Il-ħajja tal-Beatu Gregorju hija taħlita ta’ verità storika u leġġenda. Dan għaliex ma waslux sa għandna dokumenti ta’ żmienu u l-bijografiji dwaru huma pjuttost tardivi. Hekk għandna l-kundizzjonijiet adatti sabiex fl-aġjografija (jiġifieri l-kitbiet fuq il-ħajja tal-qaddis) insibu din it-taħlita interessanti li fiha, aktar ma jgħaddi żmien, aktar isir diffiċli tagħraf il-veru mill-istħajjil. Wieħed irid jiftakar li l-aġjografija medjevali ma għandhiex bħala għan li tgħid il-verità, skont il-kriterji tagħna tal-lum, imma pjuttost li tippreżenta mudell ta’ qdusija. Li huwa żgur hu l-fatt li dan il-beatu jgħaqqad flimkien żewġ epoki importanti tal-istorja, jiġifieri l-hekk imsejħa preistorja Agostinjana u l-istorja vera u proprja tal-Ordni minn wara t-twaqqif tiegħu fl-1244. Il-beatu Gregorju seta’ jgħaqqad dawn iż-żewġ żminijiet distinti minħabba l-ħajja twila li għex, billi jidher li miet wara li qabeż sewwa l-mitt sena.
Twieled għall-ħabta tal-1225 fil-belt ta’ Verrucchio, qrib il-belt portwali ta’ Rimini, fejn probabilment trabba f’familja pjuttost komda, dan għaliex l-għejun bijografiċi jsemmu li l-ġenituri tiegħu xtaquh isir avukat, fuq il-passi ta’ missieru. F’raħal twelidu kien hemm kunvent tal-Ġamboniti, jiġifieri, ta’ dawk ir-reliġjużi imwaqqfin mill-beatu Ġwanni Bono u li fl-1256 kellhom jingħaqdu mal-Ordni tal-Eremiti ta’ Santu Wistin ta’ Tuscia sabiex jiffurmaw – flimkien ma’ għadd ta’ kongregazzjonijiet oħrajn – l-Ordni tal-Eremiti ta’ Santu Wistin. Il-beatu Gregorju għex din l-esperjenza ta’ formazzjoni tal-Ordni Agostinjan: daħal mal-Ġamboniti imma miet fl-Ordni ta’ S. Wistin.
Għex l-ewwel żmien ta’ ħajtu fil-kongregazzjoni tal-Ġamboniti, għal xi żmien anke fl-istess komunità fejn kien jgħix il-fundatur tagħhom f’Cesena. Qabel għamel il-professjoni ħalla ġidu kollu għall-kunvent ta’ Verruchio. Gregorju kien reliġjuż li ħa bis-serjetà l-formazzjoni tiegħu, u dan il-fatt għen sabiex jingħażel mis-Superjur Ġenerali tal-Ġamboniti sabiex Gregorju jaħdem kontra l-ereżija tal-Katari, tant mifruxa f’dik iż-żona tal-Italja. Hekk għadda parti kbira ta’ ħajtu, jipprietka bil-kelma u bl-eżempju, tant li kien jiġbed lejh – mingħajr ma jrid – l-ammirazzjoni u l-ġieħ tal-popolazzjoni. Diġà anzjan, fis-sena tal-ewwel Ġublew tal-Istorja tal-Knisja, jiġifieri dak tal-1300, huwa mar Ruma bħala pellegrin fuq l-oqbra tal-appostli Pietru u Pawlu. Kellu okkażjoni li jiltaqa’ mal-Ġeneral tal-Agostinjani, il-Beatu Wistin minn Tarano u miegħu qasam il-ħolma li, issa li temm il-ħidma tal-predikazzjoni, jirtira f’xi post iżolat bħala eremita. Il-Ġeneral tah il-permess meħtieġ hekk li Gregorju reġa’ lura għall-vokazzjoni ewlenija tiegħu, dik li jkun f’komunità ta’ eremiti Agostinjani fejn l-ewwel missjoni tagħhom tkun il-ħajja ta’ ġabra, talb u kontemplazzjoni. Ta’ aktar minn mitt sena ħalla din id-dinja fis-sena 1343. Dwar il-mewt tiegħu l-istorja titħallat aktar mal-istħajjil, tant li jingħad li l-ġisem tiegħu ttieħed fuq dahar ta’ ħmara minn qrib Rieti għal Verrucchio, raħal twelidu, fejn hemm iltlaqa’ bid-daqq festiv tal-qniepen u l-għaġeb tan-nies, li b’qima difnuh taħt l-altar tal-Knisja. Jingħad li anke l-ħmara li fuqha għamel il-vjaġġ stħaqqilha difna speċjali, b’rikonoxximent għal dan l-aġir tagħna.
Minkejja li jidher li kien ibbeatifikat fl-1357, minħabba li kienu ntilfu d-dokumenti li jagħtu xhieda għal dan, fl-1757 reġa’ sar il-proċess għall-konferma tal-kult tiegħu ab immemorabili. Klement XIV irrikonoxxa il-kult tiegħu fl-1769. Il-fdalijiet tiegħu għadhom sal-lum fil-knisja ta’ Santu Wistin f’Verrucchio.
L-ewlenin qaddisin tal-Ordni Agostinjan huma mezz sabiex l-Agostinjani ta’ kull żmien isibu l-għeruq tal-vokazzjoni tagħhom. Il-Beatu Gregorju huwa eżempju ċar ta’ dan, billi f’dak li nafu dwar il-ħajja tiegħu, naraw magħqudin ħaġa waħda x-xewqa qawwija ta’ ħajja kontemplattiva mal-azzjoni u l-predikazzjoni f’qadi tal-poplu ta’ Alla.
Fr. Josef Sciberras osa