Beata Kristjana minn Santa Croce - 4 ta' Jannar

Oringa Menabuoi, tifla ta’ ġenituri foqra twieldet f’Santa Croce fuq l-Arno bejn l-1237 u l-1240. Kellha mħabba kbira lejn is-safa minn mindu kienet ċkejkna u dejjem kienet tfittex li żżomm moħħha u qalbha sajfin u lesta biex tgħin lill-batut. Kienet tgħix din il-firda mid-dinja bis-saħħa tat-talb, speċjalment meta kienet tirgħa weħedha fl-għelieqi kienet tħoss ‘l Alla. Tilfet ‘l ommha meta kienet għadha tifla u kienet maħqura minn ħutha s-subien, li meta kibret riduha tibqa’ d-dar kontra r-rieda tagħha. Għalhekk ħarbet mid-dar u marret fil-belt viċina ta’ Lucca, fejn ħadmet għal seba’ snin bħala seftura. Hemmhekk miġbura fit-talb weħedha fil-kamra tal-bejt u bi Kristu f’qalbha għexet żgħożitha.

Madwar l-1265 wara li kienet f’pellegrinaġġ għas-santwarju ta’ San Mikiel Arkanġlu fuq il-Gargano waqfet Ruma biex isservi armla nobbli iżda twajba li kien jisimha Margerita li wara ftit tgħaġġbet bil-virtù tagħha. Kien hawnhekk li għall-karità nisranija li kienet tagħmel bdiet tissejjaħ Kristjana.

Meta kienet Assisi ma’ Margerita li marret biex tqim il-qabar ta’ San Franġisk, il-Mulej f’dehra wrieha dar mibnija f’post u b’tali mod li ġiegħelha tibni l-monasteru ta’ Santa Croce. Meta marret lura fil-post fejn twieldet kienet lesta biex twettaq il-ħsieb li kellha ta’ ħajja reliġjuża u wara ħafna tbatija ta’ kull għamla f’1279 il-kunsill tal-post taha dar li fiha setgħu jgħixu hi u l-oħrajn li nagħqdu magħha għas-servizz tal-Mulej. Hekk bdiet il-monasteru ta’ Santa Marija Novella u San Mikiel Arkanġlu, għall-ewwel darba bħala kunvent Franġiskan u wara ftit taħt ir-regola ta’ Santu Wistin. Dan ġie rikonoxxut mill-knisja fl-1296. Fis-sena ta’ qabel il-Kapitlu ġenerali Agostinjan li ltaqa’ fi Siena, wara li kkunsidra l-imħabba ta’ dawn is-sorijiet lejn l-Ordni, ħalliehom jieħdu sehem f’dak kollu li hu spiritwali.

Hija li kellha r-rigali t’Alla u kariżmi kbar, umiltà, safa u karità lejn kulħadd u li kienet devota kbira ta’ l-Immakulata Kunċizzjoni wara tliet snin ta’ tbatija mietet fl-1310 bit-tbissima tal-Mulej fuq wiċċha. Difnuha fil-kappella tal monasteru li hija rnexxielha tagħmlu ċentru ta’ spiritwalità.

Il-kult tagħha ġie kkonfermat fil-15 ta’ Ġunju 1776.

Fernando Rojo, o.s.a.

LAMI, G., ed., Vita della b. O. C., in Delictae eruditorum, Firenze 1769; S. GIOVANNI BOSCO, La vergine delle campagne, ossia Vita della b. Oringa toscana detta C. de S. C., Torino 1872 (ultima ed., Santa Croce 1998); CHECCHI, V. OFM., Una fondatrice toscana del secolo XIII e le sue Costituzioni (Santa C. da S. C. sull’Arno), Firenze 1927; DEL RE, N., C. da S. C. (Oringa Menabuoi), beata, in BS. IV, Roma 1964 (rist. 1987) 324-25; PAPASOGLI, G., Uno core et anima in Dio. La Beata C. da S. C., Milano 1969; Vita della Beata C., vergine. Scritta da un anonimo contemporaneo della Beata, San Miniato 1978; GUTIÉRREZ, D., OSA., I/1 268-71 (it. 387-391).


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.