Beatu Antonio Patrizi - 9 t'Ottubru

L-Eremitaġġ ta’ Lecceto, qrib il-belt ta’ Siena, sa mit-twaqqif tiegħu fis-seklu XII kien bejta għammilha ta’ qdusija agostinjana. Bħala eżempju rappreżentattiv tal-hekk imsejħa “beati leccetani”, fil-kalendarju liturġiku agostinjani issir it-tifkira tal-Beatu Antonju Patrizi. Huwa persunaġġ li mhux faċli jitqiegħed b’eżattezza fi kwadru storiku, dan għaliex ftit hemm dokumentazzjoni ċerta dwar ħajtu. Kitbiet dwar ħajtu saru fis-sekli XV u XVI, u fihom wieħed isib qafas pjuttost aġjografiku iktar milli storiku. Madanakollu l-opra kbira tal-Bollandisti (Acta Sanctorum, tom. III, aprilis), ta’ nofs is-seklu XVII, tiġbor dak it-tagħrif essenzjali dwar il-ħajja u l-kult lejn dan il-beatu agostinjan minn dokumentazzjoni li llum hija mitlufa.

Antonju twieled fi Siena mill-familja Patrizi, għall-ħabta tas-sena 1267. Ma għex ħajja twila ħafna, almeno skont kif jgħidulna l-bijografi tas-sekli XVII u XVIII, iżda fl-44 sena li għex ħalla marka profonda fis-soċjetà u l-knisja fit-Toskana ta’ żmienu. Ħaddan il-ħajja agostinjana fil-kunvent ta’ Lecceto, qrib Siena, kunvent antik u post trankwill f’nofs bosk folt fejn il-ħajja axxettika u ta’ talb kienu l-fus tal-ħajja komunitarja.

Wara s-sena ta’ prova bħala novizz offra ħajtu lil Alla. Kellu għal qalbu l-għixien tal-kastità l-aktar perfetta. Hekk kif temm il-formazzjoni tiegħu u rċieva l-ordni sagri, intbagħat f’Monticiano fejn, qed b’fedeltà il-vokazzjoni tiegħu u fejn temm il-ħajja tiegħu f’april tal-1311. F’din il-belt ħadem qatiegħ għall-ġid tal-komunità reliġjuża u dik nisranija, tant li sallum stess din il-belt tagħraf l-identità soċjali u reliġjuża tagħha fil-ħajja u l-għemil ta’ dan il-beatu agostinjan. Infatti d-devozzjoni lejh qatt ma birdet. Sentejn wara li indifen fiċ-ċimiterju il-fdalijiet tiegħu tqiegħdu għall-qima tal-fidili fil-knisja agostinjana. F’dak l-istess żmien issib l-għeruq tagħha konfraternità qadima li għandha lil beatu Antonju bħala patrun u sallum tippromwovi l-qima lejn dan il-beatu. Diversi tradizzjonijiet u leġġendi huma marbutin mal-mewt tiegħu, bħal dik li fuq il-qabar tiegħu kienu jikbru ġilji friski, bħala affermazzjoni tal-ħajja kasta li għex Antonju.

Il-qima lejh baqgħet soda maż-żmien, tant li fl-1804 il Papa Piju VII ikkonferma il-kult u niżżlu fil-lista tal-beati.

It-tifkira tal-Beatu Antonju Patrizi fil-kalendarju liturġiku isservi sabiex tfakkar fl-għeruq eremitiċi tal-Ordni Agostinjan, għeruq li jaffermaw b’mod ċar li Alla għandu jkollu l-ewwel post fil-ħajja ta’ kull nisrani.

Fr. Josef Sciberras osa


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.