Santu Wistin minn Ippona - 28 t'Awwissu

Lill-qarrej:

“...billi ridt li l-knisja vera, qaddisa u kattolika ta’ Kristu l-Mulej tibbenefika minn dak kollu li jien irċevejt mill-għerf u l-kelma, ma ridtx jgħaddi fis-skiet dak li rajt u smajt mill-ħajja u mid-drawwiet ta’ Wistin, li kien predestinat u fl-istess waqt irrivelat bħala Isqof tajjeb” (Intr.1).
       “Mhux sejjer nirrakkonta dak li l-istess Beatu Wistin innifsu espona fil-kotba tiegħu tal-Istqarrijiet dwaru nnifsu, kif kien qabel ma rċieva grazzja u kif għix wara li rċevieha” (Ib.5).

Twelid – Konversjoni –lura lejn l-Afrika

Twieled fil-provinċja ta’ l-Afrika ta’ Fuq fil-belt ċkejkna ta’ Tagaste, minn Patriżju li kien pagan u minn Monika, nisranija ferventi. Kien imtella minnhom u edukat b’ħafna kura e ċerta spiża u sa minn ċkunitu kien mgħallem fil-letteratura profana, jiġifieri f’dawk id-dixxiplini li jissejħu liberali. L-ewwel għallem il-grammatika fil-belt tiegħu u mbagħad rettorika ġewwa Kartaġni, li kienet il-kapitali ta’ l-Afrika ta’ Fuq. Aktar tard għallem ukoll barra minn xtut pajjiżu, ġewwa Ruma u Milan, fejn allura kien hemm imexxi l-imperatur Valentinjanu II. F’din il-belt kien hemm Ambroġ, isqof ta’ fama kbira li kien imexxi d-djoċesi tal-belt ta’ Milan li kien miġjub ħafna minn nies u minn Alla. Dan ta’ spiss kien jippriedka l-kelma ta’ Alla fil-knisja, u Wistin bilqiegħda f’nofs il-ġemgħa kien joqgħod jisimgħu bl-akbar attenzjoni (1,1-3).

Fi ftit żmien Wistin ħaddan il-fidi Kattolika u fih nibtet ix-xewqa ħerqana li jimxi ‘l quddiem fit-twemmin biex jirċievi l-ilma tal-magħmudija fil-jiem ta’ l-Għid li kien qorob (1,5).  

Kellu aktar minn tletin sena u kien għad fadallu lil ommu ħajja. Kienet tgħix miegħu u ferħet qatigħ li binha fl-aħħar ikkonverta għall-qadi ta’ Alla, iżjed milli kieku kellha neputijiet minn għandu. B’hekk il-ħolma tagħha kienet seħħet kif xtaqet hi (2,3).

Hekk kif Wistin irċieva din il-grazzja, flimkien ma’ ħbiebu u niesu, li huma wkoll bdew jaqdu lil Alla, reġa’ lura lejn l-Afrika, fid-dar u fl-għelieqi li kellu. Dam tliet snin hemmhekk u wara li ċeda l-beni li kellu, mar jgħix flimkien ma’ dawk li kienu ħbieb tiegħu, u bdew jgħixu għal Alla, bis-sawm, talb opri tajba, jimmeditaw lejl u nar il-liġi ta’ Alla. U dak kollu li Alla kien iħallieh jagħraf mill-meditazzjoni u mit-talb, huwa kien jgħaddih bil-kliem lil dawk li kienu jgħixu qribu u dawk li kienu jgħixu ‘l bogħod minnu kien iwasslilhom il-kelma permezz tal-kitba (3,1-2).

Għal qadi tal-Knisja.

Hekk kif għamluh saċerdot, malajr waqqaf monasteru ħdejn il-knisja ta’ Ippona u beda jgħix mal qaddejja ta’ Alla skond il-mod u n-normi stabbiliti ta’ żmien l-appostli. Fuq kollox f’dik il-għaqda ta’ bejniethom, ħadd ma seta’ jkollu xi ħaġa tiegħu, iżda kollox kien ta’ kulħadd fil-komun u lil kull wieħed kien jingħata skond il-ħtieġa tiegħu. Din it-tip ta’ ħajja kemm huwa u kemm sħabu kienu ilhom jgħixuha minn meta kienu f’Tagaste (5,1).

F’dak iż-żmien ġewwa Ippona t-tagħlim qarrieqi tal-manikej kien infetta u marrad bosta ċittadini u stranġieri, li tħabblu fix-xibka ta’ l-iżball minn saċerdot tas-setta, li kien jismu Fortunatu, u li kien jgħix u jaħdem fil-belt. Ġara li xi wħud mill-insara li kienu ċittadini ta’ Ippona u stranġieri, kemm kattoliċi u kemm donatisti marru għand Wistin u talbuh jiltaqa’ ma’ dak is-saċerdot manikew, li huma kienu jemmnu li kien għaref biex jiddiskuti miegħu fuq il-liġi ta’ Alla.

.... Iltaqgħu fil-jum u fil-post li rranġaw, u hemm inġabru ħafna li kienu interessati fuq il-kwistjoni flimkien ma’ folla kbira ta’ nies kurjużi: il-kittieba fetħu l-imwejjed tagħhom u bdiet id-diskussjoni fl-ewwel jum u li kellha tintemm fil-jum ta’ l-għada. F’Din id-diskussjoni d-duttur manikew – kif jgħidulna l-atti – ma kienx kapaċi jwaqqa’ l-argument ta’ Wistin u bl-argument tiegħu ma rnexxielux isaħħaħ u jiddefendi d-duttrina manikeja (6,1-2,6-7)

Wistin kien jgħallem u jippriedka, kemm fil-privat u kemm fil-pubbliku, fid-dar tiegħu jew fil-knisja, il-kelma tas-salvazzjoni b’fiduċja kbira kontra l-eremiti li nibtu ġewwa l-Afrika, speċjalment kontra d-donatisti, il-manikej u l-pagani. Għamel dan, kemm bil-kitba u kemm b’diskorsi mproviżati, u kien imfaħħar u ammirat mill-insara li kienu jisimgħuh. Hekk bil-grazzja divina, il-knisja kattolika bdiet tgħolli rasha wara li għal ħafna żmien kienet imjassra taħt il-ħakma ta’ ereżiji (7,1-2).

Meta Wistin sar isqof kompla jippriedka l-kelma ta’ Alla tas-salvazzjoni b’akbar insistenza u entużjażmu u b’awtorità, mhux biss fejn kien joqgħod, iżda kullimkien fejn kienu jsejħulu li jmur, waqt li l-knisja tal-Mulej kienet tikber u tiżdied dejjem aktar (9,1).

Il-kjeriċi tal-monasteru, li waqqaf Wistin ġewwa Ippona, bdew jikbru fit-tagħlim u fil-qdusija u ħafna minnhom ġew ordnati saċerdoti tal-knisja ta’ Ippona. Hekk jum wara l-ieħor kienet tinħass u ssir aktar evidenti hemm il-verità tax-xandir tal-knisja kattolika u kemm il-mod ta’ ħajja tal-kontinenza u tal-faqar tal-qaddisin qaddejja ta’ Alla. Hekk mill-monasteru li dak il-bniedem ta’ Alla waqqaf b’tant attenzjoni, bdew jintalbu bosta mir-reliġjużi biex dawn jiġu ordnati isqfijiet għall-Afrika ta’ Fuq. B’hekk twaqqfet il-paċi u l-għaqda tal-knisja (11,1-2).

Dak il-bniedem memorabbli kien membru mportanti tal-Ġisem tal Mulej, dejjem lest u dejjem għassies għal dak kollu li kellu x’jaqsam mal-knisja universali. Ir-rieda divina riedet li jara minn hawn stess il-frott tax-xogħol tiegħu, l-aktar fil-knisja ta’ Ippona, li speċifikament huwa kien ir-ras, kif ukoll fi bnadi oħrajn ta’ l’Afrika. Tant hu hekk huwa ra b’għajnejh stess dak li ġara fil-knisja minħabba x-xogħol tiegħu fejn bosta manikej, donatisti, pelaġjani u pagani ssieħbu mill-ġdid fil-knisja ta’ Kristu (18,6-7).

Kwalità ta’ hajja.

Il-ħwejjeġ li kien jilbes, iż-żraben li kien ixidd, il-bjankerija li kien juża ta’ kwalità medja u konvenjenti, la ta’ ħafna lussu u lanqas ta’ tip wisq ordinarju. Fuq dan li qegħdin ngħidu, il-bniedem is-soltu jew jagħmlu ħafna turija jew jilbsu wisq imċerċrin, waqt li jfittxu fiż-żewġ każi l-ftaħir tagħhom, u mhux dak li huwa utli. Wistin, bħalma diġà għidna, kien jgħix ħajja tan-nofs, bla ma kien imur fuq naħa u lanqas fuq oħra. L-ikel tiegħu kien dejjem meqjus u modest u bejn l-insalata u l-ħxejjex li kien  jiekol xi drabi kien ikollu xi biċċa laħam speċjalment meta kien ikollu l-mistieden. Meta xi ħadd ma kienx iħossu f’siktu Wistin kien iħallih jiekol il-laħam. Fl-ikliet ta’ Wistin dejjem kont issir l-inbid (22, 1-2).

Wistin kien jaf tassew jilqa’ lin-nies għandu. Waqt l-ikel kien jippreferi l-qari jew id-diskussjoni milli l-ikel u x-xorb. Fil-post fejn kienu jieklu kellu kitba li tgħid: “Min għandu għal qalbu t-tqassis ta’ dawk li huma assenti, għandu jkun jaf li mhux denn joqgħod għall-ikel fuq din il-mejda” (22,6).

Kien jafda u jħalli f’idejn il-kjeriċi, l-aktar ta’ ħila, it-tmexxija tal-ġid kollu tad-dar li din kienet maġenb il-knisja, bla ma kien iżomm għalih ebda ċavetta. Dawk kollha li kien jieħdu ħsieb id-dar kien afdat lilhom l-inkarigu biex jaraw min dieħel u min ħiereġ. Ir-rendikont kien jiġi moqri fl-aħħar ta’ kull sena, biex jkun jaf x’intefaq u x’inkiseb u kif tqassmu affarijiet lill-foqra u x’għad fadal jitqassam lilhom. Iżda f’ħafna ħwejjeġ kien jafda fl-amministrazzjoni aktar milli joqgħod jivverifika l-kontijiet b’tant reqqa (24,1).

Id-dħul tal-Vandali f’Ippona u l-aħħar jiem.

Ir-rieda u d-dispożizzjoni divina riedet li eżerċitu kbir, armat sa snienu u mħarreġ sewwa fit-taqbida, iffurmat minn Vandali, Alani u Goti u nies ta’ nisel ieħor li kienu ġejjin minn Spanja, invadew l-Afrika ta’ Fuq minn naħa tal-baħar (28,4)

... Dawn l-għedewwa waslu Ippona u assedjawha, li sa dak il-waqt qatt ma kienet intrebħet, għaliex kien ħa ħsieb biex jagħmel l-ilquh tagħha  l-konti Bonifaċju. L-għedewwa assedjaw l-belt għal erbatax-il xahar u għalqu saħansitra t-toroq li jagħtu għall-baħar. Hawn Wistin kien refuġjat ma’ kollegi tiegħu fl-episkopat u sħabu li kienu flimkien il-ħin kollu ta’ l-assedju (28,12-13).

Wistin, il-bniedem ta’ Alla, fil-ħajja twila li Alla siliflu qeda u ħares bl-akbar reqqa l-knisja mqaddsa (tant hu hekk għex 76 sena u madwar 40 sena ta’ saċerdot u ta’ isqof) u wara l-konverżjoni tiegħu fittex bis-sħiħ biex ipatti għal dak kollu li għamel ħażin fil-ħajja tiegħu. Hekk kif wasal fl-aħħar jiem ta’ ħajtu, waqt li kien marid fuq soddtu ried li jiktbulu s-salmi penitenzjali ta’ David, biex mis-sodda stess jkun jista’ jarahom, jaqrahom u jibki bla waqfien il-ħtijiet tiegħu (31,1-2).

Sa l-aħħar marda li ħakmitu, ippriedka fil-knisja l-kelma ta’ Alla bla waqfien, b’ħeġġa kbira u b’qawwa, b’ċertezza u intelliġenza. Waqt li l-ġisem anzjan kien għadu bla mittiefes, u s-smiegħ u l-viżta ta’ għajnejh f’kundizzjoni mill-aħjar, waqt li kien imdawwar minn sħabu jitolbu, Wistin raqad ma’ missirijietu f’età  avvanzata ta’ 76 sena (31,4-5).

Ma għamel ebda testment, għax kien il-fqir ta’ Alla u allura ma kellu ebda motiv li jagħmlu (31,6).

Ħalla lill-knisja kleru abbundanti u monasteri mimlijin rġiel u nisa li kienu jipprattikaw is-safa. Barra dan ħalla bibljoteki mimlijin kotba u prietki kemm tiegħu u kemm ta’ qaddisin oħrajn, li minn dawn wieħed jista’ jagħraf kemm Alla żejjen b’mod ta’ l-għaġeb lil Wistin matul il-ħajja tiegħu fuq din l-art (31,8).

Possidio (+d. 437)*

*Vita di Agostino, Maqlub minn M. Simonetti, Roma, Citta Nuova, 1977 (siltiet magħżula).

 

 

 


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.