Fis-snin tletin tas-seklu XX, il-Knisja fi Spanja għaddiet minn martirju kbir, hekk kif l-awtoritajiet ċivili bdew persekuzzjoni sistematika li ġebbdet għal madwar tliet snin u li fiha mietu numru kbir ta’ insara: lajċi, reliġjużi, saċerdoti u isqfijiet. L-aħwa tal-Familja Agostinjana, f’din is-sitwazzjoni mwiegħra, wkoll taw xhieda qawwija tal-fidi tagħhom quddiem din il-persekuzzjoni ħarxa, magħmula minn ħuthom Spanjoli.
Fit-22 ta’ Settembru l-kalendarju liturġiku Agostinjan ifakkar lill-Beata Ġużeppa Masiá. Twieldet fl-10 ta’ Ġunju 1887 f’Algemesí, raħal qrib il-belt ta’ Valencia. Għalkemm il-familja kienet fqira, kienet għanja fil-valuri u l-għajxien tal-ħajja nisranija konvinta kienet tingħata attenzjoni kbira fl-edukazzjoni tal-ulied. Ta’ età żagħżugħa tilfet lil missierha, u b’hekk il-familja baqgħet tmexxiha l-omm, li kienet ukoll attiva fl-għaqdiet tal-karità. Għal din il-ħidma b’risq l-oħrajn, jidher li l-Mulej ippremjaha b’għadd ta’ vokazzjonijiet reliġjużi fil-familja: wieħed minn uliedha daħal mal-Franġiskani Kappuċċini, waqt li ħamsa minn uliedha bniet daħlu għall-ħajja kontemplattiva f’monasteri differenti tal-klawsura. Waħda minn dawn, Marija Ġużeppa, bi tweġiba għal dak li kienet qed tħoss f’qalbha, daħlet fil-monasteri tal-Agostinjani Rekolletti f’Benigánim, u fit-2 ta’ Frar 1905 xiddet il-libsa Agostinjana u sena wara għamlet il-professjoni reliġjuża. Mix-xhieda li taw ħutha s-sorijiet, nafu li kienet persuna li kellha f’qalbha x-xewqa li togħġob lil Alla f’kollox, u kienet tmidd idejha għax-xogħol kollu li seta’ kien hemm bżonn fil-monasteru. Kellha f’qalbha l-poeżija, u mid-diversi li kitbet, nafu l-imħabba li kellha għall-Għarus li miegħu tħaddnet fil-ħajja monastika Agostinjana. Bi Kristu magħha, kienet tħoss li xejn mhu diffiċli. Fl-ispirtu ta’ riforma tar-Rekolletti, hi fittxet dejjem li tgħix b’ċertu solitudni, bi ħsiebha mehdi fil-ħwejjeġ tas-sema. Madanakollu qatt ma naqset mid-doveri tagħha lejn il-komunità, bl-iskuża tal-ħwejjeġ spiritwali.
Bejn l-1932 u 1935 kienet eletta bħala prijura tal-monasteru. Is-sinjali taż-żminijiet kienu diġà qed juru x’qed jinħema fil-qalb ta’ min ried jeħodha kontra l-Knisja ta’ Kristu. Is-sorijiet bdew jirċievu ħafna minaċċi, hekk li bosta ppruvaw jipperswaduhom sabiex iħallu l-monasteru. Maria Ġużeppa baqgħet fil-monasteru minkejja l-periklu, flimkien ma’ grupp ċkejken ta’ sorijiet. Dan għamlitu sal-1936, meta s-sitwazzjoni ħraxet qatigħ u l-periklu kiber tant li f’dik iċ-ċirkustanza s-sorijiet kellhom, kontra qalbhom, iħallu l-monasteru. Bħal ħafna reliġjużi oħrajn li kellhom jitilqu mill-kunventi, Marija Ġużeppa sabet rifuġju għand ommha, li laqgħetha b’ħafna mħabba. Fl-istess dar issa kienu jinsabu, imdawrin mal-omm, l-aħwa bniet li kienu ħaddnu l-ħajja reliġjuża, hekk li d-dar tal-omm inbidlet f’monasteru partikolari ħafna, b’ritmu ta’ ħajja li jixbah lil dak ta’ monasteru tassew. Marija Ġużeppa għexet dan il-mument kiefer billi kompliet toffri lilha nnifisha bħala vittma għall-konverżjoni tal-midinbin u l-paċi f’art twelidha.
Il-persekuzzjoni kompliet tiħrax ma’ kull jum li kien jgħaddi. Nhar id-19 ta’ Ottubru 1936, billi sar magħruf li fid-dar hemm grupp klandestin ta’ reliġjużi, xi suldati tal-milizzja ribelli ġew sabiex jiġbruhom. Ma offrewx reżistenza! Kienu ppreparati għal dak li seta’ jseħħ fiċ-ċirkustanzi. L-omm ma riedet bl-ebda mod tħalli lil uliedha bniet weħidhom u ddeċidiet li hi wkoll tkun arrestata. Għaddew ġimgħa sħiħa maqbuda, żmien li użawh sabiex jippreparaw rwieħhom għal dak il-mument solenni li fih kellhom jagħtu l-akbar xhieda. Minkejja l-wegħdiet fiergħa li rċevew, baqgħu sodi, jagħmlu l-qalb lil xulxin. Il-Providenza riedet li l-jum tal-ogħla xhieda kellu jaħbat fil-lejl tal-festa ta’ Kristu Re, il-25 ta’ Ottubru. Wara traġitt qasir, niżżluhom minn fuq trakk fejn kienu mgħobbija u waħda wara l-oħra ngħataw l-eżekuzzjoni tal-mewt. Għalkemm kienu ser jibdew mill-omm, din talbet bil-ħerqa sabiex jibdew minn uliedha l-għeżież: “hekk immut b’moħħi mistrieħa li baqgħu fidili sal-aħħar” tenniet. Bħall-omm tas-seba’ wlied fil-Ktieb tal-Makkabej, hija għamlitilhom il-qalb sakemm rathom fuq xulxin, iġsma bla ħajja, iffuċillati. Temmew l-eżekuzzjoni bl-omm, qalbiena bħal uliedhom. L-iġsma ta’ dawn il-ħames martri ndifnu fil-kunvent, trasformat f’ħabs, ta’ Fons Salutis. Aktar tard, ittieħdu b’venerazzjoni kbira, fil-knisja parrokkjali ta’ S. Piju X f’Algemesí.
Wara li nġabru x-xhieda dwar il-martirju, u wara li sar il-proċess kanoniku, il-Papa S. Ġwanni Pawlu II ibbeatifika lil Sr. Marija Ġużeppa u lil ħutha u lil ommha nhar il-11 ta’ Marzu 2001, flimkien ma’ għadd kbir ta’ martri oħrajn li mietu fl-istess ċirkustanzi tal-persekuzzjoni Spanjola.
Ix-xhieda tal-Beata Ġużeppa Maria Masiá tal-Purifikazzjoni, flimkien ma’ ommha u ħutha, tibqa’ għalina stedina kontinwa għall-fedeltà li msejħin li jkollna fl-għajxien tal-kuljum tal-fidi tagħna, misjuqin minn xewqa ta’ għaqda sħiħa ma’ Alla fil-ħajja ta’ dejjem.
Fr. Josef Sciberras osa