Santa Monika - 27 t'Awwissu

Wistin huwa l-bijografu tagħha. Inħalluh ikellimna huwa, ukoll jekk dak li jgħidilna huwa iżjed minn bijografija għax bħala iben jagħtina innu ħelu ta’ tifħir lill-Mulej.

Tfajla. Trabbiet fir-rażan u għaqal (Stqarrijiet 9, 9).

“int ħlaqtha; missierha u ommha ma kienux jafux’bint kien se jkollhom fiha. Il-ħatar ta’ Kristu tiegħek tellagħha fil-biża’ tiegħek, bit-tmexxija tal-Waħdieni tiegħek , f’dar fidila li kienet membru tajjeb fil-ġisem tal-knisja tiegħek” (Stq. 9,8,).

Miżżewġa. Mimlija tjubija, paċenzja u ġenerożità lejn żewġha (Stq. 9,8).

Turi rispett, sabar u ħlewwa ma’ omm żewġha (Stq. 9,8). Kienet tiżra l-paċi (Stq. 9,8). Rebħet lill-żewġha għall-fidi u kienet taqdi lill-kulħadd (Stq, 9, 8).

“Meta kibret u waslet fil-għomor għaż-żwieġ, żewġuha lir-raġel li qdietu bħal sidha. Hija fittxet li tirbħu għalik u kienet tkellmu bl-eżempji tal-ħajja tajba u żejjintha biha; int ġbidt lejha r-rispett u l-imħabba u l-għoġba ta’ żewġha” (Stq. 9,9).

“Saret ukoll il-qaddejja tiegħek. Dawk kollha li kienu jafuha faħħruha ħafna żammewha fuq idejn u ħabbewha, għaliex ix-xhieda tal-frott tal-ħajja tajba tagħha kienet iġġagħalhom jħossu lilek ġewwa qalbha” (Stq. 9,9).

Omm. Kienet tieħu ħsieb il-ħajja nisranija ta’ wliedha (Stq. 9,9).

l-omm kellha mħabba għal binha Wistin (De cura pro mortuis gerenda, 16). Ħawlet iż-żerriegħa tal-fidi fil-qalb tiegħu u kitbitu mal-katekumeni (Stq 1,11). Wistin xorob l-isem ta’ Kristu flimkien mal-ħalib ta’ ommu (Stq. 3,4). Monika rebħet l-influwenza negattiva ta’ żewġha fil-formazzjoni ta’ Wistin (Stq. 1,11). Minħabba l-effett tal-edukazzjoni ta’ ommu Wistin emmen dejjem f’Alla, f’Ġesù Kristu, fil-Providenza, u fil-ħajja futura (Stq. 6,5 u 6,16). Il-konversjoni kien vjaġġ lura għall-fidi li ommu kienet ħawlet fih meta kien għadu żgħir (Kontra Akkademiċi 2,2,5). Il-marda li qabditu Wistin meta kien għadu tifel, talab il-magħmudija u ommu Monika kollha mifxula qabdet taħseb biex jibdewlu s-sagrament tas-salvazzjoni (Stq. 1,11). Twissijiet mill-omm (Stq. 2,3). Imħassbha mill-istudju ta’ binha, Monika taħseb biex binha jkompli wkoll wara l-mewt ta’ żewġha (Stq. 3,4).

“Għax dejjem fidila lejn żewġha, raddet lill-ġenituri dak lil ħaqqhom, mexxiet darha kif imiss, u tat bosta xhieda ta’ l-għemil tajjeb tagħha. Hija rabbiet lill-uliedha u ħasset għalihom l-uġigħ tal-ħlas kull darba li tarahom jitbiegħdu minnek” (Stq. 9,9).

Omm li ssalva. Monika kienet tibki għall-konverżjoni ta’ Wistin (Stq. 3,11). Ħolma li sserraħha (Stq. 3,11). Awguri mnebbaħ minn isqof (Stq. 3,12). Wistin jinganna lil ommu f’Kartaġni u jitlaq lejn Ruma (Stq.5,8). F’Ruma Wistin jimrad: ommu għalkemm mhix preżenti takkumpanjah b’imħabbitha, bit-talb u bid-dmuh (Stq. 5,9). Tmur tiltaqgħa miegħu f’Milan (Stq. 6,1). Wistin jħabbar lil ommu li ħalla lis-setta Manikeja (ib.). L-imħabba li għandha Monika għall-Isqof Ambroġ (ib.). F’Milan Monika tkompli tgħix il-ħajja reliġjuża li kellha fl-Afrika (Ep. 36). Tkompli bid-drawwa li tpoġġi l-ikel fuq l-oqbra tal-martri, u ma tkomplix fuq avviż ta’ l-Isqof Ambroġ (Stq. 6,2). Tipparteċipa b’ħeġġa fil-knisja ta’ Milan (Stq. 9,6). Ambroġ juri l-istima tiegħu lejn omm Wistin (Stq. 6, 2). Monika tinsisti biex binha jiżżewweġ (Stq. 6,13).

“Dik l-armla twajba, safja u qaddisa, kif tħobbhom int, isseħħet fit-tama iżda ma għejietx tibki u titniehed, u l-ħin kollu fit-talb tagħha baqgħet ixxerred dmugħha għalija quddiemek” (Stq.3,11).

*meħud letteralment minn Santu Wistin. Ommi, miġjub minn Agostino Trapè, Milano 1975

(Traduzzjoni mill-Ktieb ta’ Fernando Rojo Martinez, Il-fascino di Dio, Profili di agiografia agostiniana, Roma 2000, pp.21-29).

“Ħallini, għax żgur daqs kemm int żgur hawn, li l-iben ta’ dan id-dmugħ kollu ma jistax jintilef”. Kif sikwit kienet tgħidli hi stess hija u  titħaddet miegħi, dan il-kliem ħaditu bħallikieku nieżel mis-sema” (Stq. 3,12).

“Ommi qawwija fit-tjieba, qasmet art u baħar u ġiet warajja ssibni. Int serraħtilha rasha minn kull biża’...” (Stq. 6,1).

“(Ambroġ) kien iħobbha għall-ħajja qaddisa tagħha. Fost ħafna egħmejjel tajba oħra hija kienet tmur il-knisja b’ħeġġa kbira tassew, hekk li l-isqof, kull meta jiltaqa’ miegħi, kien sikwit jaqbad ifaħħarha u jifraħli li għandi omm bħalha” (Stq. 6,2).

Omm rebbieħa. Wistin jirrakkonta lil ommu bid-deċiżjoni li kien ħa (Stq. 8,12). Wistin jistqarr bid-dritt li l-konverżjoni tiegħu jafha lit-talb ta’ ommu kienet tagħmel għalih (De beata vita 1,6; De Ordine 2,20; De dono persev. 20,53).

“Dħalna ġewwa ħdejn ommi u ferħana meta għidnielha kollox. Fissirnielha xi ġralna, u bdiet taqbeż bil-ferħ u l-hena. U bierket lilek, li għandek il-qawwa li tagħmel kollox wisq iżjed milli aħna nistgħu nitolbu jew naħsbu, għax rat li inti kont tajtha wisq iżjed milli kienet dejjem titolbok bid-dmugħ u t-tnehid imsejken tagħha” (Stq. 8,12).

“Jiena nemmen, mingħajr ebda dubbju u nistqarr, li bit-talb tiegħek, (ja omm), Alla tagħni l-intenzjoni li ma nipproponix, li ma rridx, li ma naħsibx, li ma nħobb xejn għajr li nikseb is-sewwa” (De Ordine, 2,20).   

Għalliema. Mara tad-dar ħabrieka u fuq tagħha (Contra acad. 2,5). Wistin irid li ommu tieħu sehem fid-diskussjonijiet filosofiċi (De Ordine 2,1). Monika tgħid li s-sewwa huwa l-ikel tar-ruħ (De beata vita 2,8). Monika tagħti tifsira tal-vera ferħ (ib.). T’osserva li fejn hemm in-nuqqas tal-għerf ma jistgħax jkun hemm il-ferħ (ib. 4,27). Tgħid ukoll li biss il-fidi, it-tama u l-imħabba jistgħu jwassluna għall-ħajja beata (ib. 4,34-35). Wistin jiddikjara li huwa dixxiplu ta’ Monika (De Ordine 1,11)… U jafda fit-talb ta' ommu il-kisba tal-għan li għalih, grazzi għal tant talb, huwa diġà jaspira, jiġifieri, l-għerf (ib., 1,11; 2,50). Omm u qaddejja tal-qaddejja ta’ Alla (Stq. 9,9).

“Ommi kienet hemm ukoll. Minħabba li konna ilna ngħixu flimkien, jiena kont ilni li ndunajt  bl-attenzjoni kontinwa w il-kwalitajiet sbieħ għall-ħeġġa li kellha għall-affarijiet ta' Alla. Iżda waqt tilwima importanti li kelli waqt ikla mal-mistiedna tiegħi, f'għeluq snini, u li rrakkontajt f'fuljett [fid-djalogu Sulla Beata Vita] rajt l-intelliġenza tagħha b'tali mod li ġagħlitni nammetti  li ma kienx hemm ħliefa idoneja għall-filosofija vera” (De Ordine, 2,1).

Mistika. Viżjoni (Stq. 6,1; 6,13). L-estasi ta’ Ostja (Stq. 9,11). Xewqa għall-mewt (Stq. 9.10). M’hemmx biża’ li tmut ’il bogħod mill-belt tagħha (Stq. 9,11).

“Meta mbagħad waslilha l-jum biex tinfired minn din id-dinja, jum li kont taf bih int u mhux aħna, ġara dan il-fatt li se nsemmi u li jien nemmen li kont int li ridtu jiġri, skond il-pjan moħbi tiegħek. Jien u ommi konna weħidna, b’minkbejna mistrieħa fuq ħoġor it-tieqa li tagħti għall-ġnien tad-dar fejn konna, hemm, qrib Ostja Tiberina, ‘il bogħod mill-ħamba tan-nies; konna qegħdin nistrieħu mit-tbatija ta’ vjaġġ twil qabel ma naqsmu bil-baħar. Tkellimna bejnietna t-tnejn bi ħlewwa liema bħala, insejna l-imgħoddi u frixna ħsibijietna fuq dak li kellu jgħaddi minn għalina. Żammejna quddiemna l-verità, li hi int, u bdejna nistaqsu ‘l xulxin xi tkun il-ħajja ta’ dejjem tal-qaddisin li għad trid tiġi, dik il-ħajja li għajn qatt ma rat u widna qatt ma semgħet u li qatt ma tnisslet f’qalb il-bnedmin. Ressaqna fomm qalbna għatxana lejn ix-xmara tas-sema ħierġa mill-għajn tiegħek, il għajn tal-ħajja li tinsab għandek, biex nissaqqu bl-ilma tagħha kemm nistgħu u nifhmu b’xi mod ħaġa hekk tal-għaġeb.

Id-diskors tagħna waqa’ fuq il-hena tas-sensi tal-ġisem, u rajna li dan il-hena, kbir kemm hu kbir u mogħni bl-aqwa dawl ta’ l-art, ma jista’ qatt jixxiebah mal-ferħ ta’ dik il-ħajja, mhux biss, iżda anqas jistħoqqlu jissemma. Il-ħeġġa ta’ imħabbitna refgħetna ‘l fuq lejn dak li hu fih innifsu, u minn quddiem moħħna għaddew waħda wara l-oħra l-ħwejjeġ kollha maħluqa u sa l-istess sema, minn fejn ix-xemx u l-qamar u l-kwiekeb isawbu dawlhom fuq l-art. [...].. Aħna u nitħaddtu fuq l-għerf u nixtiquh, b’qabża sħiħa ta’ qalbna wasalna ħdejh u għal waqt wieħed stajna nmissuh. Imbagħad bi tnehida ħallejna marbut miegħu l-ewwel frott tagħna ta’ l-Ispirtu u rġajna lura għall-ħsejjes ta’ fommna fejn il-kelma tagħna tinbeda u tintemm” (Stq. 9,10).

“Ibni, min-naħa tiegħi xejn iżjed ma jferraħni f’din il-ħajja. Ma nafx x’jien nagħmel hawn u għaliex għadni hawn. Issa seħħet it-tama tiegħi fuq din l-art. Kelli ħaġa waħda biss li minħabba fiha xtaqt nibqa’ ftit ieħor f’din il-ħajja, jiġifieri, li nara lilek nisrani kattoliku qabel ma mmut. Alla tiegħi tani iżjed milli tlabtu, għax issa qiegħda wkoll narak tmaqdar il-hena ta’ l-art biex taqdi lilu. X’jien nagħmel hawnhekk?” (Stq. 9,10).

Mewt u difna. (Stq. 9,11)

“Meta żmien it-tluq tagħha kien wasal, hi xejn ma ħasbet biex ġisimha jitkeffen bi lbies għani jew jindilek bil-fwejjaħ, ma xtaqitx qabar magħżul jew li tindifen f’art twelidha; ma riedet minna xejn minn dan, imma xtaqet biss li nibqgħu niftakru fiha quddiem l-altar tiegħek li hi qatt ma ħalliet jum wieħed igħaddi bla ma qdietu. Kienet taf li mill-altar nitqarbnu bil-Vittma mqaddsa li biha tħassar il-kont tad-dejn tagħna” (Stq. 9,13).

“Wara marda ta’ disat ijiem meta kellha sitta u ħamsin sena u jien tlieta u tletin, dik ir-ruħ reliġjuża u tajba nfirdet mill-ġisem” (Stq. 9,11).


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.