Santa Rita ta' Cascia - 22 ta' Mejju

Twieldet f’Roccaporena (xi 5 kilometri minn Cascia) u għammduha fl-isem ta’ Margerita fil-knisja ta’ Santa Maria della Plebe f’Cascia. Il-ġenituri tagħha kienu paċifikaturi ta’ Kristu fil-ġlied politiku u familjari bejn il-Gwelfi u l-Gibellini, u taw lil Rita dak kollu li setgħu u għalmuha taqra u tikteb.

Meta kellha 16-il sena żżewwġet lil Paolo Ferdinando Mancini, ġuvni ta’ l-affari tiegħu iżda fuq ruħu u wara ftit kellha żewġt itfal subien. F’ħajja sempliċi, mimlija talb u virtù u miftuħa għall-familja hija għenet ħafna lil żewġha biex jikkonverti u jgħix ħajja tajba. Baqgħet mara miżżewġa u omm sal-qtil ta’ żewġha, vittma tal mibgħeda ta’ dawn il-partiti. Rita baqgħet tħaddan il-Vanġelu u ħafret, bħal Ġesù, lil dawk kollha li kienu qegħdin iġagħluha ssofri. Iżda wliedha nfluwenzati minn dan l-ambjent u mill-familjari kienu wara l-vendetta. Ħija bħala omm talbet ‘l Alla biex uliedha ma jintilfux spiritwalment u kien aħjar li jmutu milli jiċċapsu bid-demm ta’ ħaddieħor. It-tnejn mardu u mietu ta’ età żgħira.

Rita, li kienet sfat armla u waħidha u li bit-talb tagħha kienet iddaħħal il-paċi fil-qlub u tirranġa t-tilwim li kien hemm bejn il-familji setgħet tidħol fil-monasteru Agostinjan ta’ Santa Marija Maddalena f’Cascia fejn għexet għal 40 sena taqdi ‘l Alla u lill-proxxmu b’imħabba ferrieħa u dejjem attenta għal dak li kien qiegħed jiġri madwarha u fil-knisja ta’ żmienha.

Fl-aħħar 15-il sena Rita kellha fuq ġbina ferita ta’ waħda mix-xewk tal-kuruna ta’ Kristu u b’hekk kienet issofri t-tbatija ta’ Ġesù.

Ġiet meqjuma bħala qaddisa ftit wara mewtha bħalma jidher fuq is-sarkofagu ta’ l-injam kif ukoll fil-kodiċi tal-Mirakli, dokument tal-1457-1462. Mit-18 ta’ Mejju 1947 l-għadam tagħha tqiegħed fis-santwarju ġewwa urna tal-fidda u kristall li saret fl-1930. Xi studju li sar dan l-aħħar ikkonferma li fuq ġbinha tax-xellug kien hemm pjaga fl-għadam (osteomielite). Is-sieq tax-xellug kellha sinjali ta’ xi marda li kellha fl-aħħar ta’ ħajjitha (forsi sciataglia) u kienet twila 157 ċentimetru. Il-wiċċ, l-idejn u s-saqajn kienu immumifikati iżda taħt il-ħwejjeġ ta’ soru Agostinjana hemm l-iskeletru sħiħ.

Giustino Casciano, o.s.a.*

Rita li aktarx mietet fl-1457, kienet ġiet dikjarata beata fl-1628 minn Papa Urbanu VIII, u kanonizzata minn Papa Ljun XIII fl-24 ta’ Mejju 1900.

 *DEL RE, N., R. da C., santa, in BS. XI, Roma 1968 (riest. 1990), c. 212-18; Documentazione ritiana antica, 4 v. A cura del Monastero di Cascia. Ed. D. Trapp, Roma-Cascia 1968-1970; ALONSO, C., OSA., Saggio bibliografico su S. R., Cascia 1978; TRAPÈ, A., OSA., S. R. e il suo messaggio. ‘Tutta da Lui si diede’, Terni 1981 (Alba 1994); RANO, B., OSA., S. R. Estudio histórico crítico sobre sus primeras biografias y sobre su vida, in Archio Agostiniano 73 (1989) 53-135; PERI, V., R. da C. perla preziosa dell’Umbria, Bergamo 1992 (trad. sp. 1993); La devozione a S. Rita da Cascia in Italia. A cura di Pietro Borzomati e Angelo Vincenti, Cascia 1997; S. R. da C. Storia, devozione, sociologia. Atti del congresso internazionel in occazione del I° centinario della Canonizzazione, Roma 2000.

*In Guida al Santuario di S. R. Cascia, Umbria – Italia, Cascia 1995, 3-6.


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.