Ir-raġuni u l-fidi fil-bini tal-personalità umana

MILL-KITBA TA’ SANTU WISTIN

IR-RAĠUNI  U L-FIDI FIL-BINI TAL-PERSONALITÀ  UMANA.

Riflessjonijiet imnebbħa mill-opra Il-Vera Reliġjon ta’ Santu Wistin.  

L-ewwel parti

 

Meta wieħed iħares ftit lejn il-progress xjentifiku u fuq kollox lejn dak kollu li ġiebet magħha t-teknoloġija avanzata moderna wieħed ma jistax ma jifraħx u jħossu kburi  bil-qawwa kreativa tal-bniedem. It-teknoloġija hija strument qawwi ta’ żvilupp u ta’ titjib tal-bniedem  u ta’ ħajtu. Dan huwa fatt li ħadd ma jista’ jiċħdu. Imma rridu noqogħdu attenti u nirreżistu għat-tentazzjoni, ħafna drabi inkonxja, li nikkonsideraw lilna nfusna biss bħala materja u t-teknoloġija  bħala sempliċi mezz li jagħmlilna l-ħajja komda u awtosuffiċjenti. Din it-tentazzjoni hija reali, speċjalment meta wieħed jikkonsidra f’liema mentalità kulturali u filosofika qegħdin ngħixu.  

Għaddew aktar minn ħamsa u għoxrin seklu minn meta l-bniedem oċċidentali li minnu aħna nagħmlu parti sar konxju li għandu ruħ li hija spirtu, jiġifieri realtà spiritwali,  u li fiha hemm ir-raġuni, fakultà li permess tagħha l-intelliġenza umana tista’ tirrifletti, tagħraf, tifhem, tiġġudika dak li għandha quddiemha u toħloq skala ta’ valuri. Barra minn hekk, il-filosofija griega-latina dawlet moħħ il-bniedem biex jifhem li d-destin tiegħu kien li  jintrefa’ ’l fuq mill-univers u jingħaqad   mal-Waħdani (Unum) f’għaqda mistika u spiritwali. Min-naħa tiegħu, il-Kristjaniżmu ġieb miegħu dawl ġdid li  ppermetta lill-bniedem jifhem li hemm Alla u dan huwa l-essri traxxendentali u fl-istess ħin il-ħallieq ta’ kulma jeżisti. Mhux biss imma wkoll il-Kristjaniżmu għen lill-bniedem jifhem aħjar il-post ewlieni li hu jgawdi fil-pjan divin tal-ħolqien u r-responsabbiltà morali tiegħu: magħmul minn ġisem u ruħ u maħluq b’intelliġenza, rieda u libertà, il-bniedem, ħlejqa finita,  huwa pproġettat lejn l-infinit, lejn it-traxxendenza;  filwaqt li jrid jgħix f’din l-art għal ċertu żmien, il-bniedem huwa ddestinat biex jgħix magħqud ma’ Alla fil-ħajja eterna.  

Permezz tar-revelazzjoni u b’mod partikulari tal-opra ta’ Kristu feddej, il-Kristjaniżmu fetaħ it-triq biex il-bniedem jilħaq il-milja tal-persunalità tiegħu u jakkwista l-fidwa. Kienet din il-perspettiva u din il-filosofija nisranija li saltnu fl-Oċċident mill-bidu tal-Kristjaniżmu sas-seklu ħmistax meta Karteżju  inawgura ż-żminijiet tal-modernità li bdiet fis-seklu  XVI  u ntemmet bejn wieħed u ieħor ftit wara nofs is-seklu XIX. F’din il-modernità, żmien ix-xjenzi moderni, ir-revoluzzjoni industrijali u fuq kollox l-Illustrazzjoni,  il-kultura u l-ħsieb filosofiku bdew jitbiegħdu mill-valuri u l-prinċipji nsara.  Mal-Illustrazzjoni l-bniedem spiċċa biex jiddivinizza r-raġuni bħala l-uniku kriterju valida għall-konoxxenza u għamel lilu nnifsu ċ-ċentru ta’ dak kollu li jeżisti.

Il-kultura u l-filosofija tal-Illustrazzjoni għamlu żmien isaltnu rebbieħa fuq il-bniedem oċċidentali.  Imma ma damux għax feġġew Nietzsche, Marx u Freud li bid-duttrina tagħhom  farrku s-supremazija u ċ-ċentralità tal-bniedem u tar-raġuni. Il-bniedem, għal dawn  il-filosofi,  mhuwiex la ċ-ċentru tal-univers u lanqas tiegħu nnifsu, u r-raġuni mhijiex il-fakultà li torganizza b’ordni tal-għageb dak li jeżisti. Il-bniedem mhuwiex ħlief  implus vitali tal-kosmos (Nietzsche),  tal-mekkaniżmu ekonomiku (Marx), suġġett maħkum mill-inkonxju (Freud). Kontra Nietzsche, Marx u Freud qamu diversi movimenti filosofiċi, fosthom l-eżistenzjaliżmu u l-persunaliżmu nisrani, li ħadmu u għadhom jaħdmu biex il-bniedem jirrikupera d-dinjità tiegħu u sabiex ir-raġuni umana ssib l-ekwilibru meħtieġ ħalli tħaddem il-funzjoni li għaliha ġiet maħluqa.  Progress sar imma jkollna nammettu li l-influwenza tal-mentalità tal-Ilustrazzjoni baqgħet. Mhux biss dan, ikollna nammettu li  l-bniedem kontemporanju għaddej minn kriżi li hija agħar minn dik ta’ żmien il-modernità u l-Illustrazzjoni.

Illum qegħdin ngħixu fi żmien u f’kultura maħkuma mill-«ħsieb  dgħajjef», mid-dekonstruzzjoni u l-niħiliżmu metafiżiku tal-post-Moderniżmu ispirat mill-filosofija ta’ Nietzsche u Heidegger. F’dan il-kuntest wieħed ma jistagħġibx li kollox sar relattiv, li xejn ma għandu sens universali u li jirreżisti għall-mixja taż-żmien. Kollox, saħansitra l-istess bniedem,  sar moda li titwieled illum biex tmut l-għada. Dak li jgħodd illum huwa dak li jaħseb, jemmen u jiddeċiedi l-individwu. Instabilità, relativiżmu u indifferenza f’kull qasam tal-ħajja huma xi wħud mill-effetti negattivi tal-iżvilupp tal-kultura u tal-filosofija kontemporanja. Ċert qegħdin nitkellmu  mill-atmosfera ġenerali.

X’nistgħu nagħmlu aħna l-insara fil-kuntest tal-kultura u l-filosofija  kontemporanja? Jeħtieġ li nirrikuperaw id-dinjità tal-bniedem u  l-kobor tar-raġuni u nagħtu xhieda ta’ kemm il-proġett, li Alla fl-għerf u l-provvidenza tiegħu fassal sa mill-eternità għall-bniedem, għadu validu u jiswa għal żminijietna, żminijiet tat-teknoloġija avanzata u tal-filosofija post-Moderna. Ħassejt li l-opra Il-Vera Reliġjon li Santu Wistin kiteb  madwar is-sena 390 tista’ tkun għalina ta’ profitt kbir. F’din l-opra Santu Wistin juri li l- bniedem jgħix fid-dinjità u l-kobor tiegħu meta jinbena fuq il-vera fidi u l-ħidma ġenwina tar-raġuni. Bejn il-fidi u r-raġuni ma hemmx kontradizzjoni. Għall-kuntarju bejn dawn iż-żewġ elementi fundamentali tal-persunalità umana hemm relazzjoni intima ta’ kollaborazzjoni dejjiema u meta t-tnejn li huma jikbru flimkien iwasslu ’l-bniedem għall-milja tal-eżistenza tiegħu u jibnuh f’persuna adulta u matura. F’dan l-artiklu ħa nitkellem biss mir-raġuni u l-missjoni li għandha fid-dinamika tal-milja tal-ħajja u tal-persunalità tal-bniedem. Fl-artiklu li ġej nitkellem mill-fidi. 

Għal Santu Wistin «il-kura li t-tjubija bla tarf li l-providenza divina tagħti lir-ruħ … tinkludi l-awtorità u r-raġuni.  L-awtorità tesiġi l-fidi u din thejji l-bniedem għar-raġuni.  Din twassal sabiex il-bniedem jifhem u jagħraf. Fil-fatt, l-awtorità qatt ma twarrab ir-raġuni, meta teżamina dak li trid temmen, u min-naħa l-oħra, il-verità  magħrufa bl-evidenza hija l-awtorità suprema» (Il-Vera Reliġjon, XXIV, 45). Ma hemmx fidi mingħajr raġuni hekk kif ukoll r-raġuni tesiġi l-fidi. Biex nifhmu din l-argumentazzjoni Agostinjana neħtieġu niftakru li fis-sitwazzjoni preżenti, jiġifieri wara d-dnub oriġinali, il-bniedem m’għadux igawdi d-doni li rcieva mal-ħolqien tiegħu. L-intelliġenza, ir-rieda u l-libertà tiegħu m’għadhomx hekk qawwija daqskemm kienu qabel ma l-bniedem dineb. Dan huwa postulat fundamentali tal-antropoloġija Agostinjana (cfr. Ibid). Huwa f’dan is-sens li r-ruħ fl-istat preżenti tal-eżistenza tagħha hija ruħ marida li teħtieġ kura jekk kemm-il darba trid teżerċita l-fakultajiet tagħha mingħajr ma titqarraq. Ir-ruħ trid tfiq mill-marda tagħha u Alla għoġbu jagħtiha l-fidi u r-raġuni bħala l-aħjar mediċina.

Bħalma jikteb il-qaddis Papa Ġwann Pawlu II fl-Ittra Apostolika Wistin ta’ Ippona, maħruġa fit-28 ta’ Awwissu 1986, għall-okkażjoni tas-16-il ċentinarju tal-Konverżjoni ta’ Santu Wistin, «l-isforz intellettwali u pastorali ta’ Wistin ikkonsista  filli juri, mingħajr l-ebda xaqq ta’ dubju, li “iż-żewġ forzi (il-fidi u r-raġuni)  li jippermettulna li naslu għall-konexxenza (Kontra l-Akkademiċi, 3, 20, 43)  għandhom jikkollaboraw flimkien. Huwa sama’ lill-fidi imma ma eżaltax inqas ir-raġuni, u ta lil kull waħda minnhom il-primat tiegħu, primat taż-żmien jew tal-importanza [Egli ascoltó  la fede, ma non esaltó meno la ragione, dando a ciascuna il  suo primato, o di tempo o d’importanza]. Qal lil kulħadd il-crede ut intelligas (emmen biex tifhem) imma rrepeta wkoll l-intellige ut credas (ifhem biex temmen) (Prietka 43, 9)» (GPII, Augustinum Hipponensem, 1. Raġuni u Fidi). Saħansitra, jispiċċa jgħid il-Papa Ġwann Pawlu II, għal Santu Wistin «il-fidi mingħajr ir-raġuni  mhijiex fidi» (Il-Predestinazzjoni tal-Qaddisin, 2, 5).

Mhux possibbli nidħlu fl-irqaqat kollha ta’ dak li jgħidilna Santu Wistin dwar ir-raġuni. L-importanti huwa li niftakru li għal Santu Wistin ir-raġuni hija l-privileġġ tal-bniedem li permess tagħha  jissupera l-ħlejjaq l-oħra, saħansitra lill-istess annimali li fiżikament għandhom forza ikbar minn tiegħu u jgawdu xi fakultajiet – bħal ngħidu aħna l-vista – aktar fini. Dak li għamel il-bniedem ħlejqa privileġġjata tal-ħolqien hija r-raġuni, fakultà tar-ruħ li permess tagħha l-bniedem jista’ jirrifletti u jiġġudika. Bħala fakultà tar-ruħ ir-raġuni hija parti integrali tal-ispirtu, jiġifieri tal-parti spiritwali tal-persuna umana. Permezz tar-raġuni l-ispirtu uman jogħla ’l fuq mill-univers sensibbli u jippenetra fid-parti mhux biss intelliġibbli imma wkoll spiritwali tar-realtà. Huwa hawn li l-ispirtu tal-bniedem jiltaqa’ mal-veri valuri, l-ewwel u qabelxejn  mal-verità. Din, quddiem ir-riflessjoni ġenwina u mingħajr preġudizzji tar-raġuni umana, tinfetaħ u tikxef il-ġewwieni tagħha u turi lill-intelliġenza umana bl-ikbar evidenza li mhux biss hija l-forma ta’ kulma huwa veru imma li l-fundament tagħha huwa Alla, il-Verità eterna, kawza ewlenija ta’ kulma jeżisti (Il-Vera Reliġjon, minn XXIX, 52, sa XXXVI, 67).

Bir-raġuni l-bniedem jasal għall-verità u għall-prinċipji ontoloġici eterni, fundament tar-realtà oġġettiva ta’ dak li jeżisti. Din hija l-konklużjoni li jasal għaliha l-Isqof ta’ Ippona fl-ewwel parti tal-opra  Il-Vera Reliġjon.  Fit-tieni parti, mill-kapitlu XXXVI, 68 sal-kapitlu LV, 107,  Santu Wistin jittrasforma r-riflessjoni tiegħu f’pedagoġija antropoloġika, reliġjuża u etika, tal-bini tal-vera personalità umana. Il-prinċipju li jiddomina din il-parti huwa: «la toħroġx barra minnek innifsek, erġa’ lura lejn il-ġewwieni tiegħek; fil-ġewwieni tal-bniedem tgħammar il-verità» (Il-Vera Reliġjon, XXIX, 72). B’din l-affirmazzjoni famuża Santu Wistin jistieden ’il-bniedem biex jidħol fih innifsu, mhux biex jagħmel introspezzjoni psikoloġika, imma sabiex jeżerċita l-fakultà tar-raġuni. Hawn ir-raġuni tittraxxendi l-istess eżistenza umana u togħla lejn id-dawl li huwa l-verità li jdawwal r-riflessjoni tal-bniedem u hekk ir-raġuni tasal biex tarmonizza ruħha mal-istess verità (Ibid.).

Immexxija mill-istess verità, ir-raġuni, miġbura fil-ġewwieni tal-ispirtu tal-bniedem, tgawdi ukoll s-setgħa li tgħin ’il-bniedem jirrikupera s-sbuħija tal-ordni li bih ġie maħluq l-univers u r-realtà u l-forma li biha ġie maħluq il-bniedem. Fi kliem ieħor ir-raġuni tgħin ’il-bniedem qadim jitbiddel fil-bniedem ġdid, minn bniedem maħkum mit-tliet konkupixxenzi li minnhom jitkellem San Ġwann fl-ewwel ittra tiegħu (I Gw, II, 16) fi bniedem spiritwali u interjur, maħkum mhux aktar mis-senswalità, is-suppervja u l-kurjożità [dawn huma t-tliet konkupixxenzi], iżda mill-pjaċir tal-veri valuri, fosthom l-unità fl-ordni tal-ħolqien, mill-imħabba rimedju kontra s-supervja li biha l-bniedem jixtieq ikun l-uniku li jiddomina,  u mill-konexxenza reliġjuża li twassalna għall-verità tar-realtà u tbegħidna milli ngħaddu ħajjitna nikkonċentraw  fuq ħwejjeġ mingħajr importanza u ħafna drabi mingħajr sens. (Il-Vera Reliġjon, minn XL, 74 sa LIV, 104).

Bla dubju ta’ xejn  l-opra Il-Vera Reliġjon hija opra tas-seklu IV, miktuba minn Wistin fl-linġwaġġ ferm neoplatoniku. U frattant  meta wieħed iqabbel il-kontenut tagħha ma’ dak li tgħidilna l-psikoloġija moderna kemm wieħed isib tixbih bejniethom. It-tnejn li huma jfittxu li jibnu l-maturità tal-persuna umana fuq sisien sodi u awtentiċi.  Wistin ma kellux il-metodi tal-psikoterapija tal-lum. Għalih l-użu sewwa tar-raġuni u l-interjorità kienu l-metodi tal-psikoterapija tiegħu. Mhux forsi huwa dan dak li żminijietna qegħdin jistennew minna l-insara, li nużaw il-metodi tajba tal-psikoloġija moderna u nivvaloraw u nħaddmu tajjeb ir-raġuni permezz tal-proċess tal-interjorità, process tant meħtieġ fi żminijietna fejn il-bniedem jgħix wisq barra minnu nnifsu jfittex ħafna drabi l-milja tiegħu  fi ħwejjeġ li qatt ma jistgħu jagħnuh b’personalità adulta u matura?

 

  1. Luċjan Borg

Agostinjan

Scroll to Top