Beatu Wistin Novello minn Tarano – 19 ta’ Mejju

Twieled għall-ħabta tal-1240 f’Tarano (Rieti – l-Italja) u ngħata l-isem ta’ Mattew. Wara li studja l-liġi fl-Università ta’ Bolonja, ħadem fil-Kanċellerija tar-Renju ta’ Sqallija, fir-residenza uffiċjali tar-Re Manfredi. Meta miet ir-Re fit-taqtigħa ta’ Benevento (1266) u huwa biss safa ferut u marad ddeċieda li jbiddel ħajtu. Telaq minn Sqallija u nġabar fl-eremitaġġ ta’ Rosia, viċin Siena, fejn ipprofessa bħala sempliċi Fratell lajk bl-isem ta’ Wistin. Jgħidu li sar magħruf wara d-difiża li kien għamel għad-drittijiet tal-kunvent.

Meta l-ġeneral ta’ dak iż-żmien Klement minn Osimo sar jaf bl-għerf u l-virtù ta’ Wistin, li kienu jsejħulu Agostino Novello bagħtu Ruma fejn sar saċerdot. Wara ftit il-Papa Nicolò IV għamlu Penitenzier Appostoliku u konfessur tiegħu u dam hekk għal għaxar snin, ukoll waqt li kien hemm Papiet Ċelestinu V u Bonifazju VIII. Fl-istess żmien ta sehmu fit-twaqqif tal-Kostituzzjoni ta’ Ratisbona fl-1290. Meta ltaqa’ l-Kapitlu f’Milan fl-1298 waqt li hu ma kienx preżenti u bla ma kien jaf ġie magħżul Superjur Ġenerali ta’ l-Ordni u l-Papa Bonifazju VIII ikkonfermah mingħajr eżami. Hu aċċetta bl-umiltà kollha iżda għal sentejn għaliex hu stess għajjat Kapitlu ieħor li fih irrinunzja għall-post ta’ Ġeneral u ħadd ma seta’ jdawwarlu din id-deċiżjoni li kien ħa. Hu mexxa l-Ordni b’ġustizzja u b’imħabba.

Dan il-mexxej ta’ l-Ordni waqt il-formazzjoni tiegħu għadda l-aħħar disa’ snin ta’ ħajtu fl-eremitaġġ ta’ San Leonardo al Lago, viċin Lecceto (Siena) u “kien jistrieħ fid-dell tal-kontemplazzjoni divina”, fit-talb u fl-opri ta’ karità. Miet fl-1309 u l-kadavru tiegħu ġie meħud fil-knisja ta’ Santu Wistin f’Siena. Hemmhekk ġie rappreżentat b’anġlu wara rasu, “l-anġlu li jitkellem minn taħt l-ilsien”, u din saret l-ikonografija tiegħu, simbolu ta’ l-ispirazzjoni t’Alla. M’ilux wisq il-fdalijiet tiegħu ġew meħuda f’Termini Imerese f’Sqallija.

Fl-1759 il-Papa Klement XIII għamlu beatu u l-Ordni Agostinjan jiċċelebra t-tifkira tiegħu fid-19 ta’ Mejju ma’ dak tal-Beatu Klement minn Osimo.

Rafael Lazcano, o.s.a.*

 

Act SS. Maii IV, Venetiis 1740, 614-26; ROTH, F. X., OSA., Die Augustiner-Generale des 13, Jahrhunderts, in cor Unum 10 (1952) 40-46; GIACOMINI, A. M., OSA., A. N., beato, in BS.I. Roma 1961, (rist. 1990), 60-07; ARBESMANN, R., OSA., A Legendry of Early Augustinians Saints in AA., 29 (1966) 44-52; VASSALLO, A., OSA., A.N. a servizio del reno di Sicilia e del papato, in Matteo Novelli e l’agostinismo politico del trecento, Palemo 1983, 79-100; NICOLOSI, M., OSA., Il Codice Senese (K. VII, 36) della Vita di Matteo Novelli, in Augustiniana 42 (1992) 111-72.

*LAZCANO G. 51-54 (maqlub fil-qosor integrali)

 

 

 

Scroll to Top