L-Ordni Agostinjan
L-Għan tal-Ordni Agostinjan
L-għan tal-Ordni Agostinjan (OSA) jikkonsisti li, f’għaqda fraterna u ta’ ħbiberija spiritwali, infittxu u nfaħħru lil Alla u naħdmu għas-servizz tal-poplu tiegħu. B’dan il-mod, aħna naqsmu mal-ħidma ta’ evanġelizzazzjoni tal-Knisja biex twassal il-Bxara t-Tajba lid-dinja kollha biex inkunu nistgħu nittrasformaw id-dinja minn ġewwa. Din hija x-xhieda tagħna. (cf Kostituzzjonijiet OSA 13)
Għalhekk, li nkunu nies mimlija b’Alla, mimlija dawl, mimlija ferħ. Bħal Wistin… Mulej, aħna rridu nibqgħu nfittxuk, nixtiequ nkomplu nsibuk u nagħrfuk… imma fuq kollox irridu nkomplu nħobbuk dejjem iktar.
Nissejħu Agostinjani
Dan l-isem iġorr miegħu passat mill-isbaħ, preżent mimli sfidi u futur kollu tama! L-Ordni ta’ Santu Wistin huwa wieħed mill-ordnijiet reliġjużi għas-servizz tal-Evanġelju ta’ Sidna Ġesù Kristu. Il-missjoni tagħna bħala ordni reliġjuż fil-Knisja Kattolika hija li nagħtu xhieda tal-imħabba ta’ Alla lejn il-bniedem permezz tal-ħajja ta’ flimkien f’komunitajiet ta’ aħwa, mibnija fuq il-ħbiberija spiritwali u l-qsim tal-esperjenza tal-fidi. Permezz tal-wegħdiet tal-kastità, faqar u ubbidjenza nimpenjaw irwieħna f’konsagrazzjoni li Alla sejħilna għaliha għas-servizz tal-Knisja fid-diversi ministeri li hi tafdalna f’idejna fi żminijiet u postijiet differenti.
L-ideal tagħna bħala Agostinjani kien imfassal minn Santu Wistin, li wara l-konverżjoni tiegħu xtaq li jgħix il-fidi f’komunjoni ma’ oħrajn, fejn ħadd ma jkollu xejn tiegħu iżda kollox jinqasam bejn l-aħwa skont il-ħtieġa ta’ kull wieħed. Għal dan il-għan huwa waqqaf monasteri ta’ rġiel u nisa. Kiteb ukoll Regola għal dawn il-qaddejja ta’ Alla u fiha ġabar il-prinċipji fundamentali tal-ħajja tagħna sabiex inkunu nistgħu ngħixu l-Evanġelju fuq l-istil tal-ewwel komunità ta’ Ġerusalemm, hekk kif insibu fl-Atti tal-Appostli (2, 4-5):
“Dawk kollha li kienu jemmnu kienu ħaġa waħda, u kienu jaqsmu kollox bejniethom, ibigħu ġidhom u kulma kellhom u jqassmu d-dħul bejn kulħadd, skont il-ħtieġa ta’ kull wieħed. U kuljum kienu jmorru fit-tempju flimkien, jaqsmu l-ħobż fi djarhom, u jissieħbu fl-ikel bi qlub ferħana u safja.”
L-Istorja tal-Ordni
Fis-seklu XIII, żmien ta’ taqlib u tibdiliet kbar fil-Knisja u fis-soċjetà, fil-foresti tal-Italja ċentrali kienu jgħixu diversi eremiti, ħafna drabi f’komunitajiet żgħar u f’ħajja ta’ penitenza u kontemplazzjoni, mhux nieqsa minn impenn b’risq il-poplu ta’ Alla.
Dawn l-aħwa xtaqu jagħtu aktar sehem fil-ħidma tal-Knisja. Erbgħa minnhom esponew l-istil ta’ ħajjithom lill-Papa. Fl-1244 il-Papa Innoċenz IV ġabarhom flimkien u tahom ir-Regola ta’ Santu Wistin, skont ix-xewqa tagħhom. Hekk twaqqaf l-Ordni tal-Aħwa Eremiti ta’ Santu Wistin. Sa mill-bidu, flimkien mal-ispirtu kontemplattiv u komunitarju, dawn ir-reliġjużi ngħataw għall-istudju u l-ħidma appostolika.Fl-1256 il-Papa Alessandru IV għaqqad mal-grupp ewlieni diversi gruppi oħrajn u ried li l-Agostinjani jieħdu stil ta’ ħajja ta’ ordni mendikanti. Dawn l-ordnijiet mendikanti kienu jibbażaw il-ħajja tagħhom fuq il-valur tal-faqar komunitarju u personali, kienu jiddependu mill-karità u organizzati fi struttura ċentralizzata.
Għalhekk, flimkien mar-Regola ta’ Santu Wistin, li hija l-mappa li fuqha nippruvaw ngħixu l-Evanġelju, inħaddnu wkoll l-għajxien tal-Kostituzzjonijiet: normi ta’ ħajja li jaddattaw l-ideal Agostinjan għaż-żminijiet u kulturi differenti skont it-tradizzjoni tal-Ordni.
Mis-seklu XIII ‘l quddiem l-Ordni ta’ Santu Wistin kompla jikber u jinfirex mad-dinja kollha. Illum jinsab f’aktar minn 40 pajjiż differenti fil-kontinenti kollha u jgħodd madwar 2,800 reliġjuż. Ma’ dawn, jagħmlu parti mill-familja kbira Agostinjana hemm ukoll is-Sorijiet Agostinjani ta’ ħajja kontemplattiva, is-Sorijiet Agostinjani ta’ ħajja attiva u l-Lajċi Agostinjani li jimpennjaw ruħhom li jgħixu l-valuri u l-ispiritwalità Agostinjana fl-ambjenti fejn jgħixu u jaħdmu.
Wara isimna nġibu l-inizjali O.S.A. (Ordinis Sancti Augustini) għaliex l-isem uffiċċjali tagħna huwa Ordni ta’ Santu Wistin. L-arma tal-Ordni, simbolu tagħna li fih miġbur l-essenzjal tal-ispirtu ta’ Santu Wistin, hija magħmula minn qalb imħeġġa minfuda mill-vleġġa tal-imħabba fuq sfond ta’ ktieb miftuħ li jirrappreżenta l-Kelma ta’ Alla. Il-libsa reliġjuża tagħna, sinjal tal-konsagrazzjoni u l-appartenenza tagħna fl-Ordni, hija magħmula minn tunika sewda (jew bajda) b’kapoċċ u ċintura tal-ġild bħala ħżiem.