Beatu Gulliermu minn Tirry - 12 ta' Mejju

Twieled f’Cork (l-Irlanda) fl-1608 minn familja ta’ kummerċjanti ta’ twemmin kattoliku qawwi, li fiha kien hemm ukoll ziju li kellu l-istess isem u kien sar isqof. Huwa daħal fl-Ordni ta’ Santu Wistin u studja f’Valladolid (Spanja), f’Pariġi u fi Brussell. B’ubbidjenza lejn is-superjuri tiegħu huwa mar lura l-Irlanda fl-1641 ftit qabel ma beda l-irvell ta’ l-Ulster. Fl-1646 sar soċju tal-provinċjal Patri O’Dricoll u fl-1649 sar pirjol tal-kunvent ta’ Skreen. Wara li wasal Cromwell ma setax ikompli f’dan ix-xogħol. Għalhekk serva ġo Fethard (Tipperary) bħala għalliem ta’ tifel ta’ xi familja u kien ukoll iservi ta’ saċerdot bil-moħbi.

Fl-għodwa ta’ Sibt il-Għid tal-1654 għall-ħames sterlini ġie ttradut u maqbud waqt li kellu fuqu lbies sagru. Sewwasew sabulu xi kitba li tiddefendi l-fidi kattolika. Patri Tirry ġie mitfugħ f’ħabs fi Clonmel. Offrewlu l-libertà jekk jaqleb għat-tagħlim protestant iżda għalxejn. Il-qorti kkundannatu bħal traditur tal-proklama tas-6 ta’ Jannar 1653 li kienet tipprojbixxi lis-saċerdoti milli jibqgħu fil-pajjiż. Fid-difiża tiegħu huwa qal li dejjem kien jirrikonoxxi lill-gvern f’dak li huwa temporali iżda f’dak li huwa spiritwali kien jimxi mal-kuxjenza tiegħu u jobdi s-superjuri ta’ l-Ordni u l-Papa u għalhekk kellu jibqa’ fil-pajjiż. Wara xi ftit il-qorti mġiegħla mill-militar sabitu ħati u kkundannatu li jiġi mdendel minn għonqu sakemm imut.

Tirry liebes ta’ Agostinjan u b’kuruna f’idu mar għat-tagħliq. Waqt li kien tiela lejn Fethard fejn kellu jiġi mgħallaq bil-ktajjen ma’ idejh u b’ħabel m’għonqu beda jħajjar il-folla jibqgħu sħaħ fil-fidi tal-Knisja u fidili lejn il-Papa. Fuq il-forka wara li ħafer lil dawk it-tlieta li ttradewh u wara li talab għalihom, talab maħfra għal dnubietu u xtaq l-assoluzzjoni ta’ xi saċerdot li forsi kien hemm. Huwa xtaq forsi Patri O’Driscoll kien preżenti u fil-fatt kien qiegħed hemm mal-folla.

Miet mgħallaq fit-2 ta’ Mejju tal-1645 skond il-kalendarju Ġuljanu, u fit-12 skond dak Gregorjan li kien magħruf ma’ parti kbira ta’ l-Ewropa.

Il-Papa Ġwanni Pawlu II ibbeatifikah fis-27 ta’ Settembru 1992 ma’ sittax-il martri oħra Irlandiżi maqtula bejn l-1579 u l-1654. 

Fernando Rojo, o.s.a.

Congregatio de Causis Santorum Dublinen. Canonizationis Servorum Dei Dermitii O’Hurley, et sociorum. Positio super martyrio, Roma 1988; ID., Relatio et Congressus peculiaris super martyrio, Roma 1991; HACKETT, M. B., OSA., The T. Documents in the Augustinians Ġeneral Archives, in Archivum Hibernicum, 20 (1957) 48-122; MARTIN, F. X., OSA., The T. Documents in the ‘Archives de France’. Paris, ib. 20 (1957) 69-97; O’MAHONY, J., OSA., Sanguinea Eremus Martyrum Hiberniae Ord. Eremit. S. P. Augustini, Brussels 1655. Ed. F. X. Martin. OSA., in Archivum Hibernicum 15 (1950) 74-91; *O’CONNOR, J., OSA., A Priest on the Run. W. T., OSA., 1608-1654, Dublin 1992 (trad. it.: Un testimone dell’unità. W. T., OSA., 1608-1654, Roma 1992).


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.