Twieled f’Lagos (Algrave) fil-Portugal t’isfel madwar is-sena 1360 u kien tifel tas-sajjieda u hu wkoll kien sajjied, iżda kien imur ġo knisja Agostinjana f’Lisbona u mħajjar għall-ħajja reliġjuża daħal ma’ l-Agostinjani fl-1380. Fl-Ordni wera li kien studjuż iżda billi kien umli u għalkemm kien jinqala’ ma riedx jaċċetta li jagħmluh għalliem tat-teoloġija.
Laħaq saċerdot u kien imfaħħar bħala predikatur u għall-għożża li kellu għall-erwieħ. Intefa’ jgħallem il-fidi lin-nies umli u bla skola, speċjalment lit-tfal. Ta’ kemm-il darba kien magħżul Pirjol u tella’ l-aqwa kunventi tal-Provinċja tal-Portugal bħalma huma dawk tal-Lisbona u Santanrem e dejjem wera ubbidjenza lejn ir-regola. Kien jinqala’ ħafna għall-kaligrafija, għall-minjatura, u kien ukoll kompożitur ta’ innijiet sagri. Kien jagħmel xogħol baxx bħalma huwa dak ta’ kok jew ta’ għassa tal-bieb, kif ukoll kien jagħmel dak kollu li jkun hemm bżonn. L-ispirtu tiegħu ta’ pietà kien kbir u magħqud ma’ axxetiżmu ħaj.
Fl-1412 sar Pirjol ta’ Torres Vedras, post viċin Lisbona fejn baqa’ sa mewtu. Hawnhekk baqa’ jaħdem kif kien qabel bħala reliġjuż, jgħin u jgħallem il-fqar li kienu jħobbuh.
Miet fil-15 t’Ottubru 1422 u difnuh fil-knisja tal-kunvent ta’ Torres Vedras li kienet iddedikata lill-Madonna tal-Grazzja. F’Ħajtu kien ġa meqjus bħala qaddis u din il-fama kibret wara mewtu. Il-memorja tal-Beatu – magħruf min-nies bħala San Gonzalo – għadha ħajja sa llum f’dawk l-inħawi fejn hu meqjus bħala l-protettur tal-baħħara u patrun taż-żgħażagħ.
Fl-1778 il-Papa Piju V ikkonfermah beatu.
Tilde Giorgi
TORELLI, L., Secoli Agostiniani VI, Bologna 1680, 530-38; Acta SS. Octobris IX, Bruxelles 1858, 421-427; *NOBRE, A., O Pescador que quis ser monge e foi santo (S. Gonçalo de L.), Tavira 1957; ID., O Túmulo de S. Gonçalo de L. Descoberto em Torres Vedras, Faro 1961; ID., Algumas peças do Prceso de beatificação de S. Gonçalo de L., Lagos 1962; *GIACOMINI, A. M., OSA., G. de L. Beato, in BS. VII Roma 1966 (rist. 1988), c. 101; Commemoraçoes do VI Centenário do São Gonçalo de L. I Colóquio Gonçaino. Discusos e comunicaçóes, Lagos 1962; MARTÍNEZ, H., OSA., São Gonçalo de L., Braga 1992.