Ġej mill-familja Fidati u twieled f’Cascia għall-ħabta tal-1290. Wara li għal ftit wera nteress għal-letteratura u mexa wara t-tagħlim tal-Franġiskan Fra Anġlu Clareno huwa ħa l-libsa ta’ Agostinjan.
Ħajtu għaddieha jippriedka speċjalment fis-Toscana. Kien iċanfar il-midimbin mingħajr biża’ u d-dixxiplina soda tiegħu tferrxet ukoll fost dawk li riedu jagħmlu ħbieb miegħu u li minn xi daqqiet dawn ġew imwiddba minnu. Iżda kliemu mimli mħabba u żelu kien imfaħħar minn dawk li kienu jisimgħuh.
Kien ukoll imfaħħar għall-kitba tiegħu li kien iwettaq matul il-lejl. Dan nafuh minn Fra Ġwanni minn Salerno li għex miegħu għal sbatax-il sena. Ix-xogħol tiegħu popolari kien Ordine della Vita Cristiana li kiteb fil-bidu tat-Taljan tal-poplu u li jfakkarna fl-imitazzjoni ta’ Kristu, ideal li fil kapulavur tiegħu De gestis Domini Salvatoris ġie iżjed żviluppat. Fuq din l-opra nafu l-istorja ta’ kif darba deherlu l-Mulej taħt forma ta’ tifel li stiednu jixrob mill-kalċi li kien qiegħed inewwillu. Xmun xorob u “l-ħlewwa ta’ din ix-xarba baqgħet imwaħħla miegħu għal kemm dam ħaj; kien itiegħem ħażin ikel ieħor; u wara beda jikteb din l-ħajja tal-Mulej”. Il-ħsieb tiegħu kien influwenzat minn Clareno, iżda kontra dan kien iħalli barra l-estrem. Jista’ jkun li Luteru kien midħla ta’ l-opra ta’ Fidati, iżda r-riflessjonijiet u l-biċċiet ta’ kitba ma jwassluniex biex ngħidu li żgur li Xmun kien prekursur ta’ dan ir-Riformatur.
Il-ġabra ta’ l-ittri tiegħu hija prezzjuża għax tagħtina ħjiel ta’ dak kollu li kien jagħmel bħala direttur spiritwali u l-karattru tiegħu ma’ nies ta’ kull klassi.
Sew bħala predikatur kemm ukoll bħala kittieb influwenza l-ħajja ta’ żmienu għalkemm kien jippreferi joqgħod waħdu miġbur fit-talb u fl-istudju. B’hekk naħsbu li kien jirrifjuta kull post ta’ superjur sewwa ġewwa l-Ordni kif ukoll barra. Marad bil-pesta l-kbira u miet fl-1348. Il-fdalijiet tiegħu qegħdin fis-santwarju ta’ Santa Rita ta’ Cascia.
Fl-1833 il-Papa Gregorju XVI għamlu beatu.
Fernando Rojo, o.s.a.
Acta SS. I Februari, Venetiis 1735, 267; Sacra Rituum Congregatione. Confirmationis cultus ab immemorabili tempore praestiti servo Dei Simoni de Cascia, beato nuncupato, Romae 1833; *PERINI, D. A., OSA., Bibliographia Augustiniana II, Firenze 1931, 59-66; ZUMKELLER, A., OSA., Die Augustinertheologen S. F. von Cascia und Hugolin von Orvieto und Martin Luthers Kritik an Aristoteles, in Archiv für Reformationsgeschichte 54 (1964) 15-37; *SALSANO, M., F., S., da C., beato, in BS. V. Roma 1964 (rist. 1983) c. 674-75; *HACKETT, B., OSA., S.F. da C. and the doctine of St Catharina of Siena, in Augustiniana 16 (1966) 386-414; CASCIANO, G., OSA., Beato S. F., agostiniano di Cascia, Tolentino 1985 (2a ed. Terni 1993); *ID., S. F. da C., in Dict. De Spiritualité 14, Paris 1989, c. 873-76; ID., Blessed S. F. of C., Villanova 1988.