Beatu Angelo minn Foligno - 6 ta' Settembru

F’wieħed mit-trattati tiegħu S. Wistin, espert tan-natura tal-bniedem, jesklama: “Erġgħu lura lejn il-qalb tagħkom! Fejn tridu tmorru? Jekk titbiegħdu tintilfu. Għaliex itterrqu f’mogħdijiet tad-deżert? Idħlu lura mill-ġiri tagħkom li ħadkom ’il barra mit-triq; duru luru lejn il-Mulej. Inti li sirt barrani għalik innifsek minħabba l-ġiri tiegħek, ma tafx lilek innifsek, u qed tfittek lil dak li ħalqek? Erġa’ lura, erġa’ lura lejn qalbek” (S. Wistin, Trattat fuq l-Evanġelju ta’ S. Ġwann, 18, 9, 10). Dawn il-kelmiet jiġbru fi ftit frażijiet l-ispiritwalità tal-Beatu Angelo minn Foligno.

Ftit għandna informazzjoni dwar ħajtu. Nafu li twieled fil-belt ta’ Foligno, qrib Peruġja, fis-sena 1226. Din l-istess belt fil-qalba tal-Italja, tat it-twelid lil qaddisa oħra, il-mistika Franġiskana S. Angela ta’ Foligno. Ftit li xejn nafu dwar it-tfulija tal-Beatu Angelo. Jidher li kien jagħmel parti mill-familja nobbli Dei Conti. Huwa ħass is-sejħa li jaqdi lil Alla f’ħajja ta’ penitenza u umiltà, u b’dawn is-sentimenti f’qalbu ddeċieda li jidħol fil-kongregazzjoni tal-Ġamboniti, imwaqqfa mill-Beatu Ġwanni Bono. Meta b’deċiżjoni tal-Papa Alessandru IV din il-kongregazzjoni ngħaqdet mal-Ordni tal-Eremiti ta’ S. Wistin ta’ Tuscia fl-1256, il-Beatu Ġwanni sar membru ta’ dan l-Ordni ġdid. Huwa għex l-entużjażmu, imma wkoll iż-żminijiet diffiċli ta’ din l-esperjenza ta’ unjoni bejn diversi kongregazzjonijiet li ffurmaw Ordni Mendikanti ġdid, jiġifieri l-Ordni tal-Aħwa Eremiti ta’ S. Wistin. Kull kongregazzjoni, fosthom dik li kien fiha l-Beatu Angelo, ġabet magħha l-esperjenza u l-ispiritwalità tagħha, u bil-mod il-mod, anke sforz id-determinazzjoni tal-legat tal-Papa, il-Kardinal Rikkardu degli Annibaldi, u tal-ewlenin Pirjoli Ġenerali u aħwa tal-Ordni, bdiet tissawwar l-identità Agostinjana ta’ dan l-Ordni ġdid għas-servizz tal-evanġelizzazzjoni. L-ewwel ġenerazzjonijiet ta’ Agostinjani, minkejja d-diffikultajiet, kienu persuni konsagrati b’entużjażmu kbir tant li l-Ordni attira ħafna vokazzjonijiet lejh u kiber f’qasir żmien.

Il-Beatu Angelo, dispost għall-ordnijiet tas-superjuri tiegħu u l-bżonnijiet tal-Knisja, nafu li ntbagħat fil-belt ta’ Gubbio bejn l-1293 u l-1297. F’din il-belt storika tal-Umbria, magħrufa l-aktar għall-istorja tal-laqgħa ta’ S. Franġisk mal-lupu. Hemm l-Agostinjani sal-lum għad għandhom knisja ddedikata lil S. Wistin, appena ’l barra mis-swar.

Il-Beatu Angelo, misjuq minn spirtu ta’ servizz u ħeġġa liema bħalha, li kien jakkwista mill-ħajja ta’ talb li kellu, kien protagonist f’dawn l-ewwel snin tal-Ordni fir-reġjuni fejn għex. Fost l-oħrajn, misjuq miż-żelu għas-salvazzjoni tal-erwieħ, waqqaf il-kunvent tal-Agostinjani f’Foligno stess, belt twelidu.

Il-ħidma tiegħu bla waqfien favur l-Ordni u l-Knisja, il-predikazzjoni u l-ministeru tal-qrar baqgħu sal-aħħar għal qalbu. Saħħtu marret lura u radd ruħu lil Alla li għalih kien ikkonsagra ħajtu fl-Ordni ta’ Santu Wistin. Għall-ġenerazzjonijiet tal-Agostinjani tal-bidu, kien ta’ eżempju b’ħajja ta’ fedeltà, minkejja d-diffikultajiet li żgur kien hemm fl-ewwel żminijiet tal-Ordni. Għall-insara ta’ kull żmien jibqa’ eżempju ta’ qaddej tajjeb u fidil, li wara ħajja mogħtija għas-servizz tal-oħrajn, ingħatat il-kuruna fil-hena tas-sema. Kien il-Papa Ljun XIII, li wara li assigura ruħu mill-kult immemorabbli lejn dan il-qaddej fidil, ikkonferma l-kult tiegħu fl-1881, u l-memorja tiegħu tiġi ċċelebrata fis-6 ta’ Settembru. Il-fdalijiet tiegħu jinsabu fil-knisja tal-kunvent li hu stess waqqaf fil-belt ta’ Foligno.

Fr. Josef Sciberras osa


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.