San Ġwann Stone - 25 ta' Ottubru

Ġwanni Stone kien reliġjuż li għażel li jibqa’ fuq il-blata ta’ Pietru, minkejja l-periklu reali fuq ħajtu. Ġwanni kien reliġjuż tal-Provinċja Agostinjana fl-Ingilterra. Għex fi żmien ta’ taqlib kbir, fejn għall-kattoliċi - wara l-abbandun tal-fidi kattolika mir-re Enriku VIII u t-twaqqif tal-knisja anglikana fl-1534 - ma kienx faċli iżżomm sħiħ fir-rabta tal-fidi mas-suċċessur ta’ Pietru. Iċ-ċirkustanzi kienu jitolbu kuraġġ u stamina sabiex l-insara kattoliċi, b’mod partikolari r-reliġjużi u s-saċerdoti, jibqgħu fidili għall-fidi mwaqqfa fuq is-suċċessjoni tal-appostli. Ir-reliġjużi kellhom tlett għażliet: jieħdu l-ġurament ta’ fedeltà u jabbandunaw il-ħajja reliġjuża; jitilqu l-barra mill-pajjiż; jingħataw f’idejn il-ġustizzja sal-mewt. Ġwanni Stone, bniedem ta’ qlubija, għażel li jibqa’ fidil sal-aħħar. Kien pirjol fil-kunvent ta’ Canterbury meta fl-14 ta’ Diċembru 1538 waslet l-ordni sabiex il-membri tal-komunità agostinjana jissottomettu ruħhom għall-ġurament ta’ fedeltà lejn il-kuruna ingliża. Uħud mill-patrijiet, bejn minħabba l-biża u bejn minħabba li ttamaw li l-affarijiet jilħqu jirranġaw rwieħhom, issottomettew rwieħhom. Iżda Ġwanni Stone baqa’ bil-fehema li ma jiffirmax, u għaldaqstant wara żmien ta’ priġunerija ittieħed għall-ġudizzju quddiem Tumas Cromwell. Dam maqful madwar sena, żmien li matulu bosta ittamaw li jibdel fehemtu. Mal-kundizzjonijiet ħorox li kien fihom hu żied aktar penitenzi sabiex ikun dejjem lest għall-jum il-kbir! Dan il-jum wasal jumejn biss wara l-festa tal-Milied tal-1539. Ġwanni Stone ittieħed fil-post tal-forka, fejn għadd ta’ martri oħrajn kienu diġa taw ħajjithom għall-Kristu. Il-ġisem mejjen tiegħu, wara t-tgħallieq, tqatta’ biċċiet u ssajjar f’kontenitur kbir. Hekk il-persekutur ried ineħħi kull marka u sinjal tal-ġisem ta’ min ta’ ħajtu għall-Kristu, b’tali mod li ma jibqgħux fdalijiet għall-qima tal-Kattoliċi.

Ġwanni Stone kien ibbeatifikat fl-1886, u snin wara, eżattament fl-25 ta’ Ottubru 1970, Pawlu VI ikkanoniżżah flimkien ma’ 39 martri ingliż ieħor, grupp imdaqqas ta’ saċerdotri, reliġjużi u lajċi li baqgħu fidili għall-Kristu. Ġwanni Stone ma kienx l-uniku wieħed li baqa’ fidil lejn is-suċċessur ta’ Pietru fost l-Agostinjani, għaliex nafu b’oħrajn li bejn wieħed u ieħor għaddew mill-istess tbatija.

Matul il-kanonizzazjoni Pawlu VI esprima ruħu b’dan il-kliem, li jgħodd għal kull żmien: “Żminijietna għandhom bżonn il-Qaddisin, b’mod speċjali ta’ dawk li taw l-ogħla xhieda tal-imħabba tagħhom lejn Kristu u l-Knisja tiegħu... Bħat-tixrid tad-demm ta’ Kristu, hekk l-offerta li l-martri jagħmlu ta’ ħajjthom issir, permezz tal-għaqda mas-sagrifiċċju ta’ Kristu, għajn ta’ ħajja u fertilità spiritwali għall-Knisja u għad-dinja kollha... Il-martirju tal-insara huwa l-espressjoni u s-sinjal l-aktar għoli ta’ din l-imħabba, mhux biss għaliex il-martri jibqa’ fidil b’imħabbtu sat-tixrid ta’ demmu, imma wkol għaliex dan is-sagrifiċċju iseħħ għall-imħabba l-aktar għolja u nobbli, jiġifieri għall-imħabba ta’ Dak li ħalaqna u fdiena.”

Fr Josef Sciberras osa


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.