Il-ġieħ li qed nagħtu llum lill-Verġni Marija taħt it-titlu ta’ Omm tal-Parir it-Tajjeb, jgħinna nagħrfu lil Kristu bħala dak li jmexxina. Dan it-titlu, imxerred mill-Ordni Agostinjan madwar id-dinja kollha, għandu l-għeruq tiegħu fir-raħal ċkejken ta’ Genazzano (qrib Ruma). Nhar il-25 ta’ April tas-sena 1467, intlemħet fuq ħajt tal-knisja tal-Agostinjani xbieha antika tal-Madonna tħaddan b’tant imħabba lil binha Ġesù. Dan l-affresk mill-ewwel ġibed għadd ta’ pellegrini u bdew jinqalgħu l-grazzji.
Sal-lum il-ħarsa ta’ Marija għadha timla l-qlub ta’ dawk kollha li jersqu lejha b’fiduċja li minn għandha ser jaqilgħu d-Dawl, Kristu l-Mulej, il-Kunsillier tal-għaġeb. Nersqu lejha bil-fiduċja kollha għax hi tiggwidana kull darba li tlissen f’qalbna: “Agħmlu dak li jgħidilkom hu”.
Fr. Josef Sciberras osa