L-Ispirtu Missjnarju fil-Provinċja Agostinjana Maltija
Minn Patri Luċjan Borg – Agostinjan
Missjunarju f’Kuba
L-ispirtu missjunarju minn dejjem kien preżenti fil-Provinċja Agostinjana Maltija, u l-aktar mis-seklu XX ’il hawn.
Biex ngħid sar aktar viżibbli meta xi aħwa tal-Provinċja ħallew xtut art twelidna biex imorru, fis-snin għoxrin u tletin tas-seklu XX, jgħinu fl-Awstralja. Fosthom kien hemm P. Mikiel Mizzi li fis-sena 1933 ġie msejjaħ sabiex jagħmel parti mill-ewwel komunità Agostinjana ta’ Ippona, fl-Alġerija. Orizzont ieħor fl-istess snin infetaħ meta wasal P. Cauchi f’Toronto, il-Kanada. Sfortunatament il-Provinċja qatt ma rnexxielha tiftaħ missjoni hemm. Aktar tard, fis-snin tas-sittin, ġara l-istess ħaġa meta l-Provinċja li kienet issostitwiet lill-aħwa Fragiskani Minuri (ta’ Ġieżu) f’Portsmouth, fl-Ingliterra, ma wasletx biex ikollha komunità stabbli hemmhekk. Kien għalhekk li l-Ġeneral A. Trapé, wara tliet snin ta’ esperimentazzjoni, talab lilll-Provinċja tirtira mill-Ingilterra.
L-attività missjunarja tal-Provinċja Agostinjana Maltija żviluppat b’mod aktar strutturat fis-seklu għoxrin, l-ewwel u qabelxejn fil-missjoni tal-Afrika ta’ Fuq, fl-Alġerija u t-Tuniżija. L-Agostinjani, speċjalment meta saru Ordni mendikanti, xtaqu jerġgħu lura lejn l-Afrika ta’ Fuq, art twelid Santu Wisitn, il-fundatur spiritwali tagħhom. Wara diversi tentattivi, dan seħħ fis-sena 1930 meta l-Ġeneral Cl. Fuhl qala’ l-awtorizzazzjoni li jwaqqaf kunvent f’Ippona, fejn Santu Wistin għex, ipprietka u wettaq l-ministeru tiegħu saċerdotali u ta’ isqof mis-sena 391 sat-28 ta’ Awwissu tas-sena 430, jum il-mewt tiegħu.
Meta daħlu l-Agostinjani Maltin fl-Alġerija, l-Afrika ta’ Fuq kienet taħt il-ħakma tal-kolonjaliżmu Franċiż. Sa minn qabel il-wasla tal-Franċiżi diversi Maltin u Għawdxin kienu emigraw lejn it-Tuniżija, l-Alġerija u Tripoli. Fi żmien il-kolonjaliżmu Franċiż in-numru kiber sew. Meta Mons. Lavigerie laħaq isqof tat-Tuniżija u mħabbar amministratur tad-djoċesi ta’ Kostantina u Ippona (fis-seklu XIX) kellu l-okkażjoni li jiltaqa’ ma’ ħafna Maltin u Għawdxin li kienu f’dawn it-territorji u ammira ferm fihom r-reliġjon kattolika li kellhom, it-tjubija, id-dedikazzjoni għax-xogħol u l-faċilità li jitħalltu mal-Għarab. Ħafna minn dawn ħutna ma kinux jafu jitkellmu bil-Franċiż u għalhekk Lavigerie kien talab lill-knisja Maltija biex tibgħat fi żmien ir-Randan xi saċerdoti biex jagħmlu l-eżerċizzi bil-Malti. Fosthom kienu marru xi Agostinjani. Fatt ieħor li wieħed m’għandux jinsa huwa li fis-sena 1928, meta l-banda La Vallette telgħet iddoqq f’Bona kien tela’ magħha ħuna, P. Tonna Barthet, u dan kien ivvjaġġa sa Kostantina fejn iltaqa’ mal-Isqof Thienard u ppreżentalu x-xewqa tal-Agostinjani Maltin biex imorru jaħdmu fost il-Maltin u Għawdxin tad-djoċesi tiegħu. Il-laqgħa ma tantx kellha suċċess u kellha tkun is-Santa Sede biex tiftħilna t-triq.
Meta l-Ġeneral Fuhl irċieva mis-Santa Sede l-awtorizzazzjoni biex jiftaħ missjoni f’Ippona mal-ewwel afda din il-missjoni f’idejn il-Provinċja Maltija. Fl-1933, il-Majjistru P. Wenz Agius, il-Provinċjal ta’ dawk iż-żminijiet, iffirma l-kuntratt mal-Isqof Thienard u hekk bdiet ħidma fejjieda u missjunarja l-ewwel fost il-Maltin u l-Għawdxin u li maż-żmien żviluppat ruħha biex tadatta għall-esiġenzi tal-mument u għall-ħtiġijiet kemm tal-Knisja kif ukoll tal-pajjiż. Fl-1946 il-Provinċjal P. Pawl Spiteri wessa’ l-ħidma missjunarja billi l-ewwel fetaħ komunità fil-belt kapitali tat-Tuniżija u ftit wara f’La Goulette. Illum il-ġurnata tlifna l-preżenza Agostinjana fit-Tuniżija, iżda l-preżenza Agostinjana għadha ħajja f’Ippona fejn komunità internazzjonali t’Agostinjani żgħażagħ qegħdin ikompli l-missjoni li bdiet il-Provinċja Agostinjana Maltija fis-sena 1933.
It-tieni impenn kbir li ħadet il-Provincja Agostinjana Maltija huwa l-ftuħ u l-iżvilupp tal-missjoni tal-Brażil. F’dak iż-żmien konna għadd mhux ħażin ta’ aħwa u P. Ugolin Gatt, li kien il-Provinċjal, ħass li ma kien hemm xejn isbaħ milli l-Provinċja tiftaħ qasam ġdid ta’ missjoni, din id-darba fil-Brażil, f’Mato Grosso. Fi Frar 1962 tela’ hu flimkien ma’ P. Pawl Spiteri, ex-Provinċjal u surmast tagħna l-istudenti. P. Pawl mingħajr ma kien jaf il-Portugiż u ġa ta’ ċerta età offra ruħu biex imur jaħdem hemm. Ix-xogħol kien kbir ħafna u għall-grazzja t’Alla diversi minn ħutna, speċjalment żgħażagħ, ħadmu u żviluppaw u wettqu proġetti ta’ siwi kbir kemm nisrani kif ukoll soċjali fid-diversi stati fejn konna. Billi fil-Brażil kien hemm Provinċji Agostinjani oħra jaħdmu hemm inħasset il-ħtieġa li titwaqqaf il-Provinċja Agostinjani Brażiljana. Aħna l-Maltin konna minn tal-ewwel li ħeġġiġna għal dan u ħdimna biex dan il-proġett jirnexxi. Illum ħutna l-Agostinjani Brażiljani qegħdin imexxu din l-Provinċja Brażiljana u l-Provinċja tagħna għadha tagħti sehemha permezz tal-preżenza u l-ħidma ta’ ħuna P. Pawl Formosa. Ma nixtieqx ninsa l-missjoni ta’ ħutna s-sorijiet Agostinjani, Servi ta’ Ġesù u Marija, li huma wkoll fetħu missjoni fil-Brażil u li għadhom jaħdmu hemm sal-lum.
Qatt ma nistgħu ninsew il-ħidma fejjieda li l-aħwa tal-Provinċja wettqu mill-kunvent Agostinjan ta’ Katanja fi Sqallija minn meta l-Provinċjal, P. Albert Borg, fis-sena 1978, bagħat l-ewwel komunità Agostinjana Maltija hemmhekk. Lista twila ta’ aħwa mill-Provinċja servew f’din il-missjoni li barra li komplew u żviluppaw il-ħidma pastorali tal-aħwa Sqallin, ħasbu biex ikunu qrib il-Maltin li kienu jinsabu f’Katanja u ’l hemm minnha. Il-Provinċja riedet tagħti wkoll servizz soċjali billi ttrasformat parti mill-kunvent f’hostel biex jilqa’ lill-Maltin jew ’l-Għawdxin li kienu jitilgħu xi jumejn Katanja. Il-ħidma baqgħet sejra sas-sena 2007.
Illum inqasna sew u l-ħidma kotrana li għandna fil-gżejjer tagħna ma tippermettilniex li jkollna aktar missjonijiet tagħna. B’dan kollu l-ispirtu missjunarju għadu sejjer, u dan fuq kollox bil-ħidma li qiegħed jagħmel P. Mario Abela u l-grupp ta’ żgħażagħ, magħrufa bħala Amigos, li matul dawn l-aħħar 23 sena ma naqsux li ta’ kull sena jmorru jaħdmu għal diversi ġimgħat – l-ewwel fil-missjoni tagħna tal-Brażil u dawn l-aħħar snin fil-missjonijiet Agostinjani tal-Kenya u tal-Mozambik, fil-kontinent Afrikan. Jalla jitwelldu żminijiet aħjar u jikbru l-vokazzjonijiet biex hekk il-Provinċja Agostinjana Maltija jkollha l-forzi meħtieġa ħalli ssawwab f’impenji konkreti r-rieda tagħha li tkompli tkun mixtla ta’ missjunarji li jmorru jħabbru l-Bxara t-Tajba ’l hemm minn xtutna.