Twieldet fit-Toscana ħdejn Certaldo għall-ħabta tal-1320 minn familja nobbli li ftaqret. Sfat orfni ta’ età żgħira u daħlet taħdem mal-familja Tinolfi viċin Firenze fejn iltaqgħet ma ‘ l-Agostinjani u l-qdusija tagħhom. Meta l-anqas biss kellha għoxrin sena daħlet ma’ l-Agostinjani lajċi. Imbagħad ħasset li kellha tgħix ħajja mingħajr frugħat, u fil-fjur ta’ xbubitha għażlet li titlaq mill-belt u tmur tgħix weħedha. Reġgħet lura f’Certaldo u kriet kamra ħdejn il-knisja Agostinjana ta’ San Mikiel u San Ġakbu. Minn dik il-kamra fetħet żewġ twieqi żgħar, waħda tagħti għal ġol-knisja biex hekk tkun preżenti għall-funzjonijiet reliġjużi u l-oħra għal fuq barra biex minn hemm tieħu l-ikel li n-nies kienu jġibulha. Waħħlet kurċifiss mal-ħajt u qabbdet bennej jagħlqilha l-bieb ta’ barra b’ħajt.
Qatt ma ħalliet “l-eremitaġġ” tagħha u bħall-ħabsin għexet għal tletin sena f’ħajja mistika u ta’ talb maqtugħa mid-dinja. Kienet tagħmel penitenza u titlob kuljum. Il-bdiewa ta’ Certaldo kienu jagħtuha x’tiekol. Skond ma ntqal ukoll it-tfal kienu jiħdulha xi ħaġa x’tiekol u Gulia kienet troddilhom ħajr u tagħtihom xi fjur friski f’kull staġun tas-sena. Ma nafux xejn iżjed dwarha barra mill-ġibda li kellhom lejha dawk li kienu jgħixu f’dal-post.
Mietet għall-ħabta tal-1370 u din il-ġibda kibret wara mewtha għax fl-1372 sar altar fl-istess knisja fejn għexet u ndifnet. Sal-1506 in-nies ta’ Certaldo kienu jagħmlulha festa għaliex kienu jqisuha bħala beata.
Fl-1819 il-Papa Piju VII ikkonfermaha beata ab immmemorabili.
Tilde Giorgi
HERRERA A 377; TORELLI, L., OSA., Secoli Agostiniani VI, Bologna 1680, 130-135; RISI, N., Un giglio tra le spine: la b. G. da C., Prato 1919; BELLANDI, S., OSA., Servitori Santi, Profili agiorafici per l’edificazione spirituale delle persone di servizio, Firenze 1927, 51-61; *GIACOMINI, A. M., OSA., Rena G. della, beata, in BS, XI, Roma 1969 (rist. 1990), c. 115-116.