mid-dixxipli tiegħu.

Kif Alla kien magħhom u salva l-profeti biex ikomplu jakkumpanjaw lil poplu t’Iżrael, hekk ukoll ser ikun ma’ Kristu hu u jxandar lil Alla. Dawn il-personaġġi huma ta’ kuraġġ u għajnuna għal Pietru u Ġakbu fil-missjoni tagħhom ta’ dixxipli kif huwa ukoll ta’ kuraġġ għalina li nagħmlu parti minn din il-missjoni importanti fil-knisja.

Kemm hu sew li aħna hawn!

Fi kliem ieħor Pietru qiegħed jgħid kemm hi ħaġa tajba li qegħdin hawn flimkien! Din tista’ tfisser:

  1. Jixtieq li din l-esperjenza sabiħa ma tispiċċa qatt u għalhekk jixtieq li jibnu 3 tined biex ma tiċċaqlaqx – tibqa’ xi ħaġa permanenti – jibqgħu dejjem f’dik l-esperjenza sabiħa. Din tmur kontra l-idea ta’ Ġesù li ftit qabel din is-silta ħabbrilhom li kien jeħtieġ li jgħaddi mis-salib u l-mewt.
  2. Din l-esperjenza hija utli għalihom biex jaħarbu mir-realtà konkreta u attwali. Mhux lesti jissaportu din l-esperjenza li ser tiġi fuqhom li għadu kif ħabbrilhom Ġesù.

Xi drabi l-Mulej joffrilna esperjenzi sbieħ li nibqgħu niftakru u fihom niltaqgħu miegħu. Jagħmel hekk għax jaf li għandna bżonn induqu ftit mis-sbuħija tal-ħajja ta’ dejjem. Xi drabi nkunu nixtiequ li din l-esperjenza ma’ tispiċċa qatt imma lkoll nafu li mhux possibbli, imma l-Mulej jerġa’ jinżel magħna mill-muntanja u jimxi magħna l-ħajja ma jħalliniex waħidna.

 Tliet Tined

It-tined jagħmlu referenza għal festa partikolari li jagħmlu l-Lhud – il-festa tat-Tined jew tat-Tabernakli li fiha kienu jfakkru il-mixja li għamlu fid-deżert u l-presenza t’Alla magħhom (shekinah­­), fl-istess waqt kienet tfakkar il-post u l-presenza t’Alla dejjiema fil-ħajja tagħhom, meta l-poplu Lhudi ħareġ mill-Eġittu u beda l-mixja fid-deżert, huma bnew tinda li fuqha kienet tinżel tistrieħ il-glorja t’Alla. Kien f’din it-tinda li l-Mulej Alla kien ikellem lil Mosè.

F’din il-festa huma kienu jagħmlu pellegrinaġġ għall-belt ta’ Ġerusalemm u matul il-jiem li fihom kienet tiġi ċċelebrata din il-festa, huma kienu jgħammru fit-tined ħalli jfakkru kif missirijiethom għexu meta ħarġu mill-jasar tal-Eġittu.

 Sħaba għattiethom u l-leħen

Wara li n-narratur jgħidilna li Pietru infixel u tħawwad, mill-ewwel tissemma s-sħaba li għatttiethom u l-leħen li tkellem minn ġos-sħaba. Dan il-leħen li jinterrompi is-suġġeriment ta’ Pietru biex jibnu 3 tined!

Il-leħen li jinstema’ mis-sema jfakkarna dejjem fil-messaġġ divin – Alla li juri lilu nnifsu. Bħalma s-sħaba kienet imxiet mal-poplu t’Iżrael fid-deżert u kienet sinjal tal-presenza t’Alla f’dak il-mument importanti għalihom, hekk ukoll issa mad-dixxipli.

Interessanti li dan il-leħen huwa indirizzat għad-dixxipli u għal min qiegħed jaqra (għalina) Dan hu ibni l-għażiż, isimgħu lilu. Dan il-leħen qiegħed jenfasizza r-relazzjoni li hemm bejn il-Missier u l-Iben.

Din il-frażi tfakkarna ukoll fil-magħmudija ta’ Ġesù “dan hu ibni l-għażiż fih sibt l-għaxqa tiegħi.” (Mt 3,17) / “Inti ibni l-għażiż; fik sibt l-għaxqa tiegħi. (Mk 1, 11)

Din id-darba S. Mark jixtieq jenfasizza l-aspett ta’ smiegħ għal min qiegħed jaqra u għalhekk iħeġġeġ biex nisimgħu lilu u mhux iktar deskrizzjoni tar-relazzjoni tal-Missier mal-Iben bħalma jissemma fil-magħmudija.

Jekk ningħaqdu ma’ Pietru, Ġakbu u Ġwanni, il-Missier qiegħed jistaqsi lil kull wieħed u waħda minna:

  • Qiegħed nisma’ lilu fil-ħajja tiegħi...fid-diffikultajiet...fid-dubji...fil-qtiegħ il-qalb? Kif nista’ nisimgħu iktar f’ħajti? X’nista’ nagħmel?
  • Qiegħed nimxi warajh?
  • Huwa jinsab fiċ-ċentru tad-dinja imma huwa fiċ-ċentru ta’ ħajti? – Hu jħallina ħielsa nagħżlu...

Ma raw lil ħadd iżjed

Din ix-xena sabiħa tieqaf ħesrem minnufih hekk kif f’daqqa waħda iħarsu madwarhom u ma jaraw lil ħadd iżjed ħlief lil Ġesù. Hawnhekk naraw mill-ġdid l-istedina għan-normalità – mhux xi esperjenza li ma tispiċċa qatt imma hemm il-bżonn li l-ħajja normali tkompli.

L-inżul mill-muntanja

Huma u neżlin, Ġesù jgħidilhom biex ma jgħidu lil ħadd fuq dak li raw għaliex din hija biss wara li jkun hemm il-qawmien mill-imwiet. Hawnhekk naraw l-importanza ta’ dan ir-rakkont tat-trasfigurazzjoni fid-dawl tal-qawmien mill-imwiet ta’ Kristu. Is-salib u l-qawmien mill-mewt huma importanti għalihom biex jifhmu min hu Kristu.

 Oratio

Mulej jien nixtieq nibqa’ nisimgħek...nitolbok tibqa’ tkellimni u tkellem lil qalbi. Għinni nisma’ dak li qed tgħidli f’kull ħin u f’kull mument tal-ħajja tiegħi u tal-familja tiegħi. Għamel li nkun bħalek sabiex dak li nagħmel ikun ġej minnek.

Għinni ngħix is-salib tal-ħajja bħalma għixtu int, bit-tama u l-kuraġġ li wara s-salib u l-mewt hemm il-qawmien. Għinni mmut għall-affarijiet egostiċi tiegħi ħalli l-imħabba u l-grazzja tiegħek jgħinuni nwassal l-imħabba tiegħek lil dawk kollha li jiltaqa’ miegħi.

 Fr. Terence Spiteri osa


© 2021 agostinjani.org. All Rights Reserved.