L-Agostinjani: identità

Minn Patri Peter Paul Cachia - Agostinjan

Nissejħu Agostinjani jew Patrijiet ta’ Santu Wistin. Huwa isem li ereditajna mingħand il-Missier tagħna Santu Wistin u jġorr miegħu passat mill-isbaħ, preżent mimli sfidi u futur kollu

tama! L-Ordni ta’ Santu Wistin huwa wieħed mill-ordnijiet reliġjużi mendikanti għas-servizz tal-Evanġelju ta’ Sidna Ġesù Kristu. Il-missjoni tagħna bħala Ordni reliġjuż fil-Knisja Kattolika hija li nagħtu xhieda tal-imħabba ta’ Alla lejn il-bniedem permezz tal-ħajja ta’ flimkien f’komunitajiet ta’ aħwa, mibnija fuq il-ħbiberija spiritwali u l-qsim tal-esperjenza tal-fidi. Permezz tal-wegħdiet tal-kastità, faqar u ubbidjenza nimpenjaw rwieħna f’konsagrazzjoni li Alla sejħilna għaliha għas-servizz tal-Knisja fid-diversi ministeri li hi tafdalna f’idejna fi żminijiet u postijiet differenti.

L-ideal tagħna kien imfassal minn Santu Wistin, li wara l-konverżjoni tiegħu xtaq li jgħix il-fidi f’komunjoni ma’ oħrajn, fejn ħadd ma jkollu xejn tiegħu iżda kollox jinqasam bejn l-aħwa skont il-ħtieġa ta’ kull wieħed. Għal dan il-għan huwa waqqaf monasteri ta’ rġiel u nisa. Kiteb ukoll Regola għal dawn il-qaddejja ta’ Alla u fiha ġabar il-prinċipji fundamentali tal-ħajja tagħna sabiex inkunu nistgħu ngħixu l-Evanġelju fuq l-istil tal-ewwel komunità ta’ Ġerusalemm, hekk kif insibu fl-Atti tal-Appostli (2, 4-5):

“Dawk kollha li kienu jemmnu kienu ħaġa waħda, u kienu jaqsmu kollox bejniethom, ibigħu ġidhom u kulma kellhom u jqassmu d-dħul bejn kulħadd, skont il-ħtieġa ta’ kull wieħed. U kuljum kienu jmorru fit-tempju flimkien, jaqsmu l-ħobż fi djarhom, u jissieħbu fl-ikel bi qlub ferħana u safja.”

Mal-mewt ta’ Santu Wistin, u iżjed u iżjed bil-persekuzzjoni tal-Vandali, il-preżenza ta’ monasteri ta’ din il-ħajja reliġjuża nsibuha f’diversi pajjiżi. Possidju, u isqfijiet oħra kienu ġew eżiljati mill-Vandali fis-sena 437. Dawn is-segwaċi tal-kbir Duttur, kull fejn kienu jirfsu kienu jwaqqfu monasteri. San Fulġens jitlaq mill-Afrika u jmur Sardenja, San Gawdjus imur Napli, Sant’Ewġenju fi Franza, San Donat fi Spanja, u oħrajn. Ma’ dan nistgħu nżidu t-tradizzjoni tal-Isqof Russinjanu f’Għawdex fis-sena 438.

Nistgħu ngħidu u mingħajr ebda dubju, li l-preservazzjoni tal-ħajja reliġjuża Agostinjana ma tikkonsistix f’kontinwità storika, li qatt ma tista’ tiġi ppruvata, imma nsibuha fl-influwenza tal-Regola ta’ Santu Wistin, li approfitta minnha wkoll San Benedittu, u li nkomplu naraw ir-rifless tagħha fiċ-ċpar tal-Medju Evu.

Fis-seklu XIII, żmien ta’ taqlib u tibdiliet kbar fil-Knisja u fis-soċjetà, fil-foresti tat-Toskana tal-Italja ċentrali kienu jgħixu diversi eremiti, ħafna drabi f’komunitajiet żgħar u f’ħajja ta’ penitenza u kontemplazzjoni, mhux nieqsa minn impenn b’risq il-poplu ta’ Alla. Dawn l-aħwa xtaqu jagħtu aktar sehem fil-ħidma tal-Knisja. Erbgħa minnhom Fra Stiefnu ta’ Cataste, Fra Hugo ta’ Corbaria, Fra Gwido ta’ Rosa u Fra Pietru ta’ Lupocavo esponew l-istil ta’ ħajjithom lill-Papa. Fl-1244 il-Papa Innoċenz IV ġabarhom flimkien u tahom ir-Regola ta’ Santu Wistin, skont ix-xewqa tagħhom taħt il-Protettur tal-Kardinal Annibaldi. Hekk twaqqaf l-Ordni tal-Aħwa Eremiti ta’ Santu Wistin. Sa mill-bidu, flimkien mal-ispirtu kontemplattiv u komunitarju, dawn ir-reliġjużi ngħataw għall-istudju u l-ħidma appostolika. Fl-1256 il-Papa Alessandru IV għaqqad mal-grupp ewlieni diversi gruppi oħrajn u ried li l-Agostinjani jieħdu stil ta’ ħajja ta’ Ordni mendikanti. Dawn l-Ordnijiet mendikanti kienu jibbażaw il-ħajja tagħhom fuq il-valur tal-faqar komunitarju u personali, kienu jiddependu mill-karità u organizzati fi struttura ċentralizzata.

Għalhekk, flimkien mar-Regola ta’ Santu Wistin, li hija l-mappa li fuqha nippruvaw ngħixu l-Evanġelju, inħaddnu wkoll l-għajxien tal-Kostituzzjonijiet: normi ta’ ħajja li jadattaw l-ideal Agostinjan għaż-żminijiet u kulturi differenti skont it-tradizzjoni tal-Ordni. Dawn in-normi jitolbu li jkun elett Pirjol Ġenerali li jkun is-sinjal u promotur prinċipali tal-unità bejn l-aħwa.

Biex ngħidu hekk, l-Ordni ta’ Santu Wistin huwa bbażat fuq żewġ sisien: il-wirt li ħalliena Santu Wistin speċjalment l-Isem, ir-Regola u l-Ispiritwalità, u s-sejħa li l-Knisja għamlitilna fi ħdan il-Moviment Mendikanti għas-servizz tagħha.

Mis-seklu XIII ’il quddiem l-Ordni ta’ Santu Wistin kompla jikber u jinfirex mad-dinja kollha. Illum jinsab f’aktar minn 40 pajjiż differenti fil-kontinenti kollha u jgħodd madwar 2,800 reliġjuż. Matul iż-żmien li l-Knisja bdiet il-missjonijiet kbar, l-Agostinjani kienu pijunieri f’dan il-qasam flimkien ma’ Ordnijiet u Istituti oħra li avventuraw f’pajjiżi mbiegħda biex iwasslu l-Bxara t-Tajba u jwaqqfu l-ħajja reliġjuża. Dan għamluh fl-Ewropa, fl-Amerka ta’ Fuq u fl-Amerka Latina, fl-Afrika, fil-Ġappun, fil-Persja, fl-Indja u fiċ-Ċina. L-Agostinjani kienu fost dawk li waqqfu Universitajiet fid-Dinja l-Ġdida u kienu l-ewwel missjunarji fil-Filippini.

Ma’ dawn, jagħmlu parti mill-Familja kbira Agostinjana hemm ukoll is-Sorijiet Agostinjani ta’ ħajja kontemplattiva, is-Sorijiet Agostinjani ta’ ħajja attiva u l-Lajċi Agostinjani li jimpenjaw ruħhom li jgħixu l-valuri u l-ispiritwalità Agostinjana fl-ambjenti fejn jgħixu u jaħdmu.

Wara isimna nġibu l-inizjali O.S.A. (Ordinis Sancti Augustini) għaliex l-isem uffiċjali tagħna huwa Ordni ta’ Santu Wistin. L-arma tal-Ordni, simbolu tagħna li fih miġbur l-essenzjal tal-ispirtu ta’ Santu Wistin, hija magħmula minn qalb imħeġġa minfuda mill-vleġġa tal-imħabba fuq sfond ta’ ktieb miftuħ li jirrappreżenta l-Kelma ta’ Alla. Il-libsa reliġjuża tagħna, sinjal tal-konsagrazzjoni u l-appartenenza tagħna fl-Ordni, hija magħmula minn tonika sewda (jew bajda) b’kappoċċ u ċintura tal-ġild bħala ħżiem.

L-Agostinjani ġew f’Malta lejn it-tmiem tas-seklu XIV u matul aktar minn 600 sena ta’ storja, impenjaw rwieħhom f’ħafna oqsma għall-ġid tal-bniedem ta’ kull żmien u sitwazzjoni soċjali.


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.