L-istorja tal-istatwa tal-Madonna s-sewda fil-Brażil

L-istorja tal-istatwa tal-Madonna s-sewda fil-Brażil

Nossa Senhora da Conceição Aparecida, Brażil

Is-sajda fix-xmara Paraiba

Fit-12 ta’ Ottubru 1717, meta l-Brażil kien għadu kolonja tal-Portugal, tliet sajjieda (Domingo Garcia, Joao Alves u Filipe Pedroso) ħarġu jistadu fix-xmara Paraiba, li tinstab bejn Rio de Janeiro u Sao Paolo, għax kien ġej il-Gvernatur Dom Pedro de Almeida għal żjara qasira. 

Għal din l-okkażjoni n-nies ta’ dan ir-raħal ċkejken tas-sajjieda riedu jagħtu ikla ħut tajba lil gvernatur u lil dawk li kienu qegħdin jakkumpanjawh.

Dawn it-tliet sajjieda ftit li xejn bdew jaqbdu ħut f’dak il-jum. Talbu ħafna lil Madonna biex tgħinhom. Joao Alves ma ċedhiex l-armi għax mill-ġdid reġa’ xeħet ix-xibka fix-xmara u b’għaġeb kbir qabdu kwantità kbira ta’ ħut. Interessanti imma li mal-ħut fix-xibka kien hemm statwa tal-Madonna tal-Kunċizzjoni bla ras. Dawn baqgħu skantati u xeħtuha fid-dgħajsa. Aktar tard komplew jistadu u din id-darba b’għaġeb kbir fix-xibka ma’ kwantita kbira ta’ ħut sabu r-ras ta’ din l-istatwa tal-Madonna tal-Kunċizzjoni.

Joao Alves u sħabu ma ħarsux lejn din il-ġrajja ta’ din l-istatwa żgħira tal-Madonna, bħala xi ħaġa ta’ kunbinazzjoni imma ħarsu lejha li l-Madonna riedet xi ħaġa minnhom. Għalhekk Filipe Pedroso, ħadha d-dar fqajra tiegħu u flimkien miegħu kienu jingħaqdu kuljum grupp ta’ nies jitolbu u jgħidu r-rużarju quddiemha. Id-dar ta’ Filipe saret żgħira wisq biex tilqa’ tant nies li kull ma’ jmur kien dejjem jikber.

Bl-għajnuna tan-nies ta’ dan ir-raħal fl-1734, bnew kappella żgħira u poġġew din ix-xbieha tal-Madonna Aparecida fiha għall-qima u devozzjoni tan-nies li bdew ġejjien mill-irħula tal-qrib.

Mal-medda tas-snin bdew jsiru xi mirakli:

  1. Il-miraklu tax-xemgħat, kemm il-darba ix-xemgħat li kienu jkun quddiem il-Madonna dawn jibdew jintfew u jinxtelu waħedhom.
  2. Il-miraklu tal-iskjav, dan ir-raġel ħarab lil sidu li kien jaħqru ħafna. B’għaġeb kbir meta ħarab, l-iskjav daħal fil-kappella u talab quddiem il-Madonna Aparecida biex jinħall mill-ktajjen. Il-ktajjen wara ftit waqgħu waħedhom minn idejh u saqajh.
  3. Il-miraklu tat-tfajla għamja, din it-tfajla marret quddiem il-Madonna titlobha biex tiġi tara. Wara ftit din it-tifla kisbet lura d-dawl f’għajnejha.
  4. Il-miraklu taż-żiemel, kien hemm raġel li ma kienx jemmen f’Alla u fil-knisja. Darba biex iwaqqa għaċ-ċajt din id-devozzjoni lejn il-Madonna Aparecida, iddeċieda li jidħol biż-żiemel b’kollox fuq in-nies ġewwa din il-kappella. B’għaġeb kbir iż-żiemel niżel għarkupptejh fuq sieq waħda u ma ried jidħol b’xejn ġewwa.

Mal medda taż-żmien id-devozzjoni lejn il-Madonna Aparecida baqgħet dejjem  tikber u kif ukoll bdew jiżdiedu ta’ kuljum ħafna pellegrinaġġi.

Fil-Brażil il-foqra u dawk li aħna insejħulhom tal-klassi tal-ħaddiema jmorru bi ħġarhom jitolbu quddiem din ix-xbieha tal-Madonna Aparecida. Dawn in-nies imorru  jitolbuha biex tfejjaqhom mill-mard tagħhom, tgħinhom fil-ħajja, biex isibu xi xogħol,  issolvilhom xi problema kbira li jkunu għaddejjin minnha u jitolbuha xi grazzji oħrajn li għalihom huma speċjali.

Din il-kappella maż-żmien saret żgħira minħabba li n-nies bdew jiżdiedu. Fis-sena 1834, bdiet tinbena knisja akbar biex tkun tista tilqa’ aktar pellegrini li din id-darba bdew ġejjin ukoll mill-ibliet u rħula aktar ‘il bogħod tal-Brażil.

Fl-1888 din il-knisja kienet lesta imma xorta waħda dan is-santwarju Marjan baqa’ żgħir għal tant eluf ta’ nies u pellegrini li bdew ġejjin iżuruh ta’ kuljum u b’mod speċjali fi tmiem il-ġimgħa.

Patruna tal-Brażil

Ħamsin sena wara l-proklama tad-domma tal-Immakulata Kunċizzjoni, fit-8 ta’ Diċembru 1904, il-Papa Piju X iddikjara lill Madonna Aparecida bħala Sultana/Patruna tal-Brażil, u  ta l-permess lill Kardinal ta’ Rio de Janeiro, biex din l-istatwa tkun inkurunata.

Fl-1931, il-Brażil ġie uffiċjalment ikkonsagrat lil Madonna Aparecida.

Is-santwarju li hemm illum

Fl-1955, ġie deċiż li jinbena santwarju ferm u ferm akbar. Ħarġet l-idea li dan ikun jista’ jilqa’ fih madwar 45,000 ruħ. Fil-fatt dan is-santwarju bħala kobor huwa t-tieni wieħed wara dak tal-Bażilika ta’ San Pietru, f’Ruma u huwa l-akbar wieħed fl-Amerika Latina.

Ilum il-ġurnata minn raħal żgħir ta’ ftit sajjieda, sar belt kbira u f’din il-belt hemm diversi hotels, knejjes, kunventi, sptar, ħwienet, restoranti u tant affarijiet oħra. Il-Patrijiet Redemptoristi li huma responsabbli minn dan is-santwarju għandhom stazzjon tar-radju u tat-TV. Issa hemm ukoll is-Sede tal-Konferenza Episkopali tal-Isqfijiet Brażiljani.

Pellegrini

Huwa stmat li f’ċerti festi speċjali tal-Madonna, bħal ma huwa l-jum tal-festa tal-Madonna Aparecida fit-12 ta’ Ottubru, jkun hemm madwar miljun pellegrin jieħdu sehem f’din il-festa tal-Patruna tal-Brażil. Matul is-sena iżuru dan is-santwarju bejn wieħed u ieħor madwar 750,000 ruħ. Sena wara sena n-numru ta’ nies li jmorru jżuru lil Madonna s-sewda kull ma jmur dejjem qiegħed jikber.

Dell iswed

Għalkemm il-Brażil huwa meqjus bħala pajjiż kattoliku mal medda taż-żmien bdew deħlin ħafna reliġjonijiet oħra fosthom il-Protestantiżmu. Dawn bħal ma nafu ma jaċċettawx il-qima tal-istatwi lejn il-Madonna u l-qaddisin.

Ġara fatt interessanti ħafna, fis-16 ta’ Mejju 1978, membru tal-knisja Protestanta daħal fil-knisja wara li spiċċa il-quddies biex jisraq din l-istatwa żgħira tal-Madonna Aparecida. Dan kif qabadha f’idejh raħ wieħed gwardjan li kien għassa fil-knisja, u kif mar biex iżommu f’dak il-waqt l-istatwa waqgħet minn idejn dan ir-ragel u tkisret f’ħafna biċċiet (l-istatwa hija tat-tafal). Ġabru dawn il-biċċiet kollha u bgħatuhom Ruma (il-Vatikan) fejn għandhom nies esperti biex isewwu dan it-tip ta’ statwi.

Wara ħafna xhur ta’ xogħol u paċenzja rnexxielhom isewwu l-istatwa devota u maħbuba mill-poplu Brażiljan tal-Madonna Aparecida.  

Papiet li marru f’dan is-Santwarju ta’ Nossa Senhora da Conceição Aparecida:

Fl-4 ta’ Lulju 1980, Papa Ġwanni Pawlu II kien żar dan is-santwarju meta kien qiegħed jagħmel żjara uffiċċjal f’dan il-pajjiż. Fit-12 ta’ Mejju 2007, Papa Benedittu XVI, waqt iż-żjara tiegħu offra lill-Madonna Aparecida warda tad-deheb. Fl-24 ta’ Lulju 2013, Papa Franġisku kien żar din l-istatwa meta kien il-Brażil fil-‘Jum Dinji taż-Żagħżagħ’.

Informazzjoni interessanti

Din l-istatwa hija twila xi 15-il pulzier, magħmula mit-tafal. Hija ta’ kulur iswed minħabba li għamlet żmien twil fil-qiegħ tax-xmara. Dawn it-tip ta’ statwi żgħar f’dik l-epoka kont issibhom fil-kappelli tax-xwieni Portugiżi.

Fr Mario Abela osa

Scroll to Top