Beata Veronika Negroni minn Binasco - 13 ta' Jannar

Dwar Veronika nafu li twieldet f’Binasco fil-provinċja ta’ Milan fl-1445 minn familja ta’ raħħala u li kellha l-biża’ t’Alla, iżda ommha tant kienet fqira li anqas setgħet tagħtiha ftit skola.

Ta’ tnejn u għoxrin sena “wara ħafna talbiet irnexxielha tilbes l-libsa ta’ Santu Wistin” bħala lajka fil-monasteru ta’ Santa Marta ta’ Milan fejn damet ħajjitha kollha tagħmel l-iżjed xogħol baxx tad-dar u tiġbor il-karità.

Kienet fidila għax-xejra ta’ dawk iż-żminijiet u għalhekk kienet taħt dixxiplina axxetika għalkemm ma tantx kienet b’saħħitha. Kienet ruħ twajba, kellha ħafna devozzjoni u d-don tal-profezija. Wara dehra li kellha marret Ruma fejn ġiet milqugħa mill-Papa Alessandru VI. Jgħidu wkoll li kellha d-doni li tagħraf ir-ruħ ta’ dak li jkun. Ħafna drabi l-estasi tagħha kienu wkoll bid-dmugħ, din kienet xi ħaġa għal qalb l-ispiritwalità ta’ dak iż-żmien.

Il-ħajja tagħha kontemplattiva ma fixklithiex milli tagħmilha ta’ tallaba f’Milan u l-postijiet ta’ madwaru, sew biex tiġbor affarijiet bżonnjużi għall-kunvent u biex tgħin lill-foqra u lill-morda. Hu hekk jippreżentaha János Hajnal fl’inċiżjoni tiegħu miġjuba hawn: sewwasew fil-ħin li fih kienet qed tieħu ħsieb wieħed mill-ħafna fqar li f’dawk is-snin kienu jimlew it-toroq tal-belt. Il-karità tagħha kienet tagħmilha soru kbira meta kienet titbaxxa biex tgħin lill-batut li kien jaqbad ma’ djulha. Il-ħorġa tagħha kienet imdendla mad-dawl tal-karità ta’ Kristu, l-istess dawl li kien idawwar il-figura kollha ta’ Veronika. Mill-buqar tagħha, max-xewk tal-penitenza jidher ukoll il-ġilju ta’ innoċenza tagħha.

Mietet fil-13 ta’ Jannar 1497 wara li n-nies għal ħamest ijiem sħaħ marru biex isellmulha ta’ l-aħħar bħala jagħmlu lill-qaddisin. Għoxrin sena wara fl-1517 il-Papa Ljun X ta permess lill-monasteru ta’ Santa Marta li jagħmlu l-festa liturġika tagħha. Fl-1672 il-Papa Klement X ta dan il-permess lill-Agostinjani kollha.

Fi żmien it-taqliba ta’ Napuljun il-fdalijiet tagħha ħaduhom fil-knisja parrokkjali ta’ Binasco.

Fernando Rojo, o.s.a.

Acta SS. Ianuarii, I, Venetiis 1734, 887-929 (risposta la “Vita” di Isidoro de Isolano scritta nel 1518); FONT, J., OSA., Vida milagrosa de la extática, y seráfica virgen santa V. de B., hija del convento de Santa Martha, Palma de Mallorca 1692; MOIRAGHI, P., La b. V. de B., Pavia 1897 (rist. 1917); SABA, A., Federico Borromeo e i mistiċi del suo tempo, Firenze 1933, 8-11; RIMOLDI, A., V. da B., beata, in BS., XII, Roma 1969, (rist. 1990), c. 1050; GUTIERREZ, D., OSA., 1/2, 255-256, 260-262 (it. 382-85, 391-94). VASCONI, R., I giorni di V., Torino 1983.

 

 

 


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.