Inkompli naqsam ħajti magħkom
Meta kont tifel jien, bil-bombi niżlin fuq rasna, l-akbar qatla tiegħi kienet li rrid ninżel fix-xelter u nieqaf nilgħab il-ballun fit-triq! Il-ballun kien taċ-ċarruta li konna nixtruh sold – (żgur inqas minn 50c.) minn għand il-Landiera – il-ħajjata ta’ Simons Avenue Hal-Tarxien. Min hu tampari jiftakaraha żgur!! Din kienet ħajjata prima imma ċ-ċraret tal-ħwejjeġ li kien jifdlilha meta kienet tħit, ma kinitx tarmihom imma tagħmel dawn il-blalen għalina u taqla xi ħaġa extra. Il-blalen kbar kienu jqumu 3 soldi, u konna niġbruhom bejnietna.
Kien żmien ikraħ għalina u fit-tul ukoll, imma għal grazzja t’Alla għaddejnih u meta għaddiet il-gwerra 1940-44 stajna bil-mod il-mod niġu lura għan-normal.
F’dawn il-ġranet koroh li għaddejjin minnhom, kollox magħluq u aħna magħhom qegħdin ġewwa ma stajtx ma niftakarx f’dawk iż-żminijiet! Għax fil-ħemda u l-kwiet, il-passat jiġi kollu mill-ġdid quddiemek u dak li għaddejna minnu f’ħajjitna.
Kelli 25 sena meta bdejt u kien kuntrast ma’ dak li għaddejna minnu fil-Gwerra, li ma kienetx ilha wisq li spiċċat!! U ma kellnix mobile, la TV l-anqas internet!!!! Il-qagħda kienet agħar mil-lum!! Lanqas fil-Gwerra ma kellna dawn il-mezzi ta’ komunikazzjoni li għandna llum.
Imma għaddejna ukoll!
Qed niktbilkom biex tagħmlu kuraġġ ! Jien daqskom qed nimmissja l-futbol fuq it-TV. Imma nappellalkom biex dan iż-żmien tapprezzawh u tużawh mill-aħjar li tistgħu. Ha ngħidilkom kif qed inqattagħha jien u ippruvaw għamlu bħali:
- Żomm il-kalma. U kun okkupat il-ħin kollu. Għid grazzi lil Mulej kif tqum li inti ħaj!
- Oħloq rutina. Mhux għax għandek aktar ħin qed tibqa’ titgħażżen fis-sodda. Qum fil-ħin tas-soltu u tibqax bil-piġama il-ġurnata kollha.
- Inħasel u qaxxar il-leħja bhas-soltu. Tintelaqx!
- Agħmel xi ezercizju fiżiku li tiflaħ tagħmel. Jien fin-nuqqas tal-għawm qed nitla’ fuq il-bejt u noqgħod indur qisni l-ħmar tas-sienja għal mhux inqas minn 20 minuta!
- Aqra ktieb. Qatt ftaħtha l-Bibbja? Ibda mill-Vanġelu ta’ San Mark u tara xi sbuħija. Inħobbu ħafna l-qari imma rrid background music – jien inħobb il-Bach u qed nisma ħafna l-orgni li nħobb u ndoqq xi ftit ukoll. Aktar ta gosti popolari fittxu fuq You Tube Andre’ Rieu jew Hauser bil-vjolinċell u lanqas tarawh il-ħin!
- Naddaf xi gwardarobba , jew xi garage li ilek taħseb fuqu imma qatt ma sibt ħin.
- Fil-ħin tal-ikel sajjar int u kul bil-qalb mal-familja u ħu tazza nbid! Irrid nistrih wara l-ikel imqar nofs siegħa imma mhux nibqa fis-sodda xi sagħtejn!!
- Tagħmilx żmien twil żejjed quddiem it-TV jew l-internet imma varja l-interessi tiegħek!
- Uża l-mobile, internet Skype biex tkellem l-għeżież u l-ħbieb tiegħ Jekk tiftakar f’xi ħabib jew ġirien li hu waħdu tih telefonata!!
- Isma quddiesa fuq it-TV jew għid ir-Rużarju għax il-Mulej biss irid joħroġna minnha din.
- Obdi id-direttivi tal-Awtoritajiet tas-Saħħa u kkopera bl-umilta’ kollha biex ma tkunx periklu għal min hu anzjan bħali jew vulnerabbli u għalik ukoll.
- Ikkonvinċi ruħek li din il-pandemija se ddum u għandna xi ndumu mingħajr futbol (li nerġa ngħid nimmissja ħafna). Għalhekk kun ippreparat għal żmien twil ġewwa biex meta jerġa jiġi tgawdih aktar u issa ma tbatix!
U bil-ghajnuna t’Alla noħorġu minnha u nsibu li sirna persuni aħjar !
Tinsabu fit-talb tiegħi ilkoll.