Beatu Grazzja ta' Kotor - 7 ta' Novembru

Il-beatu Grazzja twieled f’Mula, raħal żgħir fil-bajja sabiħa ta’ Ċattra, illum tissejjaħ Kotor, fuq ix-xatt tad-Dalmazja li dak iż-żmien kien ċentru magħruf għall-bajja u għad-djoċesi. Fl-1423 din il-belt daħlet minn jeddha taħt il-ħakma ta’ Venezja u għalhekk baqgħet indipendenti. Billi damet għal ħafna żmien taħt is-setgħa ta’ Venezja nsibu fiha bini sabiħ Venezjan u saret port sinjur għall-kummerċ, għall-baħħara u għas-sajjieda.

Grazzja kien ibaħħar u dam hekk sakemm kellu tletin sena. F’wieħed mill-vjaġġi tiegħu nzerta f’waħda mill-knejjes ta’ Venezja u tant kien influwenzat mill-priedka ta’ l-Agostinjan Xmun minn Camerino li wara ftit daħal fl-Ordni. Il-kunvent ta’ Monte Ortone viċin Padova laqgħu bħala fratell konvertit. Dan il-kunvent kien il-benniena ta’ waħda mill-kongregazzjonijiet ġodda ta’ l-Ordni, li kienu ffurmaw fl-Italja u li kienu magħrufa għall-ħerqa tagħhom lejn id-dixxiplina. Fl-1433 hu ġie milqugħ mill-Pirjol Ġenerali ta’ Rimini iżda kien anness mal-provinċja ta’ Treviso bil-kundizzjoni li hemmhekk kienu jidħlu dawk li jaqblu mar-riforma ta’ l-Ordni.

Il-fratell Grazzja kien jaħdem fil-ġnien u malajr rebaħ ir-rispett tal-komunità kollha. Meta żewġ kunventi oħra tar-riforma daħlu fl-Ordni, din il-kongregazzjoni ġiet magħrufa uffiċjalment. Bejn il-1472 u l-1474 Xmun minn Camerino sar Vigarju. Wara dawn is-snin Grazzja ntbagħat f’San Kristofru ġo Venezja fejn miet fit-8 ta’ Novembru 1508.

Barra minn dan il-ftit tagħrif ma nafu xejn iżjed dwar Grazzja. L-istorja ta’ ħajtu bit-Taljan ta’ Lazzerini (1643) u l-oħra bil-Latin ta’ Eliseo ta’ Ġesù u Marija (1677) ma għandhomx sisien dokumentati. Iżda l-ħajja li għex mingħajr frugħat u l-mirakli li saru bl-interċessjoni tiegħu taw xhieda tal-qdusija tiegħu u dan fl-1889 ġie kkonfermat mill-Papa Ljun XIII. Il-fdalijiet tiegħu qegħdin fil-knisja ta’ Mulla (Muo) viċin Kotor.

Rudolf Arbesmann, o.s.a. (+1982)*

 Acta SS. Novembris IV, Bruxellis 1925, 297-304; HERRERA, I 287; TORELLI, L., OSA., Secoli Agostiniani 7, Bologna 1682, 593; MATKOVIC, I., Zivot i storvanje Blazenoga Gracije iz Kotora, Zagrebu 1887; Sacra Rituum Congregatione. Catharen. Confirmationis cultus ab immemmorabili tempore praestiti Dei Famulo Gratiae e Catharo, Romae 1889; *MATTIOLI, N., OSA., Vita del B. G. di C., Roma 1890; CAPÁNAGA, V., OAR., El B. G. de C. agustino: apuntes biograficos, Roma 1938; *GIACOMINI, A. M., OSA., G. di C. beato, in BS. VII, Roma 1966 (rist. 1988), c. 162.

 *In Das Erbe St. Augustinus. Die Heiligen unseres Ordens, Würzburg 1979, 51 (traduzione riassuntiva).


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.