X’tixtieq minn ħajtek? Kif timmagina lilek innifsek fi żmien 5 jew 10 snin oħra?
Dawn kieku żewġ mistoqsijiet li nista’ ngħid li ċaqalquni meta kont affrontat bihom. Kienu żewġ mistoqsijiet li l-imgħallem tiegħi fuq il-post tax-xogħol kien staqsieni waqt business-meeting u evalwazzjoni personali. Kieku mistoqsijiet li ftit ħsibt fuqhom u allura injorajthom.
Niftakar li jien ma kontx kapaċi nirrispondi għalihom. Kont qed ngħix fuq il-qoxra u mhux fil-qalba tal-ħajja li Alla tani u li jien responsabli ta’ din il-ħajja, kif għextha u kif kont ta’ ġid għall-ħaddieħor.
Meta nħares lura, kien minn dan il-punt li jien bdejt infittex aktar. Meta kelli 15-il sena, patri mill-Parroċċa tiegħi, ta’ Burmarrad, waqt live-in maż-żagħżagħ, kien għamilli l-mistoqsija diretta jekk Alla hux qed isejjaħli. Jien weġibtu le, u għalkemm kont ħsibt fuqha għal xi ftit jiem, pero injorajtha kompletament. Imbagħad dħalt sixth-form u wara bdejt kors ta’ 5 snin fl-Universita ta’ Malta, fl-accountancy, fejn minn hemm spiċċajt il-kors u b’suċċess, minkejja xi diffikultajiet. Sa dan it-tant, komplejt nkunu nvolut f’għajnuniet u volontarjat fil-parroċċa tiegħi f’Burmarrad, fejn kont attiv ħafna, u kien mument li għini ħafna. Dan ma jfissirx li kont xi wieħed li kuljum quddiesa u talb…xejn minn dan! Kont nattendi l-quddiesa l-Ħadd, għalkemm kien hemm ukoll żmien fejn ma kontx nattendi. Sa dan it-tant wara li spiċċajt il-kors l-Universita, bdejt naħdem ma’ kumpanija internazzjonali tal-awdituri, KPMG, fejn kont iddedikat f’xogħoli. Kien wara xi sentejn mal-kumpanija, li dan l-imgħallem tiegħi tax-xogħol waqt ħafna diskussjonijiet kien qalli biex immur naħdem tlett xhur l-Ingilterra, wara li sena qabel kont diġa’ għamilt gimgħatejn esperjenza oħra ta’ xogħol fl-Ingilterra. Kien waqt dan il-mument li staqsieni dawk iż-żewġ mistoqsijiet! Ta’ min igħid li dan l-imgħallem kellu l-istorja partikolari tiegħu u għalkemm illum mejjet, u miet żgħir b’marda tal-kancer, pero Alla nqeda b’dan il-persuna biex wassalli messaġġ.
Wara dan, f’Novembru 2004 mort għall-tlett xhur l-Ingilterra fuq xogħol, u lejliet li tlaqt il-kappillan tal-parroċċa tiegħi kien irregalali l-Bibbja bil-Malti li kienet għadha kif ġiet ippubblikata, u għidt, “u iva mal-ħafna affarijiet li ħadt, nieħu din ukoll!” U ħaddtha miegħi, bil-ħsieb li probabli mhux ser ikolli ċans naqra minnha! Ta’ min igħid ukoll li ftit xhur qabel, f’April 2004 kont mort l-fiera tal-ivjaġġar f’Malta, u kien hemm grupp ta’ żgħażagħ mill-AMIGOS, li kienu qed iqassmu karti u leaflets u jiġbru xi donazzjonijiet. Jien kont ħadt il-leaflet li qassmu u għalkemm kont nixtieq li nistaqsihom fuq l-esperjenza li kienu sejrin jagħmlu l-Brażil, kont bżajt u ma staqsejt xejn. Insomma, din il-karta waddabtha mal-karti l-oħra li ġbart f’din il-fiera, u ma nafx kif dan il-leaflet ħallejtu fil-karozza. F’Lulju 2004, kont wasalt qabel għax-xogħol, għand il-klijent (peress li kont dejjem indur minn post għall-ieħor), u waqt li qgħadt nistenna ftit, reġgħet ġiet f’idejja l-leaflet li kont ħallejt fil-karozza, u qrajt l-esperjenzi taż-żgħażagħ li kienu telgħin il-Brażil. Dak in-nhar filgħaxija ddeċidejt li nikteb email lil persuna ngarigat (Fr Mario Abela) (li ma kontx nafu) u nistaqsiha biex nitkellmu ftit u tgħidli fuq din l-esperjenza u x’tinvolvi etc. Kienet esperjenza li dejjem xtaqt nagħmel. L-email bgħattha, pero risposta ma kellix! Ta’ xejn, mela! Wara kelli nkun naf li l-persuna kien qed il-Brażil maż-żgħażagħ u meta wasal lura Malta, għall-aħħar ta’ Awwissu ċempilli, u jien inżertajt li kont imsiefer fuq holiday. Ftehmna biex inċempillu meta nasal lura. Ċempiltlu u wara xi laqgħat kont iddeċidejt li nagħmel din l-esperjenza missjunarja mal-agostinjani (li qabel ma kontx smajt bihom!)
Sa dan it-tant mort l-esperjenza ta’ xogħol l-Ingilterra. Kont qed ngħix waħdi, u hemm kelli ħafna ħin biex naħseb u ħafna ħin għalija. Kien hemm li bdejt naqra xi siltiet mill-Bibbja u anke xi salmi u ħassejthom qed ikellmuni u qed ngħixhom. Bdew ġejjin ħafna mistoqsijiet! Intant, f’Jannar 2005 kien hemm laqgħa ta’ talb għall-għaqda tal-Knejjes Nsara f’Londra, bejn il-Kattoliċi, Protestanti u Anglikani. U jien kont mort weekend Londra biex nisma’ t-talks u nipparteċipa fl-attivitajiet. Kien waqt waħda minn dawn it-taħdidiet, li fihom kien hemm Abbati ta’ monasteru fl-Italja li kien qed igħati din it-taħdida u li hu kien qed jitkellem bit-Taljan u jkun hemm traduzzjoni bl-Ingliż; u allura l-messaġġ smajtu drabtejn. U l-messaġġ kien: x’qed tfittex f’ħajtek? X’tixtieq? Int kuntent bil-ħajja tiegħek? Qed tħalli lil Alla jkellmek? u messaġġi simili, li kienu messaġġi li laqtu l-musmar fuq rasu, anke meta ftit qabel kif semmejt kont affaċċjat bil-mistoqsijiet li kelli mill-imgħallem tax-xogħol! Iktar mistoqsijiet, u anke taħwid!
Inżilt lura Malta, u xorta bqajt b’ħafna mistoqsijiet u taħwid f’moħħi, u meta nżilt lura Malta kelli 4 xhur preparazzjoni biex f’Lulju 2005 immur l-Brażil għal seba’ gimgħat. Kont bqajt nattendi għall-preparazzjonijiet għall-esperjenza missjunarja, b’ħafna attivitajiet ta’ formazzjoni, ta’ fundraising activities, etc…u wkoll bqajt involut fil-parroċċa tiegħi! Kien hemm mument meta l-kappillan tal-parroċċa għamilli l-mistoqsija diretta, Forsi Alla qed isejjaħlek! U jien weġibtlu, iva, le, ma nafx, itlaq minn quddiemi ja xitan! Kelli ħames snin kors universita, kważi tlett snin xogħol, karriera, prospettivi etc u żgur ma xtaqtx li nieqaf minnhom. Ma tarax li ħa jħawwadni! Tant hu hekk, li minn mindu kont żgħir, waqt it-talba ta’ Santu Wistin, Lilek biss inħobb Mulej, li tinsab fuq il-kotba tal-kant tal-quddiesa, waqt il-frażi nitolbok Mulej, ikkmandani dak li trid int, kont nieqaf u ma nitlobiex! Injorajt kollox u bqajt għaddej b’ħajti.
Imbagħad ftit qabel ma tlaqna l-Brażil, għidt lil żewġt iħbieb tiegħi li konna ser nitilgħu flimkien, minn dak li għaddej, u ma kont kellimt li ħadd iktar. Ridt nitla’ l-esperjenza missjunarja fil-Brażil, b’ħafna ftuħ għal dak li jista’ jiġri. Hemmhekk, wara xi żmien kont kellimt lil Fr li kien qed jieħu ħsieb din l-esperjenza u semmejtlu xi ħaġa…pero ma qalli xejn!! Pero, wara ndunajt li kien qed jaħdem minn taħt!! Waqt mument rilassanti fil-Brażil, maż-żewġt iħbieb tiegħi, u Fr Mario u patri ieħor malti (Fr Adeodato) li kien l-Brażil u li kien magħna, dar id-diskors għal fuqi u jien weġibt li jagħmel Alla, jara Hu! Pero, hemmhekk qaluli li jien ridt niddeċiedi! U qaluli “Ejja u Ara”….u qaluli bl-opportunita li nkompli bix-xogħol tiegħi u fl-istess ħin nibda xi esperjenzi fil-komunita’ fir-Rabat – kunvent li qatt ma mort! Għalija dik il-frażi, Ejja u Ara (li wara sirt naf li kienet mill-Evananġelju skont San Ġwann), kienet laqtitni ferm, u kienet solvit xi diffikultajiet li kelli! Aċċettajt u gimgħatejn wara li nżilt lura mill-Brażil kont qed nitkellem mal-Fr Josef, li kien involut fil-vokazzjonijiet. Persuna li qatt ma ltaqt miegħu u f’post ġdid! Xi xahar wara bdejn ġimgħa esperjenza ta’ dixxerniment fil-komunita fir-Rabat, u mbagħad xi esperjenzi oħra ta’ gimgħatejn jew aktar fil-komunita fir-Rabat, u anke esperjenza ta’ tlett xhur fl-istess komunita.
Sa dan it-tant bqajt naħdem, u l-intoppi bdew ġejjin, xogħol beda jiżdied, opportunitajiet għal ħolm ta’ xogħol kien beda ġej! Pero quddiemi kelli għażla li nieħu deċissjoni! X’inrid f’ħajti u kif rrid ngħix ħajti to the full, billi nagħmel ir-rieda t’Alla. F’Lulju 2006, waqaft mix-xogħol tiegħi bħala awditur wara perjodu ta’ 4 snin, u minn hemm bdejt l-avventura fil-Mulej bil-prenovizzjat, novizzjat etc. Hija mixja; mixja ta’ kuljum fi tfixxija għal Alla flimkien ma’ persuni oħra fil-komunita u ma’ esperjenzi li niltaqa’ magħhom ta’ kuljum, u bi tweġiba kontinwa ta’ kuljum f’dan il-vjaġġ ta’ fidi, tama u mħabba, għaliex qalbna ma ssibx kwiet qabel ma tistrieħ fik. (frażi famuża ta’ S. Wistin, pero li fiha ħafna x’togħmod u tiġbor l-persuna umana kollha).
Kif inħares lejn is-sejħa tas-saċerdozju
Is-sejħat li jagħmel Alla huma sejħat ta’ kuljum u mhux ta’ darba biss. Għalkemm żmien ilu, l-maħbub Alla, għamilli din is-sejħa, huwa ta’ kuljum ikompli jagħmel din is-sejħa u din f’ambjent partikolari, fil-każ tiegħi, is-sejħa tas-saċerdozju fl-Ordni Agostinjan, f’mixja wara Ġesu, fuq il-passi ta’ Santu Wistin.
Nara s-sejħa bħala
biex inkun il-bniedem t’Alla u f’Alla
biex inkun il-bniedem għall-Knisja fid-dinja tallum
biex inkun il-bniedem għall-bnedmin li donnhom bla kwiet ifittxu l-mistrieħ
u dan kollu għax insir nixbah lil Kristu
fejn
qalbi tersaq ma’ Qalbu
qalbi tkun skont Qalbu
ħajti tkun skont Ħajtu
u nkun ragħaj fuq l-eżempju tiegħu, ir-Ragħaj it-tajjeb.
L-immaġini tar-Ragħaj it-Tajjeb hija immaġini li tiġbor fiha s-sejħa tas-saċerdozju għaliha, fejn wieħed jiddjalogu, ikun strument għal għaqda u l-unita, ikun pont bejn il-bnedmin.
Ftit aktar l-isfel qed ngħaddilek talba li fiha hemm ġabra kif inħares lejn is-sejħa tas-saċerdozju.
Messaġġ li nixtieq inwassal
Għaż-żgħażagħ
Quddiem is-sejħa tal-Mulej, ma nibżgħux…dan Ġesu jgħidilna ta’ kuljum (jingħad li hemm 365 La Tibżgħux fil-Bibbja – waħda għal kuljum)…u għalkemm huwa naturali ħafna u normali li jkollok dubji, mistoqsijiet, u qalbek titħawwad fuq is-sejħa, (jien ukoll kelli) madanakollu, ma nibżgħux nidħlu f’relazzjoni intima ma’ Ġesu. Ħares lejn Ġesu. Ħallih iħobbok. Huwa ser issejjaħ. Is-sorpriżi ta’ Alla huma kontinwi u ħafna sbieħ. Ippruvah lil Mulej. Int speċjali f’għajnejh! Mulej, qalbna ma issibx kwiet jekk ma tistrieħx fik…u din mhux biss hija l-qalb tiegħi biss imma bħala komunita, għaliex qalbna ma tistrieħx, u għalhekk hemm dik it-tfixxija kontinwa għall-Verita’, f’dixxerniment kontinwu.
Għall-ġenituri
Akkumpanjaw liż-żgħażagħ fil-mixja tagħhom ta’ kuljum u fil-mixja ta’ fidi. Kunu qribhom. U wkoll itolbu ħafna għalihom, biex dak li hemm fil-qalb tagħhom joħroġ, u jatu każ ta’ dak kollu, u jwieġbu għal dak li joġgħob lil Alla. Bħala ġenituri u persuni adulti inkunu nies ta’ fidi, nies li qegħdin f’mixja ta’ fidi, minkejja d-diffikultajiet u l-limitazzjonijiet tagħna, biex hekk toħroġ il-vokazzjoni. Nakkumpanjaw f’kull sitwazzjoni liż-żgħażagħ u ninżlu fil-fond tal-affarijiet li qegħdin jgħixu fihom, għax fil-profond hemm l-ispirtu ta’ Alla, hemm il-Verita.