Il-persekuzzjonijiet mhux biss joħolqu l-martri iżda kemm-il darba jagħmlu wkoll “suldati ta’ Kristu”. Hekk kien Tumas Jihyoe, Agostinjan Ġappuniż, li kien suldat bl-isem ta’ nisrani waqt il-persekuzzjoni kontra l-insara fis-seklu XVII. Għal ħames snin lagħab bis-suldati ta’ l-imperatur li kien qed ifittxuh biex jaqbduh għax kien saċerdot kattoliku.
Twieled f’Omura viċin Nagasaki għal ħabta tal-1600. Il-ġenituri tiegħu, għalliema tar-reliġjon, mietu t-tnejn martri għall-fidi tagħhom. Minn meta kien għadu żgħir hu kien imur l-iskola tal-Ġiżwiti f’Arima. Minħabba l-persekuzzjoni din l-iskola għalqet u huwa mar Macao biex ikompli l-istudju. Wara li kien tah parir missjunarju Agostinjan fl-1622 mar Manila fil-Filippini u fl-1624 daħal fil-kunvent ta’ Santu Wistin Intramuros, imbagħad mar Cebú biex jistudja t-teoloġija u sar saċerdot.
Kienet ġa bdiet il-persekuzzjoni u l-missjunarji wieħed wara l-ieħor kienu qed jiġu meqruda u għalhekk il-komunitajiet insara tħallew weħidhom. Tumas ħass li postu kien f’pajjiżu u wara ħafna taħbit fl-1631 mar lura f’Nagasaki. Billi kien Ġappuniż seta’ bla tfixkil jaħbi li kien saċerdot kattoliku, iżda hu kien reliġjuż u mimli bi spirtu kbir ta’ fidi u daħal mal-gvernatur ta’ Nagasaki bl-isem ta’ Kintsuba. Hekk seta’ jgħin lil Patri Bartilmew Gutiérrez fil-ħabs sakemm dan ħa l-martirju u wara ħa postu u beda jgħin lill-ħabsin insara u jagħmlilhom kuraġġ. Dawn bdew juru tant kuraġġ li l-gvernatur beda jitħasseb li kien hemm xi saċerdot moħbi. Meta Tumas nkixef mar f’għar ħdejn il-belt u hemm bdiet il-kaċċa għalih, li għadhom isemmuha sallum.
Hu kien joħroġ bil-lejl biex jiltaqa’ mal-insara u jagħtihom is-sagramenti iżda kien dejjem ibiddel surtu. Fl-aħħar fl-1637 ġie maqbud b’kumbinazzjoni. Kien hu stess li qal lil dawk li qabduh min kien, għaliex ħasbuh xi sempliċi nisrani maħrub. Għal ħafna xhur tawh it-torturi kbar biex forsi jiċħad ir-reliġjon u fis-6 ta’ Novembru 1637 ħaduh fil-post li bdew isejħulu ‘l għolja tal-martri’ u dendluh minn saqajh għal ġo ħofra fl-art sakemm miet.
F’Novembru 1982 ismu ġie mniżżel fil-lista ta’ 187 martri ieħor li l-isqfijiet Ġappuniżi bdew il-kawża tal-kanonizzazzjoni tagħhom u wara li għaddiet f’idejn il-postulatur ta’ l-Ordni issa waslet għand il-Kongregazzjoni tal-Qaddisin f’Ruma.
Pietro Bellini, o.s.a.
CLAVER, M., OSA. El admirable y excelente martirio en el reyno del Japón de los beditos Padres fray Bartolomé Gutiérrez, fray Francisco de Gracia y fray Thomás de S. Agustín, Manila 1638, 43-74; SICARDO, J., OSA., Christiandad del Japón, Madrid 1698, 300-314; GASPAR DE S. AGUSTIN, OSA., Conquistas de las Islas Filipinas II, Valladolid 1890, 362-371; *The Augustinians in the seventeenth century Japan, King City, Ontario 1965 126-156; MINAKUCCHI, TOMIKO, Kintsuba. The Story of the Japanese Martyr Father Thomas Jihyoe, Kyoto 1995.